Spiss nisimgħu l-kelma Altruwiżmu u forsi ma nirriflettux sewwa dwar
it-tifsira tal-kelma. Altruwiżmu ġejja mill-kelma Latina “alter” li
tfisser ħaddieħor. L-altruwiżmu jirreferi għall-imġieba ta’ dawk li għandhom
il-kwalità morali li jinteressaw irwieħhom f’dawk bħalhom. Dan il-kunċett
jista’ jiġi applikat kemm fil-bioloġija, fil-psikoliġija, soċjoloġija,
antropoloġija kif ukoll fil-filosofija. L-altruwiżmu huwa sewwasew il-kontra
tal-egoiżmu. Id f’id mal-altruwiżmu nistgħu nsibu l-personaliżmu. Il-personaliżmu
huwa pożizzjoni intellettwali li tenfasizza l-importanza tal-persuna umana.
Aħna negattivi
Kultant aħna l-adulti niġġudikaw liż-żgħażagħ tal-lum. Naħsbu li huma għal
kollox differenti minna, huma moħħhom imtajjar, ma jridu jafu b’xejn, huma bla
kont, traskurati, għażżenin, permessivi żżejjed, egoisti, moħħom biex ipejpu
l-ħaxixa, jittaqqbu, jissniffjaw u elf aġġettiv ieħor. Imma naħseb li ma
nistgħux nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda. Forsi verament hawn żgħażagħ li
huma kif naħsbu aħna li qbiżna n-nofs seklu, imma fi żmienna kulħadd kien
bil-għaqal? Kulħadd kien anġlu jimxi fl-art? Ma kienx hawn taħwid fi żmienna?
Drogi kienu xi ħaġa ta’ barra minn hawn? Jekk irridu nkunu ġusti jkollna
nammettu li kull ġenerazzjoni fiha t-tajjeb u fiha dak li xi wħud jaraw ħażin.
Biss fil-ġenerazzjoni tal-lum ma nistgħux ninsew is-sens ta’ altruwiżmu li
għandha. Araw meta jkun hemm xi attività biex jinġabru fondi għal xi kawża ta’
benefiċenza jew karità. Min ikun fuq quddiem? Iż-żgħażagħ. Bil-fors, huma għadhom
fir-rebbiegħa ta’ ħajjithom. L-entużjażmu li għandhom huma ilu li ntefa, jew
beda jnenmen fina li pass pass qed noqorbu lejn il-kartanzjan! Tabilħaqq
iż-żgħażagħ tal-lum jaħsbu u jaġixxu differenti minn kif konna naġixxu u
nirraġunaw aħna, imma ma rridux ninsew li d-dinja nbidlet u l-ħajja li qed
jgħixu wliedna lanqas qatt ħlomna biha aħna, ħajja ta’ teknoloġija li qarrbet
lill-aktar postijiet remoti tad-dinja u ġabet lill-umanità kollha donnha
ġirien.
Għalhekk ma għandniex inkunu negattivi; fost iż-żgħażagħ tal-lum hemm sens
ta’ altruwiżmu. Forsi differenti minn kif kien fi żmienna, imma ma nistgħux
ngħidu li ma hemmx.
Tislima lil Ramiro
Ma nistax insemmi l-altruwiżmu u ma nsemmix persuna li kienet fuq fomm
kulħadd ftit tal-jiem ilu. Qed nirreferi għal Ramiro Mallia. Kienu bosta dawk
li kienu jafuh, biss min ma kienx jafu sar jaf bih fit-23 ta Marzu. Aħbar li
xxukkjat lil Malta: ġuvni ta’ 19-il sena jitlef ħajtu b’mod traġiku fid-dar
tal-ġenituri tiegħu!
Jien inzertajt ħabib antik tal-familja ta’ Ramiro, ilni qrib tal-familja
minn ħafna qabel ma twieled Ramiro. Kien it-Tlieta tal-ġimgħa tad-Duluri. Kont
qed nagħmel kors eżerċizzi spiritwali mill-knisja ta’ Ġieżu r-Rabat permezz ta’
life streeming. Kont għadni kif wasalt ir-Rabat u pparkjajt. Dlonk ħassejt il-mowbajl
jivvibra fil-but. Kien ħabib tiegħi. Weġibt u dlonk tani l-aħbar kerha: “Miet
it-tifel ta’ Joseph!” “Liema wieħed?” staqsejt jien imbellah. “Ramiro!” Tlabt
lill-Mulej li dak li kont għadni kemm smajt ma kienx minnu, tlabt lil Alla li
dak il-ħin kont qed noħlom. Kif jista’ jkun li żagħżugħ li fi ċkunitu rebaħ
il-gwerra tal-marda qerrieda tal-kanċer issa jmut hekk? Ma ridtx u ma stajtx
nemmen. Iżda din l-aħbar ma kinitx ħolma kerha li ħlomt jien, kienet realtà.
Ramiro Mallia |
Nemmen li billi hawn aktar żgħażagħ altruwisti, l-inizjattivi li beda Ramiro
f’ħajtu ser jibqgħu mexjin il quddiem, issa b’anġlu mis-sema jiġwidahom.
Le mhux kollox ħażin fil-ġenerazzjoni tal-lum. L-altruwiżmu għadna nsibuh.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' April 2021
Nessun commento:
Posta un commento