Visualizzazione post con etichetta sette giugno. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta sette giugno. Mostra tutti i post

venerdì 19 luglio 2019

Ġrajjiet uniċi


L-istorja tal-bniedem tinbena bil-ġrajjiet. Dawk il-fatti li jseħħu minn żmien għal żmien jibnu sensiela ta’ ġrajjiet li biż-żmien iisru storja. Għalhekk huwa importanti li niftakru f’dawk il-ġrajjiet li fasslu l-istorja tagħna, dawk l-avvenimenti li sawru lilna u lil pajjiżna.

Sette Giugno
Il-funeral tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar avveniment li qegħdin infakkru f’pajjiżna din is-sena huma l-ġrajjiet li seħħew sewwasew mitt sena ilu fil-Belt Valletta, meta l-Maltin irvellaw kontra l-mexxejja Brittaniċi minħabba l-prezz għoli tal-aktar ħaġa importanti fil-manteniment tagħhom: il-ħobż. Illum il-ħobż ma tantx għadu jidher fuq il-mejda tad-dar Maltija. Fi ċkuniti, niftakar l-għalliem tagħna, Is-Sur Cardona, jgħidilna li fir-raħal tagħna, Ħal Qormi, kien hemm żmien li kien hemm il fuq minn mitt forn u llum fadal biss erbgħa u erbgħin. Dan li qed insemmi jmur lura ftit aktar minn erbgħin sena. Illum mhux żgur fadal nofs tużżana fran jaħdmu fir-raħal magħruf għall-ħobż! Dan kollu juru kemm in-nies naqqset milli tiekol il-ħobż. Allura jekk sa erbgħin sena ilu l-ħobż kien aktar meħtieġ mill-ġurnata tal-lum, nistgħu nimmaġinaw mitt sena ilu kemm kien aktar jittiekel.  Dan wassal biex il-Malti jqum u jsemma leħnu, bir-riżultat li erbgħa minn ulied din l-art sfaw martri.

Din hija waħda biss mill-ġrajjiet li bnew l-istorja ta’ pajjiżna, ġrajja ta’ mitt sena ilu li llum sirna niftakru fiha b’mod speċjali għax is-Sette Giuno, dak il-jum li fih saru dawn l-irvellijiet, sar jum nazzjoanli ta’ pajjiżna.

Ħamsa u sebgħin sena
San Bastjan 
Din is-sena wkoll qed niċċelebraw żewġ avvenimenti importanti oħra, li għad li ma humiex fuq livell nazzjonali, xorta huma ta’ interess partikolari għal min iħobb l-istorja.

Fl-1944 saret l-ewwel purċissjoni bl-istatwa ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi. L-istatwa tal-injam maħduma mill-istatwarju Qormi Ġorġ Borġ kienet lesta xi snin qabel iżda minħabba li dawk kienu snin il-gwerra, din l-istatwa baqgħet ma ħarġet qatt. Il-Qormin ta’ San Bastjan stennew li tgħaddi l-gwerra biex setgħu jiċċelebraw il-festa tagħhom u jżanżnu l-istatwa. Biex jitfakkar dan l-avveniment sar pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ dan il-qaddis. It-triq tal-pellegrinaġġ kienet tinkludi wkoll parti mill-parroċċa x-xiħa ta’ Ħal Qormi, dik iddedikata lil San Ġorġ. Dan sar nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju.

La qed nitkellem fuq San Bastjan ippermettuli ngħid xi ħaġa li tassew tagħtini fastidju. Għalfejn lil dan il-qaddis irridu nibdlulu ismu meta niktbu? Għalfejn niktbu San Sebastjan? Meta nitkellmu bejneitna San Bastjan ngħidu għax dik hija l-kelma Maltija. U din il-ħaġa tiġri wkoll Birkirkara. Jekk il-qaddisa li sabet is-salib ta’ Kristu bil-Malti ngħidulha Lieni, għalfejn fil-festa ma niktbux  Santa Liena imma narawha miktuba bħala Santa Elena jew agħar minn hekk Santa Helena? Xi ħaġa simili nsibuha wkoll il-Furjana u Ħal Kirkop. Bil-Malti ngħidu San Pupulju u San Anard – hemm għalfejn niktbu San Publju u San Leonardu? M’inix ċert dwar il-qaddis tal-Furjana għax fl-Atti tal-Appostli bħala Publju insibuh imniżżel minkejja li aħna kollha nsejħulu Pupulju. Jekk ser nibqgħu nagħtu bis-sieq lill-ilsien ta’ art twelidna anke f’ dawn in-naqriet  ma ndumux ma nispiċċaw b’xejn!

Aktar anniversarji
San Lawrenz lura fil-Birgu fl-1944
Din is-sena wkoll qed jiġi ċċelebrat il-ħamsa u sebgħin sena minn meta l-istatwa ta’ San Lawrenz tal-Birgu ittieħed lura lejn il-knisja tiegħu wara li kien ittieħed ġewwa r-Rabat biex jitħares mill-bombi tal-għadu li waqgħu bla għadd fl-inħawi tal-Kottonera matul it-tieni gwerra dinjija. Biex jitfakkar dan l-avveniment il-vara ta’ San Lawrenz sejra tittieħed fil-kolleġġjata ta’ Marija Immakulata ta’ Bormla u minn hemm tittieħed b’pellegrinaġġ lejn il-kolleġġjata tal-Birgu. Dan ser isir nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju.

Issa ippermettuli nerġa’ ngħid oħra dwar il-Malti. Jekk nużaw il-kelma anniversarju ma nużawx ukoll il-kelma sena  fl-istess frażi għax dawn ifissru l-istess ħaġa. Sirna naraw spiss din il-froġa miktuba fil-ġurnali tagħna u fuq l-internet kif ukoll nisimgħuha tingħad fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk ngħidu ħamsa u sebgħin sena anniversarju nkunu qed nagħmlu l-iżball bħalma kieku nsejħu lil Joe Borg bħala Is-Sur Mister Joe Borg. F’dan il-każ jew nużaw Sur jew Mister, imma qatt it-tnejn f’daqqa. Allura għalfejn nużaw anniversarju u sena flimkien? Tajjeb li ma nibqgħux nirrepetu dan l-iżball.

Mhux dawn biss
Semmejt tliet avvenimenti li qegħdin niċċelebraw din is-sena. Dawn ma humiex l-avvenimenti waħdanin li qed infakkru. Hemm bosta avvenimenti oħra mhux fuq skala nazzjonali jew parrokjali imma jista’ jkun fuq skala familjari. Pereżempju il-ġenituri ta’ ħabiba tiegħi din is-sena qed jiċċelebraw is-sebgħin anniversarju miż-żwieġ tagħhom.  Din ukoll hija grajja unika. Kemm hawn min jasal biex jiċċelebra ġrajja bħal din?

Kull tifkira ta’ avveniment importanti sew fil-pajjiż kif ukoll f’ħajjitna hija ġebla mill-binja tal-istorja tagħna. Għalhekk tajjeb li niftakru fil-ġrajjiet li għaddew u sawru lilna biex aħna dak li aħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Lulju 2019








venerdì 4 gennaio 2019

Elfejn u dsatax


Min jaf kemm hawn minna li għandhom tamiet sbieħ għas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna, min jaf kemm hawn min ilu jistenna din is-sena għaliex matulha għadnu xi avveniment importanti f’ħajtu; ser jigradwa, ser jiżżewweġ, min ħaġa u min oħra.

Imbagħad hemm min ma jkunx daqstant ħerqan meta jħares il quddiem lejn din is-sena għaliex forsi matulha jkun qed jistenna xi ħaġa mhux wisq sabiħa.

Din hija s-sena li fiha fost ħafna aktar, ser ikollna l-elezzjoni għall-membri parlamentari Ewropej, ser tkun is-sena fejn isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar Malta kollha. Sena ta’ min jaf kemm aktar avvenimenti u ġrajjiet.

Il-ħin psikoloġiku
Għal dawk li qed jistennew xi ħaġa sabiħa u tajba matul din is-sena, il-ħin donnu ma jgħaddi b’xejn, il-jum mixtieq jidher wisq il bogħod. Għal min ikun fuq ix-xwiek l-arloġġ donnu jieqaf. Jgħidulek dawk l-irġiel li jkunu ser isiru missirijiet li waqt li jkunu jistennew lill-omm teħles u huma jkunu barra, kull minuta jarawha daqs li kieku tkun siegħa. Mill-banda l-oħra meta bniedem ikun qed jistenna xi bxara ħażina jkun jixtieq li ma jasalx il-waqt li jisma’ dik il-ħaġa iżda l-ħin donnu  jgħaġġel aktar mis-soltu. Itir ukoll il-ħin waqt id-divertiment. Wara xi vaganza li nkunu ħadna gost fiha ngħidu kemm għaddiet malajr. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, jiġri meta ma rriduhx u jieqaf meta rriduh ifittex isir il-ħin.

Min jaf matul din is-sena kemm sejrin ngħaddu minn sitwazzjonijiet fejn il-ħin psikoloġiku ma jimxix l-istess bħal dak tal-arloġġ! Hu x’inhu xorta waħda ġurnata dejjem fiha 24 siegħa u siegħa tibqa’ b’60 minuta. Imma moħħna ma jaħdimx bħall-arloġġ tal-polz!

Sena Internazzjonali
Is-sena 2019 ġiet iddikjarata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala s-sena internazzjonali tal- Tavla perjodika tal-elementi kimiċi (Periodic Table of Chemical Elements). Ikolli nistqarr magħkom li kull tip ta’ xjenza ma hijiex ħobż għal snieni. Naf li x-xenja tax-xjenzi, il-filosofija, tat  bidu għal bosta mix-xjenzi moderni imma llum tant żviluppaw li nfirdu kontempletament minnha. Għandi naħseb li matul din is-sena sejrin ikollna opportunità nisimgħu u nifhmu xi ftit dwar din it-Tavla perjodika. Għandha tkun ħaġa interessanti jekk tiġi mfiehma lin-nies b’lingwaġġ li jifhmu Ċikku l-poplu. Jekk spjegazzjoni tkun xjentifika aktar mill-isem il-parti l-kbira tan-nies tibqa’ ma tifhimx.

Ċentinarji f’pajjiżna
Il-qabar tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar anniversarju jew aħjar ċentinarju li sejrin niftakru matul din is-sena f’Malta huma l-irvellijiet li kienu qamu  fl-1919 sewwasew fis-7 ta’ Ġunju. L-Assemblea Nazzjonali ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Filippo Sciberras kienet qegħda tiltaqa’ ġewwa l-Belt Valletta biex tfassal kostituzzjoni għal Malta u tgħaddiha lill-Gvern Ingliż. L-ewwel laqgħa dwar dan is-suġġett saret fi Frar, it-tieni waħda saret fis-7 ta’ Ġunju. Dakinhar inġabret folla kbira fil-kapitali tagħna. Il-poplu kien mgħaddab minħabba l-għoli tal-ħajja, l-aktar tal-qamħ u d-dqieq. Xi rjus saħnu u attakkaw xi ħwienet li kellhom fil-vetrini jew fuq il-bjut tagħhom il-bandiera tal-Imperu Ingliż. Kienet attakkata l-Bibljoteka kif ukoll stamperija li kienet tistampa gazzetta favur l-Ingliżi. Inqala’ inkwiet kbir. Il-forzi tal-ordni Ingliżi ħarġu fit-toroq tal-Belt Valletta u sparaw fuq il-Maltin. Inqatlu tlieta dakinhar. L-għada Malta ġarrbet ir-raba’ vittma u martri ta’ dan l-avveniment imdemmi. Din hija l-istorja, din hija paġna kerha fl-istorja ta’ Malta, paġna miktuba bid-demm ta’ ħutna Maltin.

L-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar

Kienet is-sena 1919 ukoll li l-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar bdew jipproduċu nbid bi kwantità kummerċjali. Waqqfu kumpanija bl-isem ta’ A&G Cassar. Biż-żmien l-isem inbidel imma l-kumpanija kibret u baqgħet tipproduċi nbejjed għas-suq Malti. Illum il-kumpanija jisimha Marsovin, isem li ilu li ngħata lill-kumapnija sa mill-1956. Ilna mitt sena ngawdu dan l-inbid!

Semmejna żewġ Qriema, ejjew nibqgħu Ħal Qormi fejn ukoll qed ikun iċċelebrat ċentinarju ieħor. Din id-darba dan huwa tal-Kumitat Festi Esterni li jieħu ħsieb il-festi ta’ barra li jsiru f’ġieh San Ġorġ Martri. Fl-1919 Ħal Qormi kien għadu parroċċa waħda. Hemmhekk twaqqaf kumitat biex jibda jieħu ħsieb il-festi esterni tal-qaddis. Li huwa interessanti f’dan iċ-ċentianrju hu li dan kien l-ewwel kumitat tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Illum insibu bosta kumitati bħalu jew tal-inqas li għandhom l-istess funzjoni tiegħu, imma dan kien l-ewwel wieħed. Dan il-kumitat huwa ikona għax juri pass li kienet ħadet il-Knisja. Minn mitt sena ilu l-lajċi ingħataw inkarigu ġdid fi ħadnha, ħaġa li ftit li xejn kienet tinħolom, imma l-Qormin kienu għall-avangwardja, kienu ewlenin. Għalhekk dan iċ-ċentinarju huwa importanti.

Sena ġdida, pjani ġodda, stejjer ġodda, tliet mija u ħamsa u sittin jum ġdid li ħamsa minnhom diġà telqu u ħallewna! Kif ser ikunu dawn ix-xhur li ġejjin? Tgħid ser jiġru jew ser jgħaddu bil-mod.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Jannar 2019






venerdì 7 settembre 2018

Misraħ San Ġorġ


L-aktar pjazza ċentrali fil-Belt Valletta hija bla dubju dik li nsibu quddiem il-palazz. Sa minn meta nbniet il-Belt Kapitali tagħna, din kienet iġġib dan l-isem imma hemm min isejħilha Misraħ il-Palazz, anzi biex ngħidu s-sewwa kein hemm żmien fejn il-plakek li juru l-isem ta’ din il-pjazza fuq naħa kienu juru li dik hija Pjazza San Ġorġ u fuq in-naħa l-oħra kienu jgħidu li dik il-pjazza kienet iġġib l-isem ta’ Misraħ il-Palazz. Illum dan l-iżball ma għadux jeżisti u l-pjazza uffiċjalment tissejjaħ għall-qaddis li semmewha għalih il-Kavallieri ta’ Malta.

Il-Palazz
Jiddomina lil din il-pjazza nsibu l-Palazz. Sa minn meta nbniet din il-belt, dan il-bini dejjem kien ta’ importanza fit-tmexxija tal-Gżejjer Maltin. Hemm kien jamministra lil pajjiżna kull Gran Mastru minn La Cassier il quddiem. Kien il-Gran Mastru Pietro del Monte, dak li kompla x-xogħol, jew aħjar fi żmienu kompla x-xogħol fuq il-belt mibnija mill-Ġentlomi għall-Ġentlomi, li tefa’ għajnejh fuq din il-biċċa art u ħolom li sewwasew fil-qalba tal-belt jinbena palazz li jservi għall-amministrazzjoni tal-pajjiż. La Cassier bena l-palazz oriġinali fuq pjanta tal-Malti Ġlormu Cassar. Maż-żmien dan il-palazz tkabbar u kompla jissebbaħ biex huwa dak li hu llum. Ejjew inħallu żmien il-Franċiżi għaliex dawn kienu snin ta’ taqlib politiku minkejja li kienu qosra. Mad-daħla tat-tmexxija Brittanika fuq pajjiżna, dan il-Palazz sar il-Palazz tal-Gvernatur. Għal darba oħra sar il-post tat-tmexxija. Sa ftit snin ilu l-parlament Malti kellu postu f’dan il-bini, anzi ngħidu li żewġ swali minnu servew bħala sede tal-Parlament Malti sakemm fl-2015 dan bidel postu u mar fid-daħla tal-Belt fil-bini ta’ Renzo Piano.
Sal-lum dan il-palazz għadu jservi bħala uffiċċju tal-President ta’ Matla. Fih ukoll insibu l-Armenija li tista’ tiftaħar b’waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ armi fid-dinja.

Main Guard
Parata militari f'misraħ San Ġorġ
Sewwasew  faċċata tal-palazz insibu binja li meta tqabbilha mal-maestrija tal-palazz tidher umli. Qed nirreferi għal dik il-binja li nsejħulha l-Main Guard. Dan il-bini sar biex iservi bħala post għall-gwardja li kienet taqdi lill-palazz u tħares lill-Gran Mastru u lid-dinjitarji l-oħra kollha li kienu jkunu fil-palazz. Isem din il-binja oriġinarjament kien Guardia della Piazza. Il-portiku li naraw illum fil-faċċata tal-Main Guard mhux minn dejjem kien hemm, anzi ma huwiex parti mill-pjanta oriġinali. Dan żdied fl-1814 mill-Ingliżi, kif turi biċ-ċar l-arma minquxa fil-ġebel li tidher fuq dan il-portiku.
Dejjem affaxxinani l-fatt li dan il-bini huwa mibni fuq sular wieħed mill-parti tal-faċċata, ħaġa rarissima fil-Belt Valletta fejn l-ispazju huwa limitat. Naf li fil-Belt hemm dar fi Triq l-Ifran, kanturniera ma’ Triq San Duminku li wkoll għandha sular wieħed biss.

Ġrajjiet importanti
F’din il-pjazza seħħew xi wħud mill-ġrajjiet ta’ pajjiżna li baqgħu mniżżlin fl-istorja. Fiż-żewġt itruf tal-bini tal-Main Guard naraw żewġ funtani mill-isbaħ li kważi huma l-uniċi dekorazzjonijiet ma’ din il-faċċata. Kien propju f’din il-pjazza li meta fl-1614 tlesta l-akwadott kien jasal l-ilma mir-Rabat għall-Belt. Sena wara saret funtana mill-isbaħ biex tfakkar dan l-avveniment għax sa dak iż-żmien il-Belt Valletta kienet tiddependi biss mill-ilma tal-bjar. Fejn il-funtana saret ukoll kolonna bid-delfini skolpiti fuqha biex tfakkar il-wasla tal-ilma hemmhekk. Illum dik il-funtana tinstab fi ġnien fil-Furjana filwaqt li l-kolonna jingħad li tneħħiet mill-post fi żmien il-Kavalieri stess, aktarx fi żmien Pinto.

Meta fl-1882 f’Malta daħal id-dawl elettriku dan il-misraħ kien minn tal-ewwel li ġie mdawwal. Fil-fatt f’dik is-sena stess saru l-fanali tad-dawl elettriku hemmhekk biex idawlu lil dan il-misraħ matul il-lejl.

L-għoti tal-George Cross 
Din il-pjazza lum reġa’ tpoġġa fiha l-monument tas-Sette Giugno. Hawnhekk kien il-post fejn ra folol jifirħu imma ra wkoll il-folol jiġġieldu għad-drittjiet tagħhom bħall-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919, ġrajja mdemmija li wasslet lill-ħakkiema ta’ dak iż-żmien jagħtu lil Malta Kostituzzjoni fl-1921. Illum il-munument tal-artist Anton Agius jinsab f’Misraħ San Ġorġ biex ifakkar din il-biċċa mill-istorja ta’ Malta. F’din il-pjazza wkoll pajjiżna kien onorat bil-midalja tal-George Cross. It-tieni gwerra dinjija xejnma kienet ħanina għalina l-Maltin u biex jiġi rikonoxxut il-kuraġġ li bih issieltu l-Maltin spalla ma’ spalla mal-Brittaniċi, ġew onorati b’din il-midalja li turi qlubija. Kien propju f’din il-pjazza, mimlija terrapien u dak kollu li ħalliet il-gwerra li nhar il-15 ta’ April 1942 pajjiżna ngħata din il-midalja li sal-lum għadha tidher fuq il-bandiera nazzjonali tagħna. Dan l-avveniment għadu mfakkar permezz ta’ rħama li nsibu f’dan il-misraħ mal-ħajt tal-Palazz. Ħaġa oħra li rajna f’din il-pjazza hija t-tapit tal-fjuri li kesa l-art tagħha, ħaġa li qatt ma konna rajnieha qabel.

Illum Misraħ San Ġorġ ingħata id-dehra li tixraqlu, misraħ, li sewwasew ifisser post fejn tistrieħ. Fih insibu bankijiet fejn wieħed jista’ jpoġġi bilqegħda u jossorva l-ħajja għaddejja minn dan il-post ċentrali fil-belt kapitali tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 8 ta' Settembru 2018








venerdì 10 agosto 2018

Il-ġnien ta’ Hastings


Hekk kif nidħlu mid-daħla tal-Belt u nitilgħu t-taraġ li nsibu fuq ix-xellug dlonk insibu quddiemna ġnien li jiġi fuq is-swar li jġibu l-isem ta’ San Ġwann u ta’ San Mikiel. Il-ġnien isemma Hastings. Hemm leġġenda marbuta ma’ dan il-ġnien li tgħid li dan inbena u tlesta f’erba’ sigħat biss. Iżda din aktarx hija xi ħlieqa tal-Ingliżi biex juru kemm il-Maltin huma bieżla u ladarba jaqbdu jaħdmu ma joqgħodux jitnikkru, tal-anqas hekk kienu fi żmienhom! Min imur f’dan il-ġnien ikun jista’ jgawdi veduta mill-isbaħ tal-Flurjana, l-Imsida tal-Pietà u tal-Port ta’ Marsamxett b’ tas-Sliema il-Gżira u l-Gżira Manwel. Dan kollu minbarra l-kwiet li wieħed isib hemmhekk, ħaġa li ma tantx issibha f’belt kapitali mimlija nies bħalma hija l-Belt Valletta.

Min kien Hastings
Hastings
Francis Edward Rawdon kien bniedem militari u politiku Brittaniku li twieled fl-1754. Fl-1790 huwa żied il-kunjom Hastings ma’ dak tiegħu biex b’hekk setgħet isseħħ ix-xewqa ta’ zijuh, Francis Hastings, li kien ħu ommu, li Francis Edward ikollu wkoll dan il-kunjom bħala sinjal tan-nobbiltà tal-famija li kien ġej minnha.   Huwa ħa sehem fil-Gwerra tar-Revoluzzjoni Amerikana bejn l-1775 u l-1781 u fl-1794 fit-taqbididt tar-Revoluzzjoni Franċiż. Fl-1804, sewwasew meta kellu ħamsin sena huwa żżewweġ lil Flora Campbell, kontessa ta’ Loudoun u minn dan iż-żwieġ twieldu sitt itfal. Bejn l-1813 u l-1823 Hastings serva bħala Gverantur Ġenerali tal-Indja, li bħal Malta kienet kolonja Brittanika. Matul dawn l-għaxar snin Hastings kellu suċċess kbir kemm fit-tmexxija kif ukoll fid-diplomazija. Huwa għamel riforma kbira fis-sistema edukattiva u amministrattiva tal-Indja. Wara ftit li ntemm il-mandat tiegħu mill-Indja bħala Gverantur, il-Kuruna Brittanika għoġobha taħtru Gvernatur ta’ pajjiżna. Dan kien it-tieni Gvernatur ta’ Malta. Fl-1824  beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu fostna iżda sentejn wara huwa miet fuq il-vapur HMS Revange li kien ftit il barra mil-golf ta’ Napli. Fuq il-vapur miegħu kien hemm martu li talbet li l-vapur jerġa’ lura Malta kif fil-fatt sar. Il-ġisem bla ħajja ta’ dan il-politiku kbir indifen fil-ġnien fuq is-swar, dak il-ġnien li wara beda jġib ismu. Sal-lum għadna nsibu s-sakofagu tiegħu hemmhekk.

Is-Sette Giugno
Dan il-ġnien ra fih il-monument tal-jum storiku tas-sebgħa ta’ Ġunju 1919, il-jum li fih il-Maltin qamu għad-drittijiet tagħhom, il-jum fejn Maltin bħalna xerrdu demmhom għal Malta, il-jum tal-Martri tal-pajjiż tagħna. Il-monument huwa xogħol tal-artist Malti Anton Agius u kien sar proprju għal Misraħ San Ġorġ. Meta din il-pjazza kienet imsebbħa u restawrata, dan il-monument kien tneħħa u għal xi żmien kien impoġġi f’ maħżen. Kien hemm min garr li avveniment bħalma kien is-Sette Giugno kellu monument fil-qalba tal-Belt Valletta u tneħħa għalhekk ftit wara dan il-monument tpoġġa fil-ġnien ta’ Hastings. Imma x-xorti tiegħu ma kinitx li jibqa’ hemm għaliex mill-ġdid reġa’ tpoġġa fejn kien oriġinarjament, ħaġa li bosta ma jaqblux magħha lanqas għax isostnu li mhux il-post adatt għalih. Tagħmel kif tagħmel taqlagħha dejjem!

Monument mill-Armenja
Fl-2009 f’dan il-ġnien tpoġġa munument mhux kbir wisq imma li fih sinifikat kbir. Dan il-monument sar biex jintradd ħajr tal-għajnuna li l-komunità Armena f’Malta minn dejjem sabet. Forsi naħsbu li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Armenja huma xi ħaġa tal-lum iżda mhux hekk. Sa minn żmien il-Kavallieri kien hemm Armeni li ġew Malta u sabu xortihom hawnhekk. Illum ftit biss għadhom iqisuhom Armeni għaliex bosta oħrajn tant integraw fil-ħajja Maltija li saru Maltin u forsi hawn bosta dixxendenti tagħhom li lanqas biss jafu li għandhom għeruq Aremni.

Ponsonby
Ponsomby
Minkejja li mhux fil-ġnien, iżda ħdejh, tajjeb insemmu il-bażi ta’ kolonna li tfakkar lil Gvernatur ieħor ta’ Pajjiżna, Frederick Cavendish Ponsonby. Xi darba kien hemm kolonna biex tfakkar lil dan il-bniedem li bejn l-1827 u l-1835 kien ir-rappreżentant tal-kuruna f’pajjiżna. (Bejn Hastings u Ponsonby kien hemm Alexander George Woodford) Il-monument ta’ dan il-bniedem jinstab sewwasew barra l-ħitan tal-ġnien ta’ Hastings. Din il-kolonna kienet twaqqfet fl-1838, sena wara mewtu. Waqt maltempata qalila li ħakmet lil gżiritna fl-1864 din il-kolonna intlaqtet minn sajjetta u waqgħet. Fadal biss il-biċċa ta’ isfel.

Minkejja li dan ma huwiex xi ġnien enormi li wieħed irid is-sigħat biex iduru, xorta huwa sabiħ ħafna u għandu dak li forsi ġonna oħra fil-Belt Valletta ma għandhomx, fih il-kwiet. Hemmhekk wieħed jista’ jitla’ jistriħ. Hemmhekk wieħed jista’ jmur u minbarra li jkun jista’ jara parti kbira minn Malta, jkun ukoll jista’ jinsa d-dinja warajh għal ftit għax hemm tista’ ssib paċi li mhux faċli ssib xi mkien fil-Belt Valletta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 11 ta' Awwissu 2018