sabato 24 aprile 2021

Sentimenti ta' nostalġija

 

Kultant inkunu qed inqallbu f’xi kexxun u jiġi f’idejna xi ritratt jew xi oġġett li nkunu ilna ma naraw. Dak l-oġġett jew ritratt jista’ jnissel ġewwa fina sentiment jew emozzjoni li tissejjaħ nostalġija, sentiment jew emozzjoni li mhux faċli jiġu mfissra bil-kliem. Dan is-sentiment emozzjonali, biex insejjaħlu hekk,  jista’ wkoll jitqanqal fina meta nkunu qed inqallbu fuq l-internet, l-aktar l-aktar fil-media soċjali, u nsibu xi filmat tal-passat. Jien hekk ġrali llum, sibt filmat ta’ Buġibba tas-snin sebgħin, snin meta dak il-post kien differenti għal kollox  minn kif inhu llum. Biex ngħidu d-dritt, dawk is-snin mhux Buġibba biss kienet differenti imma Malta kollha. Kien filmat li qanqal fija nostalġija ħelwa għal dawk is-snin meta konna mmorru l-baħar hemmhekk.

Dulur jew ferħ?

Nostalġija hija kelma ġejja mill-Grieg, magħmula minn νόστος (nostos) li tfisser ritorn, u άλγος (algos) uġigħ jew dulur. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-kelma Nostalġija taf il-bidu tagħha bħala l-uġigħ tar-ritorn. In-nostalġija hija emozzjoni kkaratterizzata minn sens ta’ dwejjaq u dispjaċir għad-distanza mill-maħbubin jew postijiet għeżież jew għal xi avveniment li tkun għext fil-passat u li tkun tixtieq terġa’ tgħix. Jista’ jkun ukoll sentiment paradossalment ta’ dwejjaq u fl-istess ħin ta’ ferħ, ta’ dwejjaq għax tkun tixtieq terġa’ tgħix mument tal-passat jew tixtieq tkun f’post fejn tkun għext jew żort u ta’ ferħ għax dak il-mument kien mument tabilħaqq sabiħ u ferrieħi jew post fejn tkun għaddejt xi wħud mill-isbaħ mumenti ta’ ħajtek. Il-fatt li tiftakar dak il-mument u dak il-post jista’ jġib f’moħħ dak li jkun il-mumenti kuntenti li jkun għex iżda fl-istess ħin jikkawża sens ta’ dwejjaq għaliex l-arloġġ ma tistax treġġgħu lura u l-passat għadda u qatt ma jerġa’ jiġi. Hi x’inhi, in-nostalġija hija emozzjoni li fiha bosta komplikazzjonijiet.

Minkejja li l-kelma nnifisha ġejja mill-Grieg, fi żmien il-Griegi Klassiċi ma kinitx teżisti din il-kelma. Allura nistħajjilkom tistaqsu: “Mela kif daħlet fl-użu tagħna?” Din il-kelma daħlet fil-vokabularju Ewropew fis-seklu sbatax, grazzi għall-istudent tal-mediċina Johannes Hofer li kien jistudja fl-Università ta' Basel, l-Alsazja. Huwa waqt li nnota t-tbatija tas-suldati merċenarji Żvizzeri fis-servizz tar-re Franċiż Luwiġi XIV,  li kienu sfurzati li jibqgħu ’l bogħod għal żmien twil mill-muntanji u l-widien ta’ art twelidhom u ovvjament mill-familja. Dan l-istudent iddedika teżi dwar dan il-fenomenu u kienet ippubblikata f’Basel fl-1688 bit-titlu “Dissertazzjoni Medika dwar in-Nostalġija”. Minn hemm bqajna niltaqgħu ma’ din il-kelma.

Kulħadd fl-istess ilma

Ilkoll kemm aħna għandna s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna. Nistgħu ngħidu li dawn ftit li xejn ivarjaw minn persuna għal oħra. In-nostalġija pereżempju tolqot lil kulħadd.

Meta dan l-aħħar miet il-Prinċep Filippu, qrajna bosta kummenti li kull meta kien jitkellem dwar Malta kien iħoss ċerta nostalġija. Ovvajment meta kien jgħix f’pajjiżna kien għadu żgħir, u Malta kienet differenti għal kollox minn kif inhi llum. Xi nies li jiftakru l-koppja rjali toqgħod f’Villa Guardamangia f’Tal-Pieta, ukoll jitkellmu b’ħafna nostalġija dwar din il-koppja li kienet tkun bogħod minn ħafna mpenji rjali li jitolbu l-palazzi u hawnhekk setgħu jgħixu ħajjithom bil-libertà. X’ma jħossux nostalġija! Semmejt il-koppja rjali, imma aħna wkoll jiġu waqtiet li fihom inħossu x-xewqa li ngħixu mill-ġdid xi waqt mill-imgħoddi. Għax wara kollox mhux kollha bnedmin aħna? Mhux kollha l-istess għaġna magħġunin?

Xewqa li nerġgħu lura

Iż-żmien igerbeb u aktar ma tikber aktar tarah iħaffef. Tkun għadek tfal, ma tkun trid tispiċċa qatt is-sena skolastika, kuntrarjament għall-vakanzi tas-sajf, tkun bdejt taħdem u minn nhar ta’ Tnejn tibda taħseb għall-jum tal-Ġimgħa li donnu jkun bogħod daqs kemm huwa bogħod il-qamar mid-dinja. Tikber u sena tibda tgħaddi qisha mhix hi, gimgħa tgħaddi daqslikieku kienet ħolma. U t-tgerbib tas-snin ikabbar l-ixkora ta’ ġrajjiet li nkunu għaddejna minnhom u għalhekk tiżdied in-nostalġija meta niftakru f’xi waqt mill-imgħoddi; xi safra li nkunu għamilna f’żgħożitna; fin-namur, fl-ewwel imħabba, fl-ewwel bewsa; fi żmien id-diskoteki li jispiċċaw sad-disgħa ta’ filgħaxija għax kulħadd irid imur lura d-dar bil-karozza tal-linja, il-mużika ta’ meta konna għadna tfal. Il-ħarġiet ma’ tal-Museum u elf sitwazzjoni oħra li lkoll iqanqlu fina n-nostalġija.

Madwar ħamsa u għoxrin jew tletin sena ilu, ċertu bniedem Malti li kien miżżewweġ u jgħix l-Ingilterra kien spiss jiġi Malta biex iżur lill-familja. Kien l-hena tiegħu jiġbed xi filmat. Kienet ħaġa mhux daqstant komuni dawk iż-żminijiet. Illum meta naraw il-filmati li ġibed, tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-festa tal-Patrun u tant filmati oħrajn, ngħidu li mnalla kien Danny li ġibed dal-filmati għax kieku tlifna kollox.U dawn il-filmati jqanqlu fina ħafna Nostalġija


Din hija n-nostalġija, xewqa tal-passat imħallat ma’ ftit imrar għax issa għadda darba għal dejjem u ma jerġa’ jiġi qatt.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' April 2021



Nessun commento:

Posta un commento