Visualizzazione post con etichetta bachelor s party. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta bachelor s party. Mostra tutti i post

sabato 20 agosto 2016

Festi u festeġġjamenti

Il-festi familjari fi ċkunitna kienu differenti għal kollox minn dawk tal-lum. Festa jew festin fil-familja kien isir f’ xi magħmudija, preċett jew griżma ta’ xi ħadd. Anke t-tiġijiet kienu festeġġjamenti għal kollox differenti minn dawk li jsiru llum. Għeluq snin xi membru tal-familja kien ikun iċċelebrat b’ xi kejk magħmul mill-omm fid-dar stess.

Illum għal kull okkażjoni nivvintaw festin. Donnu hawn min jehda jorganizza dawn l-attivitajiet. Wara kollox hemm in-negozju wara dawn il-festini organizzati u vvintati. U l-festini qegħdin jinbtu donnhom ħaxix ħażin.

Bachelor’s party
Issa drajna sew li qabel ma xi ħabib minn tagħna jiżżewweġ immorru nagħmlulu ikla xi mkien. Hawn min isejjaħlu bachelor’s party u hawn min jgħidlu stag party. Hu x’ inhu huwa festin fejn l-għarus jiċċelebra l-aħħar ftit jiem bħala ġuvni. It-Taljani jsejħu dan it-tip ta’ festin L’Addio al celebato. Fil-verità it-Taljani għandhom raġun isejħulu hekk għaliex il-ġuvni jkun qed isellem darba għal dejjem il-ħajja mhux miżżewġa, il-ħajja ċelebi. Il-Franċiżi għandhom mod ieħor kif isejħu dan l-avveniment: enterrement de vie de garçon, jiġifieri l-funeral tal-ħajja taż-żagħżugħ. Forsi l-Franċiżi huma ftit jew xejn eseġerati fl-għoti tal-isem għaliex min jiżżewweġ ma jfissirx li se tispiċċalu ħajtu ta’ żagħżugħ. Imma hekk jaħsbuha l-Franċiżi!

Jingħad li l-bachelor’s parties huma karaterizzati minn ammont kbir ta’ xorb alkoħoliku u anke preżenza ta’ strippers. Ma nafx jekk hux Malta wkoll hawn din id-drawwa. M’ ilix wisq kont mistieden festin minn dawn li qed insemmi, ma kontx l-uniku saċerdot iżda konna tlieta. Nista’ nassigurakom li la kien hemm konsum ta’ xorb esegerat u lanqas nisa imperrċin, anzi konna kollha rġiel. Qabel ma tlaqna l-għarus raddilna ħajr bil-kbir għall-fatt li attendejna għal dak il-festin. Forsi bis-saħħa tal-preżenza tagħna sħabu naqqsu milli jiċċajtaw goff ukoll. Jew forsi billi dan il-ħabib huwa pulizija, u fil-festin kien hemm xi membri tal-korp, kulħadd baqa’ lura milli tinkiser il-liġi. Issa xi jseħħ f’ festini oħrajn ma nistax ngħid.

Hens party
Jekk hemm il-festin għall-ġuvni li ser jiżżewweġ ma jistax jonqos li jkun hemm xi ħaġa simili għax-xebba li dalwaqt torbot l-għoqda. Ħaġa tal-għaġeb kif l-isem ta’ dawn il-festini huma marbutin mat-tiġieġ – Hens u n-nisa jaċċettawh . Hemm min dawn il-festini jsejħilhom bachelorette party. Oriġinarjament il-hens party kien jirreferi għal kull festin jew laqgħa bejn grupp ta’ nisa. It-Taljani jżommu l-istess ordni fejnjidħol l-isem ta’ dan il-festin u jsejħulu L’Addio al nubilato, it-tislima lix-xbubija.

Jekk xi jsir fil-bachelor’s party ftit li xejn naf, nistqarr li inqas u inqas naf xi jsir fil-festin li jorganizzaw sħab l-għarusa qabel ittejjeġ. Nimmaġina li jkun hemm aktar ġentilezza u jekk isir ċajt ikun anqas goff minn tal-irġiel.

Baby shower
Mela m’ ilux kont post ma’ sħabi, nistennew barra restaurant sakemm jiġi l-kumplament tal-grupp. Ħin minnhom għadda grupp ta’ nies minn quddiemna u persuna minnhom kienet taf wieħed minna u waqfu jitkellmu. Qaltlu li għandhom baby shower. Jien li kont ħdejhom sewwa ma stajtx ma nismax dak li kienu qed jgħidu, biss dil-biċċa tal-baby shower ma fhimtiex. Immaġinajt li xi ħadd għandu tarbija u ltaqgħu grupp ta’ ħbieb biex jaraw lil din it-tarbija tinħasel. L-idea f’ moħħi ma għoġbitni xejn, hemm għalfejn toqgħod tneżża’ lit-tarbija fir-restaurant u taħsilha hemmhekk? Le ma togħġobni xejn il-biċċa. Meta dawk it-tnejn li kienu jitkellmu nfirdu, mimli kurżità staqsejt lil sieħbi x’ ikun dal-baby shower u dlonk qalli li huwa festin li jsir meta mara toħroġ tqila. U jien immaġinajt li se jagħtu doċċa lit-tarbija, meta fil-verità t-tarbija tkun għadha lanqas biss twieldet. Kemm ġera bija moħħi, kemm mort żbaljat, kemm tefani fi triq ħażina l-isem tal-festin.

X’ inhu l-iskop?
Huwa sabiħ li niltaqgħu u niċċelebraw flimkien mal-ġuvni li jkun ser jieħu l-istat tieħgu, max-xebba li tkun waslet biex issir mart xi ħadd kif ukoll mal-mara li tkun ser issir omm, iżda meta tkellimt ma’ xi persuni dwar dawn il-festini qaluli li qed ikunu ta’ spiża kbira. Minbarra li tmur tiekol u tixrob (nispera li bil-qies) hemm ir-rigali li jingħataw u xi spejjeż oħra ta’ tiżjin jew gadgets li jintużaw fil-festin. X’ inhu l-iskop aħħari ta’ dawn il-festini? Jekk irridu nagħmlu festin biex nifirħu flimkien ta’ ħbieb hemm għalfejn nonfqu somma kbira? Wisq nibża’ li l-iskop wara dawn il-festini huwa ta’ negozju u mhux verament ta’ laqgħa soċjali bejn il-ħbieb.

Sirna nivvintaw festini għal kollox, illum semmejt tlieta biss iżda hemm ħemel ta’ okkażjonijiet oħra li għalihom jiġu vvintati festini, kultant bla sens. Din hija biss l-opinjoni tiegħi u għalhekk nista’ nkun żbaljat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Awwissu 2016




sabato 6 febbraio 2016

Bluha

Il-jiem tal-karnival huma meqjusin bħala jiem ta’ bluha, jiem fejn dak li jkun jista’ jitbellah kemm irid u kemm jogħġbu bla ma ħadd ma jgħidlu xejn, bla ma ħadd jidħaq bih, bla ma ħadd joħodha kontrih. Jgħaddu dawn il-jiem u tispiċċa s-saltna tal-bluha u kollox jerġa għan-normal u s-serjetà tas-soltu. Hawn min jgħid li huwa tajjeb li għal xi ftit jiem il-bniedem jibdel ir-rutina tas-soltu u jitbellah xi ftit u hawn min jgħidlek li l-karnival issibu s-sena kollha. Hawn min jaqbel u min ma jaqbilx li l-bluha għandha r-renju tagħna wkoll.

Bluha aċċettata
Ġieli nsibu ruħna f’ sitwazzjonijiet biex ngħidu hekk ‘boloh’.  Ġieli tkun f’ mument serju, tisma’ kelma jew battuta bla sens u s-serjetà tas-sitwazzjoni tinbidel f’ daħka.

Darba kont qiegħed inqaddes f’ kappella żgħira u bdejt l-omelija billi għidt li darba minnhom kont sejjer inbajjad il-faċċatsa tad-dar. Fid-daqqa u l-ħin wieħed minn dawk li kien qiegħed jisma’ l-quddiesa qabeż u qalli “Ma kellekx bżonn sellum Father mela!” Kulħadd daħak, inkluż jiena. Minħabba li jiena ta’ statura twila qal dik il-battuta. Mhux normali li f’ omelija xi ħadd jaqbeż fin-nofs, imma ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Jien l-aktar li aċċettajtha u forsi dak il-bniedem qalli dak il-kliem għax jaf li naċċetta ċajta.

Wieħed tal-Museum kien qiegħed jagħmel konferenza. F’ ħin minnhom qal “Ġesù qalilna li jekk xi ħadd irid jimxi warajh...” wieħed li kien qed jisma’ qal b’ leħen għoli “Ġesù jimxi quddiemu.” Ovvjament jekk wieħed jimxi wara xi ħadd ikun qed jagħmel dan għax hemm xi ħadd ieħor miexi quddiem. Ma tridx wisq għerf biex tifhem dan, imma madanakollu battuta bħal din titfa’ tbissima fuq fomm dawk li jkunu qed jisimgħu, tagħti pawsa u forsi tkisser ftit id-distakk bejn il-kelliem u s-semmiegħa.
Wieħed avukat kien ma’ ħabib tiegħu f’funeral. Xi qarib tal-mejjet kien jgħallem lill-avukat. Dan l-avukat mar ħa b’ idejn l-eks għalliem tiegħu u lil sieħbu qallu li dak kien jgħallmu meta kien żgħir. Sieħeb l-avukat dar fuq l-eks għalliem u qallu “Nispera li mhux kollha bħal dan ħarġu l-istudenti tiegħek!” Ċajta bejn il-ħbieb li hija anke soċjalment aċċettata. Minkejja l-fatt li saret f’ waqt ta’ niket, ħadd ma ħa għalih bil-battuta li ntqalet. Ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Forsi mhux aċċettata minn kulħadd iżda żgur li hija milqugħa tajjeb minn ħafna.

Bluha tal-kbar
Il-bluha nassoċċjawha mat-tfal imma nistgħu ngħidu li anke l-kbar ġieli jitbellhu. Bluha tal-kbar ġieli jkollha konsegwenzi koroh u ġieli tkun tiswa bosta.

Żewġ żgħażagħ iltaqgħu waqt li kienu qed isuqu il-karozzi rispettivi tagħhom, sellmu l-xulxin u bħal bdew jimpikaw ma’ xulxin biex ma jħallux lil xulxin jgħaddu ’l quddiem fit-triq. It-triq kienet vojta u għalhekk aktar bdew jitbellhu. Wieħed minnhom kiser fuq l-ieħor biex jimblukkalu t-triq u spiċċaw bil-karozzi jitbewsu. Ma kienx hemm ħsara kbira imma xorta kienet ħsara. Jien inzertajt għaddejt ftit minuti wara l-ħabta u kull ma rajt hu l-karozzi maħbutin u s-sewwieqa jitkellmu minn ġewwa fihom. Ma nafx kif spiċċat din il-biċċa bluha tal-kbar.

U la qed insemmu l-bluha tal-kbar ma nistgħux ma nsemmux il-bluhat li jsiru fil-ħarġiet organizzati bejn l-irġiel qabel it-tieġ ta’ xi wieħed minnhom. Kemm-il darba smajna b’ xi bachelor’s party li spiċċa ħażin. F’ dawn l-okkażjonijiet issir bluha minn ta’ kull tip imma l-agħar hija dik il-bluha li jkollha konsegwenzi fuq l-għarus. Smajna b’ min kiser idu jew siequ u spiċċa jiżżewweġ bil-ġibs. Smajna li kien hemm min siker u għamlulu l-ġibs bla ma verament kellu bżonn... u t-tajba hi li lil dan qalulu li kienet ċajta wara li żżewweġ. Bluha tal-kbar li mhux dejjem tista’ tkun aċċettata.

Karnival
Grupp ta’ patrijiet  żgħażagħ kienu mistiedna għal lejla għand is-sorijiet tal-klawsura fi Triq Reġjonali San Ġiljan. Dawn marru libsin ta’ patrijiet li huma. Ipparkjaw il-van tagħhom ftit bogħod mill-monasteru tas-sorijiet u telqu bil-mixi  lejn il-post li kellhom immorru. Inzerta li dakinhar kien Sibt il-Karnival. Għaddiet karozza u s-sewwieq tagħha waqqaf qrib dawn il-patrijiet u ċanfarhom bis-sħiħ għaliex għażlu li jilbsu ta’ patrijiet biex imorru Paceville fil-karnival! Din ma kienitx bluha, il-patrijiet verament kienu patrijiet u l-kumment tas-sewwieq kien ġenwin. Is-sewwieq ħaseb li dik kienet bluha taż-żgħażagħ għax il-patrijiet kienu kollha għadhom żgħar.

Illum il-karnival u l-bluha bil-qies hija aċċettata. Mhux bluha li ġġib konsegwenzi koroh imma bluha li ġġib tbissima, li ġġib ferħ fuq kulħadd. Mhux kulħadd iħobbu l-karnival imma kulħadd xi darba jew oħra jagħmel xi biċċa bluha anke jekk ma tkunx intenzjonata. Mela llum ejjew ngħidu viva r-renju tal-bluha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 6 ta' Frar 2016