Visualizzazione post con etichetta Ninteen Eighty-Four. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Ninteen Eighty-Four. Mostra tutti i post

venerdì 11 settembre 2026

Eric Arthur Blair

 

Nemmen li għal ħafna minna l-isem ta’ Eric Arthur Blair ma jfisser xejn, imma jekk ngħidilkom l-isem li kien jinqeda bih fil-kitbiet tiegħu, żgur li ħafna minna, biex ma ngħidx kulħadd, jafu min hu, jew tal-anqas semagħu bih u bil-kitba tiegħu. Eric Arthur Blair ma huwa ħadd għajr il-magħruf George Orwell, l-awtur tar-rumanz satiriku u politiku “Animal Farm” u tal-ktieb “Ninteen Eighty-Four”. Naħseb issa ndunajtu min hu Eric Arthur Blair.

Ħajtu

Eric Arthur Blair twieled fit-25 ta' Ġunju, 1903, f'Motihari, li dak iż-żmien kienet parti mill-Indja Britannika. Missieru, Richard Walmesley Blair, kien jaħdem fis-Servizz Ċivili Indjan, filwaqt li ommu kienet Ida Mabel Blair. Meta kellu madwar sena, ommu ħadet lilu u lil ħutu lejn l-Ingilterra, fejn qatta' l-biċċa l-kbira tat-tfulija tiegħu. Għalkemm il-familja tiegħu kienet tappartjeni għal dak li huwa aktar tard sejjaħ il-"klassi medja bejn dik għolja u dik  baxxa," fil-verità il-familja tiegħu kellha riżorsi finanzjarji limitati ħafna.

Attenda skejjel prestiġjużi, l-ewwel St Cyprian's School u aktar tard Eton College. Minkejja li huwa kien intelliġenti iżda qatt ma kien partikolarment interessat fil-kisbiet akkademiċi. Meta kiber imbagħad kellu tendenza qawwija ta' indipendenza u kellu xettiċiżmu kbir lejn l-awtorità li aktar tard kellu jikkaratterizza x-xogħol letterarju tiegħu. Biex jifhem il-faqar b'mod dirett, huwa għex fil-qrib fost il-fqar f'partijiet ta' Londra u Pariġi. Ħadem xogħlijiet b'paga baxxa, baqa' f'djar ta' akkomodazzjoni, u kien jagħmiha ma' vagaboni u ħaddiema tal-id. Dawn l-esperjenzi saru l-bażi għall-ewwel ktieb kbir tiegħu li huwa semma “Down and Out in Paris and London”.

Bdil tal-isem

Eric Blair adottat l-psewdonomu ta’ George Orwell fl-1933 biex jippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Down and Out in Paris and London. Huwa Għamel dan għal diversi raġunijiet fosthom bħala protezzjoni tal-familja tiegħu. Dan il-ktieb iddeskriva ż-żmien tiegħu li għadda fil-faqar, meta kien jaħdem f'impjiegi baxxi fil-kċina, u jitħallat ma' vagabondi u ħaddiema ta’ klassi soċjai baxxa. Kien jibża' li l-kontenut fil-ktieb tiegħu, li ma kien xejn ta’ klassi għolja, seta’ jimbarazza lill-ġenituri konservattivi tiegħu. Huwa ried joħloq bniedem ġdid minnu nnifsu, ried jinqata’ mill-klassi medja għolja tal-isem tiegħu. Huwa ma kienx iħobbu l-isem "Eric". Għalhekk huwa għażel "George" għax huwa isem tipiku Ingliż, u "Orwell" wara x-xmara pittoreska li nsibu f'Suffolk, l-Ingilterra.

Xogħol u Politika

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Orwell ħadem bħala ġurnalist u xandar. Huwa ħadem għall-BBC u beda jipproduċi programmi kulturali u politiċi mmirati lejn l-udjenzi fl-Indja. Għalkemm appoġġja l-ġlieda kontra l-faxxiżmu, kien frustrat bil-burokrazija u l-propaganda li kienet għaddejja matul il-gwerra. Dawn il-frustrazzjonijiet qawwew l-impenn tiegħu għal użu ta’ linwaġġ onest u xerred twemminu dwar il-ġurnaliżmu tabilħaqq indipendenti. Matul dan il-perjodu kiteb kitbiet influwenti ħafna dwar il-politika, il-letteratura u l-lingwaġġ użat.

L-isem ta' Orwell sar magħruf bil-pubblikazzjoni tal-ktieb “Annimal Farm”, ktieb li llum insibuh maqlub f’aktar minn 70 lingwa, fosthom bil-Malti bl-isem “Ir-Razzett tal-Bhejjem” miġjub fi lsienna minn George Borg fl-1972. L-istorja tar-rumanz, li hija satira qawwija kontra l-abbuż tal-poter, tidher li hija sempliċi dwar annimali ta’ razzett li jduru u jkeċċu ’l barra mir-razzett lill-propjetarju tar-razzett. Fil-fatt hija allegorija politika dwar ir-Rivoluzzjoni Russa u dwar Stalin. Il-ktieb kien diffiċli biex jiġi ppubblikat inizjalment għax l-Unjoni Sovjetika kienet alleata tar-Renju Unit matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, ladarba sab ruħu fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba, beda jinxtara u kiseb suċċess kbir.

Il-frażi famuża minn dan ir-rumanz: "L-annimali kollha huma ndaqs, imma xi annimali huma aktar indaqs minn oħrajn." saret waħda mill-aktar dikjarazzjonijiet imsemmija fil-letteratura politika. Orwell juri li l-bhejjem li wettqu r-rivoluzzjoni u keċċew lil sidhom il barra, spiċċaw agħar milli kienu qabel. B’mod sottili Orwell juri kif spiss jinħoloq dittatorjat, anke wieħed naturali,  meta lill-poplu jibdew jittieħdulu l-libertajiet u d-drittijiet li jkun tant ħadem biex kisibhom.

Elf disa' snin u erbgħa u tmenin

Nineteen Eighty-Four huwa rumanz distopiku dwar soċjetà futura immaġinarja f’dinja fittizja, miktub minn George Orwell u ppubblikat fl-1949. Dan il-ktieb huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura tas-seklu 20, huwa rappreżentazzjoni kerha ta’ futur iddominat minn reġim totalitarju li jikkontrolla kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini. Ix-xbihat u l-kunċetti bħal Big Brotheril-pulizija tal-ħsiebNewspeak (lingwaġġ propogandistiku, vokabularju deliberatament manipulat u ddisinjat minn reġim totalitarju biex jillimita r-reġjun tal-ħsieb uman, jipprevjeni r-raġunar kritiku, u jelimina l-possibbiltà ta' xi ribelljoni) Dawn l-atti saru stabbiliti sew fil-kultura politika moderna.

Illum li għadda kważi seklu mill-kitba ta’ Orwell u aktar minn tliet kwarti ta’ seklu mil-mewt tiegħu, nistgħu naraw kemm kien profetiku dak li kiteb. 

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2026