Il-festi
familjari fi ċkunitna kienu differenti għal kollox minn dawk tal-lum. Festa jew
festin fil-familja kien isir f’ xi magħmudija, preċett jew griżma ta’ xi ħadd.
Anke t-tiġijiet kienu festeġġjamenti għal kollox differenti minn dawk li jsiru
llum. Għeluq snin xi membru tal-familja kien ikun iċċelebrat b’ xi kejk magħmul
mill-omm fid-dar stess.
Illum għal kull
okkażjoni nivvintaw festin. Donnu hawn min jehda jorganizza dawn
l-attivitajiet. Wara kollox hemm in-negozju wara dawn il-festini organizzati u
vvintati. U l-festini qegħdin jinbtu donnhom ħaxix ħażin.
Bachelor’s party
Issa drajna sew
li qabel ma xi ħabib minn tagħna jiżżewweġ immorru nagħmlulu ikla xi mkien.
Hawn min isejjaħlu bachelor’s party u hawn min jgħidlu stag party. Hu x’ inhu
huwa festin fejn l-għarus jiċċelebra l-aħħar ftit jiem bħala ġuvni. It-Taljani
jsejħu dan it-tip ta’ festin L’Addio al
celebato. Fil-verità it-Taljani għandhom raġun isejħulu hekk għaliex
il-ġuvni jkun qed isellem darba għal dejjem il-ħajja mhux miżżewġa, il-ħajja
ċelebi. Il-Franċiżi għandhom mod ieħor kif isejħu dan l-avveniment: enterrement de vie de garçon, jiġifieri
l-funeral tal-ħajja taż-żagħżugħ. Forsi l-Franċiżi huma ftit jew xejn eseġerati
fl-għoti tal-isem għaliex min jiżżewweġ ma jfissirx li se tispiċċalu ħajtu ta’
żagħżugħ. Imma hekk jaħsbuha l-Franċiżi!

Hens party

Jekk xi jsir
fil-bachelor’s party ftit li xejn naf, nistqarr li inqas u inqas naf xi jsir
fil-festin li jorganizzaw sħab l-għarusa qabel ittejjeġ. Nimmaġina li jkun hemm
aktar ġentilezza u jekk isir ċajt ikun anqas goff minn tal-irġiel.
Baby shower

X’ inhu l-iskop?
Huwa sabiħ li
niltaqgħu u niċċelebraw flimkien mal-ġuvni li jkun ser jieħu l-istat tieħgu,
max-xebba li tkun waslet biex issir mart xi ħadd kif ukoll mal-mara li tkun ser
issir omm, iżda meta tkellimt ma’ xi persuni dwar dawn il-festini qaluli li qed
ikunu ta’ spiża kbira. Minbarra li tmur tiekol u tixrob (nispera li bil-qies)
hemm ir-rigali li jingħataw u xi spejjeż oħra ta’ tiżjin jew gadgets li jintużaw fil-festin. X’ inhu
l-iskop aħħari ta’ dawn il-festini? Jekk irridu nagħmlu festin biex nifirħu
flimkien ta’ ħbieb hemm għalfejn nonfqu somma kbira? Wisq nibża’ li l-iskop
wara dawn il-festini huwa ta’ negozju u mhux verament ta’ laqgħa soċjali bejn
il-ħbieb.
Sirna nivvintaw
festini għal kollox, illum semmejt tlieta biss iżda hemm ħemel ta’
okkażjonijiet oħra li għalihom jiġu vvintati festini, kultant bla sens. Din
hija biss l-opinjoni tiegħi u għalhekk nista’ nkun żbaljat.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento