Visualizzazione post con etichetta IStanbul. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta IStanbul. Mostra tutti i post

sabato 20 novembre 2021

Istanbul - Belt f’dinja differenti

 

Wara bosta xhur imsakkrin fi gżiritna minħabba l-pandemija li ħakmet lid-dinja aktar minn għoxrin xahar ilu, issa bdejna nippruvaw nerġgħu lura għan-normal – insomma il-kelma ġġib hekk “normal” għax għadna ’l bogħod ħafna biex inkunu nistgħu ngħidu li għadda kollox u l-imxija tal-Covid 19 tkun ħaġa tal-imgħoddi. Biex nippruvaw naqbdu r-rutina ta’ qabel erġajna bdejna nippjanaw xi safra.

Destinazzjoni li kull ma jmur qed issir aktar popolari magħna l-Maltin hija t-Turkija. Sagħtejn u nofs titjira u minn din il-gżira ċkejkna ssib ruħek f’pajjiż enormi, pajjiż li fih jgħixu aktar minn 85 miljun ruħ, art li fiha aktar minn seba’ mija u tmenin elf kilometru kwadru. It-Turkija tinfirex bejn żewġ kontinenti, il-parti l-kbira fl-Asja u biċċa żgħira fl-Ewropa. Minkejja li ma hijiex il-Belt Kapitali, Istanbul hija l-aktar belt popolata f’dan in-nazzjon enormi. Huwa propju Istanbul li jifred l-Ewropa mill-Asja. Fil-fatt din il-belt għandha parti f’kontinent u parti oħra f’kontinent ieħor, belt li jifridha xiber baħar li jgħaqqad il-Baħar l-Iswed mal-Baħar Marmara.

Farka storja

L-ewwel abitanti ta’ Istanbul imorru lura għat-tieni millenju qabel Kristu. Dawn kienu joqgħodu fuq in-naħa Asjatika tal-belt. L-ewwel isem tagħha ġej mir-Re Byzas li għall-ħabta ts-seklu sebgħa qabel Kristu kien waqqaf hemmhekk kolonja bl-isem ta’ Biżanzju (Byzantium). Fis-sitt seklu qabel Kristu l-Persjani ħakmu l-belt u wara Alessandru l-Kbir ħadha f’idejh fis-seklu erbgħa qabel Kristu. Għal żewġ sekli sħaħ f’Biżanzju rrennja s-sliem. Fis-sena 193 wara Kristu l-Imperatur Ruman Septimus Severu rebaħ il-belt u baqgħet taħt il-ħakma Rumana sas-seklu erbgħa meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir għamel Biżanzju l-kapitali tal-Imperu Ruman kollu u taha ismu: Kostantinopli. Wara l-ħames seklu l-Imperu Ruman tal-Lvant kien beda jissejjaħ Biżantin. Il-belt inbniet fuq seba’ għoljiet, sewwasew bħal Ruma. L-Imperaturi Biżantini sebbħu u għanew lil din il-belt b’kull xorta ta’ teżori. Kien hemm żmien ta’ sliem u żmien ta’ nkwiet. Fil-fatt fis-sena 532 din il-belt ġiet meqruda imma nbniet mill-ġdid.

L-istorja ta’ din il-belt minn dak iż-żmien kienet waħda mqallba sewwa. Bejn assedji mill-Għarab, ġlied u kruċjati tellfu bosta minn dak li darba kienet tippossedi Kostantinopli. It-Torok Ottomani mmexxija mis-Sultan Mehmet II rebħu Kostantinopli fl-1453. Il-belt ġiet imsemmija mill-ġdid, din id-darba Islambol u saret il-belt kapitali tal-Imperu Ottoman. Bejn is-sekli 15 u s-16, is-Slaten Ottomani bnew ħafna moskeji u bini pubbliku, u għal darb oħra l-popolazzjoni tal-belt laħqet madwar nofs miljun ruħ.  Sa nofs l-1500, Istanbul kienet ċentru kulturali, politiku u kummerċjali ewlieni tal-Imperu kollu. Il-ħakma Ottomana damet sal-Ewwel Gwerra Dinjija meta Istanbul kienet okkupata mit-truppi tal-alleati. Wara snin ta' taqbid, twieldet ir-Repubblika tat-Turkija fl-1923 u l-kapitali ma baqgħetx Istanbul imma Ankara.

Santa Sofija

Ma tistax titkellem dwar Istanbul u ma ssemmix l-aktar bini famuż li nsibu f’din il-belt. Bosta minna nsejħulha Santa Sofija imma aktar magħrufha bħala Hagia Sophia li wara kollox għandha l-istess tifsira – L-Għerf Qaddis. L-ewwel knisja mibnija fil-post kienet magħrufa bħala Magna Eclesia – il-knisja l-kbira u kienet mibnija mill-Imperatur Kostantinu. Mibnija mill-ġdid bejn is-snin 532 u 537 bħala l-katidral patrijarkali tal-kapitali imperjali ta’ Kostantinopli. Din kienet l-akbar knisja Kristjana tal-Imperu Ruman tal-Lvant jew aħjar l-Imperu Biżantin kif ukoll tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Fl-1453, wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn l-Imperu Ottoman, din il-knisja nbidlet f’moskea. Fl-1935, taħt id-direzzjoni ta’ Mustafa Kemal Atatürk, ir-Repubblika sekulari tat-Turkija bdiet tużaha bħala mużew. Fl-2020, taħt id-direzzjoni ta’ Recep Tayyip Erdoğan, reġgħet infetħet bħala moskea.

X’tara

Ma jistax jonqos li f’belt bħal din hemm bosta u bosta x’wieħed jara. Billi din il-belt tgħaqqad il-Lvant mal-Punent għandna mnejn naħsbu li hija belt orjentali. Tassew li hija hekk biss hija wkoll belt moderna li fiha ssib kollox, dak kollu li ssib fi bliet Ewropej kbar imħalltin ma’ dak li ssib fi bliet Orjentali. Għalhekk din hija belt unika, belt f’dinja oħra!

Wieħed jista’ jmur dawra b’lanċa max-xatt ta’ din il-belt. Filgħaxija dan il-vjaġġ ikun isbaħ għax tidher il-belt mixgħulha. Wieħed jista’ jieħu dawra fuq lanċa li fuqha jkollha l-ikel u l-ispettaklu. Hawn wieħed ikun jista’ jara żfin Tork fosthom minn xi belly dancer. Wieħed jista’ jżur il-Grand Bazaar fejn isib jixtri minn kollox. Attenti għax ladarba tidħol f’dan is-suq faċli ħafna tintilef fih, mhux biss tintilef tixtri imma ma ssibx minn fejn tkun dħalt. Wieħed jista’ wkoll iżur suq ieħor, is-suq tal-ħwawar. Hemm ukoll bosta moskeji li wieħed jista’ jżur kif ukoll knejjes sbieħ li mhux ta’ min ma jittawwalx naqra fihom.

Ma dan kollu hemm il-kċina Torka li hija tajba ħafna. Illum f’Istanbul issib tiekol minn kollox imma dnub tkun hemmhekk u ma tiekolx ikel Tork. Il-kebab huwa l-aktar ikel Tork magħruf magħna imma dan mhux biss. Hemm ikel ieħor li tabilħaqq jinżillek għasel.

Naħseb issa ndunajtu għalfejn dan l-artiklu semmejtu Istanbul- belt f’dinja differenti għax tabilħaqq hija hekk.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Novembru 2021




sabato 1 maggio 2021

Il-mitjar


Illum il-ġurnata forsi hawn min lanqas jaf xi tfisser il-kelma “mitjar”. Fi tfuliti konna nisimgħuha ħafna drabi fuq il-mezzi tax-xandir. Illum insejħu l-mitjar bil-kelma “ajruport” għax forsi aktar tinstema’ Ewropeja.

Il-kelma Mitjar hija n-nom mimmat tal-verb tajjar. Bħan-nomi mimmati kollha, din hija kelma ta’ nisel semitiku u mhux romanz bħal ajruport. Intant mhux il-ħsieb tiegħi li nikteb dwar l-ilsien Malti iżda ladarba għandna kelma tagħna għażilt li nuża lilha. Forsi minħabba l-pandemija kellna nnaqqsu jew inħassru għal kollox il-vjaġġi li kellna ppjanati u għalhekk ftit li xejn qed naħsbu dwar il-mitjar, biss hemm għadu u qed jistenna li d-dinja terġa’ lura għan-normalità tagħha biex jerġa’ jibda jilqa’ dawk il-folol li kien ikun hemm fih sa madwar sena ilu.

Ajruporti f’Malta

Biex ħadd ma jaħseb li jien xi bniedem kontra kull progress, issa għażilt il-kelma ajruporti! Jien dejjem niftakar l-ajuport ta’ Ħal Luqa, biss kien hawn żmien fejn f’pajjiżna kellna aktar minn ajuport wieħed. Jekk irridu nistgħu nżidu l-ħeliport tax-Xewkija Għawdex, imma ejjew naraw xi ajruporti f’Malta li llum ma għadhomx jintużaw.

Bla dubju l-aktar ajruport li għadu magħruf huwa dak ta’ Ta’ Qali. Dan inbena ftit qabel it-tieni gwerra dinjija u baqa’ jservi sa nofs is-snin ħamsin. Ħtija ta’ dan il-mitjar, l-irħula tal-qrib batew bosta attakki mill-ajru matul il-gwerra. Illum dan il-post qed iservi bħala parti mill-park nazzjonali. Tajjeb ngħidu wkoll li llum parti minn dan il-mitjar isservi biex minnha jittajru mudelli ta’ ajruplani, passatemp ta’ bosta Maltin. Mitjar ieħor konna nsibuh f’Ħal Far. Dan kien l-ewwel ajruport f’Malta. Infetaħ fl-1929 biex ovvjament jaqdi l-qawwiet Brittaniċi. Dan il-mitjar ukoll kien ibbumbardjat bil-kbir waqt il-gwerra. Illum parti mir-runway hija triq u parti oħra tintuża  għal dawk li jħobbu l-isport tad-drag racing.

Il-gallarija tal-ajurport ta' Ħal Luqa (l-antika)
Sibt ukoll li f’Kalafrana kien hemm post fejn jinżlu l-ajruplani. Dan ma kienx mitjar fuq l-art iżda fil-baħar u kien jaqdi lil dawk l-ajurplani li kienu jistgħu jitniżżlu fuq il-wiċċ tal-baħar. Kien iservi bejn l-1917 u l-1946. Sibt riferenzi għal mitjar f’Ħal Safi u ieħor fil-Qrendi iżda dawn nistgħu ngħodduhom bħala partijiet mill-mitjar ta’ Ħal Luqa.

Ta’ min isemmi li għal xi żmien anke l-port il-kbir serva ta’ mitjar għal ajruplan li kien joffri servizz bejn Malta u Għawdex u kien jitla’ u jinżel minn ġol-baħar. Għawdex kien jinżel u jitla’ minn barra l-port tal-Imġarr.

Ajruporti mimlija nies 

L-ajruporti llum saru post komuni għal eluf ta’ nies billi t-trasport bl-ajru sar eħfer minn qatt qabel u allura min juża l-ajruplan ikollu juża l-ajruport. L-aktar ajruport li jużawh nies fid-dinja huwa dak li nsibu f’Hartsfield-Jackson Atlanta. Minn dan l-ajurport internazzjonali fl-Amerika, jgħaddu aktar minn mija u seba’ miljun passiġġier fis-sena. Warajh insibu dak ta’ Beijing fiċ-Ċina, b’aktar minn mitt miljun passiġġier fis-sena. Ara ma taħsbux li fl-Ewropa ma hawnx ajruporti li jużawhom miljuni wkoll! L-ajurport ta’ Heathrow l-Ingilterra huwa l-aktar wieħed użat fl-Ewropa u s-seba’ fil-lista mondjali. Minn hawn jgħaddu ’l fuq minn tmenin miljun passiġġier ta’ kull sena. Warajh bħala mitjar Ewropew insibu dak ta’ Charles de Gaulle ta’ Pariġi fi Franza. Dan jaqdi aktar minn tnejn u sebgħin miljun ruħ fis-sena.

Tajjeb ngħidu li minħabba l-pandemija l-istatistika li tajt hawn fuq inbidlet. Jien ħadt dik tal-2019 meta d-dinja kienet għadha għaddejja biex ngħid hekk “normali” Fis-sena 2020, fl-Ewropa, kien l-ajruport ta’ Istanbul fit-Turkija li minnu għaddew l-aktar nies. Madwar tlieta u għoxrin miljun passiġġier tar minn Istanbul fl-2020 u ħtija tal-Lock downs, Heathrow spiċċa fit-tielet post waqt li Charles de Gaulle baqa’ fit-tieni post. Post il-mitjar ta’ Malta ma jistax ikun fuq quddiem fil-lista għax bejn iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet kollha ma nistgħux nippretendu li nkunu wisq il fuq. Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien fis-sebgħin post fost l-ajruporti Ewropej u għamlu użu minnu fuq seba’ miljun ruħ. Il-pandemija tellfet xejn anqas minn tmintax il-post f’din il-klassifika lill-mitjar Malti.

Numri

L-aktar pajjiż li fih ajruporti huwa l-Istati Uniti b’aktar minn tlettax-il elf wieħed. Fost l-ewwel għaxar pajjiżi bl-aktar numru ta’ ajruporti ma nsibu l-ebda pajjiż Ewropew. Tajjeb ngħidu li fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, hemm sebgħa u sebgħin mitjar, bl-aktar wieħed qrib tagħna huwa dak militari ta’ Sigonella fi Sqallija.  Forsi ftit jafu li anke fuq il-gżira ta’ Lampedusa hemm ajruport filwaqt li fuq il-gżira ta’ Pantellerija hemm ajruport militari li jintuża wkoll mill-pubbliku.

Nixtieq kieku stajt noħodkom xi mkien miegħi iżda llum wasalna biss sal-mitjar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Mejju 2021