Bosta minna jżuru
Krakovja minkejja li ma hijiex il-belt kapitali tal-pajjiż. Fil-pjazza prinċipali ta’ din il-belt mill-isbaħ
wieħed jara knisja maestuża f’ ġenb tagħha. Din hija l-bażilika ta’ San Marija,
waħda mill-aktar lokalitajiet interessanti f’ din il-belt.
Skont xi storiċi
l-ewwel knisja fil-post inbniet bejn l-1221 u l-1222. Din inqerdet
mill-invażjoni tal-Mongoli. Bejn l-1290 u l-1300 inbniet knisja ġotika fuq
il-pedamenti ta’ dik antika. Din kienet ikkonsagrata fl-1320 iżda din twaqqgħet
u nbniet mill-ġdid bejn l-1355 u l-1365 taħt il-mexxej Kasmiru l-Kbir li ħallas
parti kbira mill-ispejjeż. It-tisbieħ minn ġewwa baqa’ sejjer għal bosta snin
oħra u kien lest minn kollox fl-1397. Fl-1442 terremot qawwi għeżżeż lil din
il-parti tal-Polonja u l-knisja ta’ Santa Marija ta’ Krakovja ġarrbet bosta
ħsarat. Mat-tiswija ta’ dawn il-ħsarat żdiedu l-kappelli fil-knisja u nbena
kampnar ieħor biex iservi bħala torri tal-għassa. Fl-1666 fuq dan il-kampnar
tpoġġiet kuruna kbira indurata bid-deheb li għandna narawha sal-lum. Matul
is-seklu XVIII il-knisja ħadet bixra barokka. Sar ħafna xogħol ta’ arti fiha li
għamilha waħda mill-isbaħ knejjes tal-pajjiż. Bejn l-1887 u l-1891 il-knisja
ingħatatilha x-xejra neo-gotika li narawlha llum.
Żgur li meta
wieħed ikun Krakovja jaraha din il-knisja għax hija fil-qalba sewwa tal-belt,
propju fil-pjazza ewlenija ta’ Krakovja u jekk ikun ma’ xi grupp żgur li
l-mexxej jew il-gwida idaħħal lil dak li jkun fiha għax hija post li wieħed ma
għandux jitlef li jżur. Dan huwa post ieħor, mill-eluf madwar id-dinja li huwa ddedikat
lit-tlugħ ta’ Marija fis-sema.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-ktieb tal-Banda Santa Marija Mosta, Festa 2018


Nessun commento:
Posta un commento