Wieħed mill-elementi
l-aktar b’saħħithom bla dubju huwa n-nar. In-nar huwa element li jeqred; in-nar
huwa ħaġa li tbeżża’, iżda l-bniedem għax għandu moħħ li kapaċi jaħseb u għax
huwa intelliġenti, minn element li jeqred u li jbeżża’ sab mezzi biex jagħmel
użu minnu tant li llum il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr in-nar jew dawk
il-kumditajiet li oriġinarjament kienu jaħdmu bin-nar.
Għat-tisjir, id-dawl u s-sħana
L-annimali jitwerwru
min-nar. Araw meta taqbad xi foresta kif l-annimali jitilqgħu jiġru bogħod minn
dak il-periklu. Iżda l-bniedem mhux hekk. Minkejja li aħna nibżgħu min-nar
ukoll, xorta waħda sibna kif minnu ndawlu djarna matul il-lejl, bih sirna
nsajru l-ikel tagħna, ħaġa li l-ebda annimal ieħor ma huwa kapaċi jagħmel. Bin-nar
bdejna nsaħħnu djarna fix-xhur keħin tax-xitwa. Il-bniedem irnexxielu minn
element daqstant perikoluż u tal-biża’ jivvinta aċċessorji biex ikollu ħajja
aktar komda. Aktar qrib tagħna l-bniedem irnexxielu juża n-nar biex jgħinu jmur
minn post għal ieħor. Il-vapuri ma baqgħux jaħdmu bil-qlugħ u l-qawwa tar-riħ
imma bdew jaħdmu permezz tal-fwar prodott minn ilma fuq in-nar. L-istess
il-ferrovija, kienet timxi permezz tal-fwar prodott minn ħuġġiega nar. U
l-karozza jekk niġu f’dan mhux ukoll bi xrara nar taħdem? In-nar illum sar
prodott importanti fil-ħajja tal-bniedem minkejja li għadu jbeżża’.
Ħsarat

Tajjeb insemmu nar kbir
li kien seħħ f’Malta fl-1873 sewwasew nhar il-25 ta’ Mejju. Dakinhar kien inħaraq it-Teatru Rjal tal-Belt
Valletta. Minkejja li l-bini fuq barra ma ġralu xejn il-ħsara ta’ ġewwa kienet
enormi tant li kellhom jgħaddu erba’ snin u nofs biex dan it-teatru reġa’ fetaħ
il-bibien tiegħu għall-pubbliku.
Il-kittieb Malti Ġużè Galea jagħtina rumanz sabiħ li jsemmi sewwa dawn
in-nirien. Fil-fatt ir-rumanz jismu “Meta nħaraq it-teatru”.
Fil-fidi u fil-kultura
In-nar huwa element li
nsibu wkoll fit-twemmin. Il-Lhud bħalna jemmnu li l-profeta Elija kien imtella’
lejn is-smewwiet fuq karru tan-nar. Alla kellem lil Mosè minn siġra taqbad bla
ma tiġi rmied. L-Insara jemmnu li meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli
dehru ilsna tan-nar fuq rashom. In-nar jissemma fil-Bibbja aktar minn erba’
mitt darba, anke b’mod indirett. Dan juri l-importanza tiegħu fil-ħajja tagħna
l-bnedmin. Tajjeb insemmu li nhar Sibt il-Għid fil-knejjes Kattoliċi jitbierek
in-nar qabel il-funzjoni tal-Vġili tal-Għid.
Il-bniedem rebaħ u sar
anke jikmanda sa ċertu punt lin-nar. Għalkemm mhux daqstant popolari magħna,
imma ġieli rajna nies jagħtu spettaklu billi jilgħabu bin-nar u sħansitra
jiekluh, jew tal-inqas insejħulhom hekk (fire
eaters). Ġieli rajna xi ħaġa minn dawn meta f’pajjiżna jkun hawn xi ċirklu
jew aktarx fuq it-televiżjoni. Darba kont Catania fl-aħħar tas-sena u rajt dik
li jsejħu Festa del fuoco. Spettaklu
tal-għaġeb bin-nar li mhux kapaċi nfissru bil-kitba. Spettaklu meravilja. Iżda
l-akbar spettaklu li l-bniedem jagħti permezz tan-nar bla dubju hija fl-arti
piroteknika.
Nar tal-ajru, nar tal-art

L-istorja piroteknika
anke f’Malta hija waħda twila. Minn sparar ta’ ftit maskli bosta snin ilu llum
għandna ħaddiema li jaħdmu nar mill-aqwa li jpaxxi lil kull min jarah. Nar
tal-art u nar tal-ajru, żewġ friegħi fil-piroteknika li pajjiżna jista’
jiftaħar bihom. U llum anke t-teknoloġija daħlet fil-logħab tan-nar. Bosta
kmamar li jipproduċu n-nar saru jagħtu spettaklu pirotekniku sinkorinzzat.
Bħal kollox, in-nar fih
it-tajjeb u fih il-ħażin tiegħu!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Settembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento