Bil-mezzi tat-teknoloġija
li għandna f’idejna llum qegħdin insiru nafu xi jkun qed iseħħ fin-naħa l-oħra
tad-dinja u ġieli lanqas inkunu nafu x’ġara jew x’inhu jiġri bieb ma’ bieb ma’
darna. Bis-saħħa ta’ din it-teknoloġija moderna li llum tista’ tgħid kulħadd
sar jużaha, sirna nsibu nies li jkollom l-istess ġosti tagħna u nsiru ħbieb bla
ma qatt niltaqgħu fiżikament.
Hekk ġrali jien.
Kappillan ħabib tiegħi li
jinsab f’parroċċa fl-Italja meridjonali, spiss kien jitlobni mmur ngħinu meta
kont għadni ngħix Ruma. Kont ninżel minn Ruma bil-qalb kollha u mmur f’din
il-parroċċa fejn għad hemm rispett kbir lejn is-saċerdot. Ma domtx wisq ma
bdejt nagħmel il-ħbieb. Kemm se ddum ġej u sejjer? Fl-aħħar in-nies tidrak u
ssir tafek u tibda tistenniek minn darba għal oħra. Bdew jiżdiedu l-ħbieb fuq
Facebook. Meta kont nara li persuna hija minn dan il-villaġġ mitluf fuq
il-muntanji tal-Irpinja bla ma kont noqgħod inqis xejn kont naċċetta l-istedina
tal-ħbiberija virtwali.
Il-mezzi tal-media
soċjali ma jużawhomx biss il-bnedmin…. Stenna naqra ma rridx ninftiehem li hawn
xi annimal li juża l-komputer u l-mezzi li qed insemmi, xejn minn dan. Li rrid
ngħid hu li jista’ jkun hemm grupp jew għaqda jew każin jew xi entità oħra li
wkoll twassal leħinha permezz ta’ Twitter jew aktar popolari magħna Facebook. U
l-parroċċa ta’ dan ir-raħal li qed insemmi wkoll fetħet paġna fuq Facebook.
Stednuni biex ningħaqad mal-membri ta’ din il-paġna u aċċettajt. Bdejt ninnota
li din kienet qed tinżamm aġġornata ħafna u kull attività li ssir fil-parroċċa
jkun hemm għadd ta’ ritratti u xi film ukoll dwarha. Ngħid id-dritt immaġinajt
xi fotografu professjonali għax ġieli intefgħu ritratti li tabilħaqq ikunu
miġbudin b’sengħa jew b’teknika.
Minkejja li ma għadnix
ngħix Ruma xorta xi kultant għadni mmur inżur dan ir-raħal. Dan l-aħħar kont
mistieden biex immur nipprietka t-tridu u mmexxi l-purċissjoni ta’ Sant’ Antnin
li ssir bil-kbir f’dan ir-raħal. Aċċettajt bil-qalb kollha u mort. Ġietni
l-kurżità min kien jaġġorna l-paġna Facebook tal-parroċċa u staqsejt
lill-kappillan. Qalli li kellu jlaqqagħni ma’ dak li jieħu ħsieb din il-paġna.
Filgħaxija, qabel il-quddies, kont fis-sagristija u daħal il-kappillan ma’ żagħżugħ
forsi għandu 18 jew 19-il sena u qalli li kien dan li jamministra l-paġna
tal-parroċċa. Ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ dak li jitfa’ fuq l-internet dak li jseħħ
fir-raħal tiegħu biex jarah min irid, fosthom jien u l-bosta emigranti li telqu
minn dan ir-raħal. Nistħajlek tgħid li b’dan kollu ma għandix għax nistgħaġeb
għax fid-dinja min jaf kemm hawn żgħażagħ li jmexxu paġni bħalma jmexxi dan
iż-żagħżugħ, imma li ħallieni bla kliem huwa li dan it-tifel għandu
l-kundizzjoni ta’ down syndrome.
Kemm kultant lanqas
nimmaġinaw jew nobsru l-kapaċitajiet ta’ nies bħal dawn! Nistqarr li minkejja
li naf li min għandu din il-kundizzjoni jkun kapaċi jagħmel ħafna minn dak i
nagħmlu lkoll kemm aħna u hemm fejn jissupera l-kapaċitajiet taċħna, kieku qatt
ma ltaqjt miegħu qatt ma kont nimmaġina kif paġna miżmuma daqstant aġġornata
hija mmexxija minn żagħażugħ hekk.
Kemm hu tajjeb li
l-bniedem niltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ, kemm hu importani li l-kuntatt bejn
bniedem u bniedem ma jkunx biss virtwali!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento