Visualizzazione post con etichetta bugibba. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta bugibba. Mostra tutti i post

sabato 13 luglio 2024

Sjuf tfuliti

 

Nemmen li ħafna huma dawk li bħali jibdew jeqirdu bis-sħana sa minn filgħodu malli jiftħu għajnejhom. Nistqarr il-verità li jiena wieħed minn dawk li nippreferi x-xitwa, imma ovvjament ikolli ngħaddi mill-istaġuni kollha, fosthom is-sajf, inħobbu jew ma nħobbux. Għidtilkom li jien nippreferi x-xitwa imma mhux dejjem kont hekk. Ta’ tifel kont inħobbu s-sajf. Min jaf, forsi ma kienux sjuf daqstant qliel is-sjuf ta’ tfuliti? Naħseb fuq is-sjuf ta’ tfuliti u nħoss ċerta nostalġija, imbagħad noqgħod naħseb u nara kemm kienu differenti s-sjuf ta’ dari minn dawk tal-lum.

Tmiem l-iskola

Fi ċkuniti l-iskola ma kinitx tispiċċa fi tmiem Ġunju imma fil-15 ta’ Lulju u tibda f’nofs Settembru, mela aħna kien ikollna madwar madwar tliet ġimgħat inqas vaganzi. Meta bdejt nattendi l-iskola sekondarja niftakar li lejn tmiem Ġunju kienu jibdew l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Jiena, bħalma ġieli għidtilom, minn Ħal Qormi u nagħmel mal-paroċċa ta’ San Ġorġ. Il-festa ta’ dan il-qaddis ilha madwar ħamsin sena ssir fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, għalhekk ta’ kull sena ix-xalata tal-festa tiegħi kienet tkun l-iskola aktarx bl-ewwel eżamijiet. Imbagaħd jispiċċaw l-eżamijiet u sakemm nistennew ir-riżultati, kultant b’qalbna ttaqtaq, konna ngawdu  s-sajf xorta waħda. Il-ħruġ tagħna ħafna drabi kien ikun xi ġurnata fejn il-baħar.

Il-baħar

Il-familja tiegħi kienet familja ta’ furnara li kienu jaħdmu nhar ta’ Ħadd u mbagħad it-Tnejn joħduha festa, allura aktarx li konna mmorru ġurnata baħar nhar ta’ Tnejn. Aħna dejjem fittixna minn San Pawl il-Baħar il fuq biex ngħumu. Nies il-mara ta’ wieħed miz-zijiet kellhom boat house Buġibba u spiss konna mmorru ħdejhom.

Buġibba fis-snin 70
Buġibba ma kinitx bħal-lum. Tasal għaliha minn San Pawl u terġa’ toħroġ mill-istess triq. Il-Qawra kienet kollha raba’ u xejn bini. Kien hemm xi lukandi u ristoranti kif ukoll barijiet għax Buġibba dejjem attirat lit-turisti, imma taħsbux li kienet bħalma hi llum! Min bħali qed joqrob għall-Kartanzjan jaf x’qed ngħid. Il-pjazza ewlenija dejjem niftakarha hemm, minkejja li differenti minn kif narawha llum, biss Triq il-Pijunieri ma kinitx teżisti. Kien għad hemm ftit djar, li dak iż-żmien kienu kollha villeġġjaturi mhux bħal-lum, biss konna nsibu kollox.

Rari konna mmorru l-Għadira. Missieri kien ħadem qafas ta’ kamp bil-kanen u ommi kienet ħietet id-drapp għalih. Meta konna mmorru f’din il-bajja konna nieħdu magħna dan il-kamp u narmawh fuq ir-ramel. Kamp żgħir li mhux żgur kien fih żewġ metri b’żewġ metri imma li kien iservina tajjeb għal ġurnata baħar.

Ġieli konna mmorru lejn l-Armier. Hemm kienu jipparkjaw il-karozzi ta’ missieri u taz-ziju qrib xulxin u jifirxu liżar kbir minn karozza għal oħra u b’hekk kien jinħoloq daqsxejn ta’ kamp bla taħbit ta’ xejn. Wara l-ikel iz-zijiet kienu jinteddu fl-art jistrieħu siegħa, għax filgħaxija kien ikollhom jerġgħu jibdew il-ġimgħa tax-xogħol fil-forn. Ngħid id-dritt hawn kont nippreferi jiena mill-postijiet l-oħra kollha.

X’nostalġija

Semmejt l-Armier u hawn nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa minn dak li ktibt fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti”:

“Iz-ziju Marju għandu juke box taħdem bil-batteriji. Kulurha oranġjo.  Tieħu erba’ batteriji kbar. Meta mmorru l-Armier dejjem iġibha miegħu u jġib ukoll kaxxa tal-injam mimlija diski suwed. Oħti u Mary l-kuġina jintefgħu jdoqqu d-diski. Knock three times, Tie a yellow ribbon round the old oak tree, Sugar sugar, I heard it through the grapevine, A whiter shade of pale, Proud Mary u ħafna oħrajn. Għandu wkoll ħafna diski Maltin, It-Tliet Għażżenin, Taxi Mary, Fejn Tarawni Tkellmunix, Is-Sakranazzi u oħrajn. […] Popolari ħafna huma d-diski ta’ Elvis u tal-Beatles, imma ftit li xejn għandu minnhom iz-ziju Marju.”

Fir-ramel tax-xatt konna nibnu kastelli u mitt ħaġa oħra. Naħseb li ħafna qed jiftakru fi tfulithom huma u jaqraw!

Kisra ħobż biż-żejt

L-ikla tagħna għal ħdejn il-baħar kienet tkun xi kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u t-tadam, imħawra bil-kappar, żebbuġ, werqa tan-nagħniegħ u xi ġbejna tal-bżar. Il-kbar kienu jiftħu xi landa bulibif. Ngħid għalija għadni sal-lum nippreferi din l-ikla minn kwalunkwe platt ieħor! Kien ikollna l-picnic coolers bix-xorb u għad-deżerta xi bettiegħa jew dulliegħa friska. Għal xi s-sagħtejn ta’ waranofsinhar kien jasal van li jbiegħ il-ġelat u dritt konna mmorru nixtru wieħed.

Kif isir il-ħin konna ngħabbu kollox fil-karozzi u nitilqu lejn darna. It-triq twila u wara ġurnata qbiż kienet tmur għajni bija sakemm naslu d-dar u jqajmuni biex ninħasel u nneħħi l-melħ tal-ilma baħar minn fuqi.

Kienu sempliċi imma sbieħ is-sjuf ta’ tfuliti.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -13 ta' Lulju 2024



venerdì 18 agosto 2023

VAGANZI

Nistqarr magħkom mill-bidu nett li jiena bniedem li nippreferi x-xitwa mis-sajf. Biss is-sajf, minkejja dak kollu li jdejjaqni fih, jista’ jkun ukoll żmien sabiħ. Ħafna jgħidulek li s-sajf huwa żmien il-vaganzi u tabilħaqq hu hekk. Minħabba l-ħedla li wieħed iħoss fix-xhur qliel tas-sħana, wieħed jipprova jfittex li jmur xi vaganza xi mkien fejn ikun jista’ jiffrisska xi ftit.

Xi tfisser vaganza

Fil-qedem, fir-Renju Unit, vaganza kienet tirrefera għall-waqfa twila tas-sajf meħuda mill-qrati tal-liġi u mbagħad aktar tard din il-kelma bdiet tintuża għall-waqfa mil-lezzjonijiet tal-universitajiet. Id-drawwa ta’ dawn il-waqfiet ġiet introdotta minn William the Conqueror u kienet isservi biex fihom issir il-ġbir tal-għeneb. Fil-passat, ħafna familji tal-klassi għolja kienu jmorru jgħixu f'dar tas-sajf għal parti mis-sena, u kienu jħallu id-dar tas-soltu tagħhom vojta, jew vakanti.  Minn hawn ħarġet l-idea tal-kelma vaganzi. Il-kelma “Vacation” fl- Amerika ta' Fuq tirreferi għal vjaġġar rikreattiv, bħal vjaġġ qasir ta' pjaċir jew vjaġġ barra mill-pajjiż. Nies fil-pajjiżi tal-Commonwealth jużaw it-terminu “vaganza” biex jiddeskrivu assenza mix-xogħol kif ukoll biex jiddeskrivu btala jew vjaġġ. Il-vaganza tista’ tfisser jew toqgħod id-dar jew tmur x’imkien bogħod mid-dar.

Villeġġjatura

Hawn bosta minna li għax-xhur tas-sajf għandhom dar tal-villeġġjatura. Illum postijiet bħal San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn saru lokalitajiet li fihom jgħixu Maltin u barranin tul is-sena kollha, imma dan ma kienx hekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Anzi biex ngħidu kollox, mijiet ta’ snin ilu n-nobli Maltin ma kinux ifittxu xi post qrib il-baħar għall-vaganzi tagħhom imma kien ikollhom xi dar fil-kampanja. Maż-żmien inbidel kollox.

Fi tfuliti niftakar konna mmorru Buġibba fejn iz-ziju kellu garage qrib ħafna tal-baħar. Hemm konna ngħaddu ġranet sħaħ. Ma konniex nagħtu kas tal-kumdità, saqqu mal-art u norqdu, mejda quddiem il-garage u nieklu fuqha. Illum mhux hekk, illum infittxu l-kumdità. Lanqas nimmaġinawna li mmorru vaganza xi mkien f’post mingħajr arja kkondizzjonata, bil-kmamar tas-sodda u bil-kamra tal-banju kompluta. U dan bir-raġun kollu. U jekk is-sena kollha aħna jkollna dawn il-kumditajiet sejrin għal jiem ta’ vaganzi biex inkunu agħar milli nkunu d-dar? Jekk id-dar imdorri b’televiżjoni f’kull kamra se mmur f’post fejn lanqas televiżjoni wieħed ma hemm? Illum il-villeġġjaturi saru komdi daqs id-djar tagħna u kultant aktar.

Safar

Imbagħad hawn min il-vaganzi tiegħu jgħaddihom bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin sirt issibhom kullimkien. Ma hawn l-ebda limitu għall-pajjiżi li sar iżur il-Malti. L-Italja u l-Ingilterra jibqgħu l-postijiet l-aktar popolari magħna, imma dan ma jfissirx li hemm biss immorru. Illum sirna nfittxu anke s-safar hekk imsejjaħ long haul. Sirna nżuru pajjiżi bogħod mhux ħażin minn artna u mill-Ewropa.

La qed insemmi s-safar tajjeb hawnhekk insemmi l-ikel. Ladarba nkunu f’pajjiż barrani tajjeb li nippruvaw induqu l-ikel tal-pajjiż. Ovvjament mhux kulħadd iħobb kollox u kultant tkun f’pajjiż li ċerti ingredjenti jew ma nkunux nafu bihom jew li għalina ma jkunux jgħoddu. Biss żgur li xi ħaġa tal-pajjiż li tkun tgħodd għalina nsibu. Din hija problema tat-Taljani għax imorru fejn imorru jkunu jridu jieklu ikel Taljan. Aħna l-Maltin differenti u nemmen li aħna aktar avventurużi fejn jidħlu provi ta’ ikel ġdid li qatt ma nkunu doqna qabel. Ngħid għalija meta nkun imsiefer nipprova nduq platti tipiċi tal-pajjiż.

Għawdex


Il-gżira tat-tliet għoljiet minn dejjem kienet attrazzjoni għalina l-Maltin. Biss ikollna nammettu li Għawdex ta’ tfulitna ma kienx Għawdex tal-lum. L-iżvilupp u l-progress għandhom prezz għoli x’jitħallas. Qabel konna mmorru jumejn jew tlieta Għawdex għall-kwiet, biex ingawdu meded ta’ raba’, nieklu ikel bin u ġenwin li toffri din l-art. Illum Għawdex bl-istil ta’ ħajja li fih u bil-bini li tela’ sar estenzjoni ta’ Malta u għalhekk bosta minna qed jippreferu jmorru Sqallija. Biss baqa’ żewġ okkażjonijiet li l-Maltin għadhom imorru Għawdex bl-eluf. Il-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u l-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu, li t-tnejn li huma jsiru fil-Belt tar-Rabat. Dawn jaraw eluf ta’ Maltin li jmorru jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Ma’ dawn nista’ nżid il-festi ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur u dik tal-Bambina fix-Xagħra. Il-festi Għawdxin l-oħra jistgħu jiġbdu xi Maltin lejhom ukoll, biss mhux daqs dawn li semmejt.

Waqfa

Il-vaganzi huma żmien fejn wieħed jieqaf mir-rutina ta’ kulljum u għal ftit żmien jistrieħ. Mela l-vaganzi huma bżonn. Ir-riċerka dwar l-effetti tal-vaganzi fuq is-saħħa, il-benessri u l-prestazzjoni tax-xogħol bdiet fis-snin disgħin. L-ewwel analiżi dwar l-effetti tal-vaganzi ġiet ippubblikata fl-2009. Reviżjoni ta’ dan ir-rapport tal-2013 dwar il-benefiċċji tas-saħħa u l-benessri tal-esperjenzi tal-ivvjaġġar uriet effetti ta’ benefiċċju tal-vaganza. Studji aktar reċenti juru l-effetti pożittivi tal-vaganzi minħabba t-tneħħija mill-istress tax-xogħol kif ukoll bħala żmien ta’ attivitajiet rilassanti u ta' pjaċir. Kollox juri li l-vaganzi huma meħtieġa għall-bniedem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Awwissu 2023



sabato 24 aprile 2021

Sentimenti ta' nostalġija

 

Kultant inkunu qed inqallbu f’xi kexxun u jiġi f’idejna xi ritratt jew xi oġġett li nkunu ilna ma naraw. Dak l-oġġett jew ritratt jista’ jnissel ġewwa fina sentiment jew emozzjoni li tissejjaħ nostalġija, sentiment jew emozzjoni li mhux faċli jiġu mfissra bil-kliem. Dan is-sentiment emozzjonali, biex insejjaħlu hekk,  jista’ wkoll jitqanqal fina meta nkunu qed inqallbu fuq l-internet, l-aktar l-aktar fil-media soċjali, u nsibu xi filmat tal-passat. Jien hekk ġrali llum, sibt filmat ta’ Buġibba tas-snin sebgħin, snin meta dak il-post kien differenti għal kollox  minn kif inhu llum. Biex ngħidu d-dritt, dawk is-snin mhux Buġibba biss kienet differenti imma Malta kollha. Kien filmat li qanqal fija nostalġija ħelwa għal dawk is-snin meta konna mmorru l-baħar hemmhekk.

Dulur jew ferħ?

Nostalġija hija kelma ġejja mill-Grieg, magħmula minn νόστος (nostos) li tfisser ritorn, u άλγος (algos) uġigħ jew dulur. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-kelma Nostalġija taf il-bidu tagħha bħala l-uġigħ tar-ritorn. In-nostalġija hija emozzjoni kkaratterizzata minn sens ta’ dwejjaq u dispjaċir għad-distanza mill-maħbubin jew postijiet għeżież jew għal xi avveniment li tkun għext fil-passat u li tkun tixtieq terġa’ tgħix. Jista’ jkun ukoll sentiment paradossalment ta’ dwejjaq u fl-istess ħin ta’ ferħ, ta’ dwejjaq għax tkun tixtieq terġa’ tgħix mument tal-passat jew tixtieq tkun f’post fejn tkun għext jew żort u ta’ ferħ għax dak il-mument kien mument tabilħaqq sabiħ u ferrieħi jew post fejn tkun għaddejt xi wħud mill-isbaħ mumenti ta’ ħajtek. Il-fatt li tiftakar dak il-mument u dak il-post jista’ jġib f’moħħ dak li jkun il-mumenti kuntenti li jkun għex iżda fl-istess ħin jikkawża sens ta’ dwejjaq għaliex l-arloġġ ma tistax treġġgħu lura u l-passat għadda u qatt ma jerġa’ jiġi. Hi x’inhi, in-nostalġija hija emozzjoni li fiha bosta komplikazzjonijiet.

Minkejja li l-kelma nnifisha ġejja mill-Grieg, fi żmien il-Griegi Klassiċi ma kinitx teżisti din il-kelma. Allura nistħajjilkom tistaqsu: “Mela kif daħlet fl-użu tagħna?” Din il-kelma daħlet fil-vokabularju Ewropew fis-seklu sbatax, grazzi għall-istudent tal-mediċina Johannes Hofer li kien jistudja fl-Università ta' Basel, l-Alsazja. Huwa waqt li nnota t-tbatija tas-suldati merċenarji Żvizzeri fis-servizz tar-re Franċiż Luwiġi XIV,  li kienu sfurzati li jibqgħu ’l bogħod għal żmien twil mill-muntanji u l-widien ta’ art twelidhom u ovvjament mill-familja. Dan l-istudent iddedika teżi dwar dan il-fenomenu u kienet ippubblikata f’Basel fl-1688 bit-titlu “Dissertazzjoni Medika dwar in-Nostalġija”. Minn hemm bqajna niltaqgħu ma’ din il-kelma.

Kulħadd fl-istess ilma

Ilkoll kemm aħna għandna s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna. Nistgħu ngħidu li dawn ftit li xejn ivarjaw minn persuna għal oħra. In-nostalġija pereżempju tolqot lil kulħadd.

Meta dan l-aħħar miet il-Prinċep Filippu, qrajna bosta kummenti li kull meta kien jitkellem dwar Malta kien iħoss ċerta nostalġija. Ovvajment meta kien jgħix f’pajjiżna kien għadu żgħir, u Malta kienet differenti għal kollox minn kif inhi llum. Xi nies li jiftakru l-koppja rjali toqgħod f’Villa Guardamangia f’Tal-Pieta, ukoll jitkellmu b’ħafna nostalġija dwar din il-koppja li kienet tkun bogħod minn ħafna mpenji rjali li jitolbu l-palazzi u hawnhekk setgħu jgħixu ħajjithom bil-libertà. X’ma jħossux nostalġija! Semmejt il-koppja rjali, imma aħna wkoll jiġu waqtiet li fihom inħossu x-xewqa li ngħixu mill-ġdid xi waqt mill-imgħoddi. Għax wara kollox mhux kollha bnedmin aħna? Mhux kollha l-istess għaġna magħġunin?

Xewqa li nerġgħu lura

Iż-żmien igerbeb u aktar ma tikber aktar tarah iħaffef. Tkun għadek tfal, ma tkun trid tispiċċa qatt is-sena skolastika, kuntrarjament għall-vakanzi tas-sajf, tkun bdejt taħdem u minn nhar ta’ Tnejn tibda taħseb għall-jum tal-Ġimgħa li donnu jkun bogħod daqs kemm huwa bogħod il-qamar mid-dinja. Tikber u sena tibda tgħaddi qisha mhix hi, gimgħa tgħaddi daqslikieku kienet ħolma. U t-tgerbib tas-snin ikabbar l-ixkora ta’ ġrajjiet li nkunu għaddejna minnhom u għalhekk tiżdied in-nostalġija meta niftakru f’xi waqt mill-imgħoddi; xi safra li nkunu għamilna f’żgħożitna; fin-namur, fl-ewwel imħabba, fl-ewwel bewsa; fi żmien id-diskoteki li jispiċċaw sad-disgħa ta’ filgħaxija għax kulħadd irid imur lura d-dar bil-karozza tal-linja, il-mużika ta’ meta konna għadna tfal. Il-ħarġiet ma’ tal-Museum u elf sitwazzjoni oħra li lkoll iqanqlu fina n-nostalġija.

Madwar ħamsa u għoxrin jew tletin sena ilu, ċertu bniedem Malti li kien miżżewweġ u jgħix l-Ingilterra kien spiss jiġi Malta biex iżur lill-familja. Kien l-hena tiegħu jiġbed xi filmat. Kienet ħaġa mhux daqstant komuni dawk iż-żminijiet. Illum meta naraw il-filmati li ġibed, tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-festa tal-Patrun u tant filmati oħrajn, ngħidu li mnalla kien Danny li ġibed dal-filmati għax kieku tlifna kollox.U dawn il-filmati jqanqlu fina ħafna Nostalġija


Din hija n-nostalġija, xewqa tal-passat imħallat ma’ ftit imrar għax issa għadda darba għal dejjem u ma jerġa’ jiġi qatt.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' April 2021