sabato 6 agosto 2016

Barbecue

Fix-xhur tas-sajf daħlet sewwa fostna l-Maltin id-drawwa li filgħaxija morru fejn xatt il-baħar, nieħdu l-ikel nej magħna u nixwu l-laħam u l-patata hemmhekk, ovvjament wara li nkun qbiżna qabża l-baħar. Qabel konna nieħdu l-ħobż biż-żejt ħdejn il-baħar, illum sirna nippreferu mmorru barbecue. Arana ngħabbu l-apparat tax-xiwi, il-ħatab jew il-faħam u tlaqna lejn xatt il-baħar.

Il-kelma barbecue
Barabicu 
Ġieli rajna din il-kelma miktuba fil-qosor: Bar b q, biss il-kelma sewwa tinkiteb barbecue. Minn dejjem kelli kurżità minn fejn oriġinat il-kelma u għalhekk mort infittex f’ dizzjunarju. Sibt li barbecue tfisser: ikla jew laqgħa fejn jissajjar laħam jew ħut, barra mid-dar, fuq gradilja b’ nar baxx dirett jew inkella fuq apparat apposta. Barbecue tfisser ukoll l-apparat użat biex jinxtewa l-ikel b’ dan il-mod li qed insemmu. Għalaqt id-dizzjunarju għax ma qalli xejn ġdid, dak li qalli kont nafu bħalma tafu inti wkoll. Għalhekk komplejt infittex biex naqta’ l-kurżità tiegħi u sibt hekk: Aktarx li l-kelma barbecue ġejja mill-kelma barabicu, kelma li kienu jużaw l-indiġeni Indjani tal-Karibew. Għalihom barabicu ma kienx ifisser il-mod tat-tisjir iżda l-qafas taz-zkuk li kienu jpoġġu fejn xulxin biex jinħarqu u fuq il-ġamar tagħhom jixwu l-laħam. Meta fl-1492 Kristofru Kolombu niżel fl-art il-ġdida, il-kontinent Amerikan, sab li n-nies tal-post kienu jixwu l-laħam fuq il-ġamar tal-injam u zkuk. Il-fjamma dgħajfa u d-duħħan tal-ġamar kien isajjar ftit ftit u l-laħam kien jieħu dik it-togħma tant tajba li llum niġġennu għaliha ħdejn il-baħar. L-ispanjoli ta’ ma’ Kolombu ħadu magħhom din id-drawwa u jidher li nxterdet sewwa ma’ Spanja. Dan jixhdu l-fatt li l-kelma barbacoa insibuha fid-dizzjunarja Spanjol li kien stampat fl-1526, sewwasew 34 sena wara l-iskoperta tal-Amerika. Il-ħaġa li tiskantani hija kif illum l-Ispanjoli, jew fejn jitkellmu l-ilsien Spanjol, il-laħam mixwi ma jsejħulux biss barbecoa imma parrillada jew asado. Mur ifhem hux?

Illum il-kelma “barbecue” saret tinftiehem fl-Ewropa kollha u tirreferi aktar għall-ikla milli għall-apparat minkejja li oriġinarjament kienet tirreferi għall-mod li fih kienu jitpoġġew iz-zkuk biex jinħarqu u fuqhom jinxtewa l-laħam.

X’ differenza
Tassew li jiena qed ngħid li l-barbecue isir ħdejn il-baħar, iżda ma hemm l-ebda regola fejn wieħed jista’ jagħmlu. Illum bosta djar għandhom barbecue fil-bitħa tad-dar jew fuq il-bejt. Bosta lukandi wkoll jorganizzaw barbecue.  Hu x’ inhu l-barbecue ma jsirx taħt is-saqaf imma għall-arja aperta, issa f’ xatt il-baħar, fuq il-bejt, fil-bitha jew fejn il-pool ta’ xi lukanda ma jbiddel xejn it-teknika tat-tisjir tiegħu
.
Tiskanta x’ differenza tgħaddi fit-togħma bejn biċċa laħam jew ħuta mixwija fuq il-barbecue u biċċa laħam jew ħuta mixwija fuq il-forn tal-kċina. Aktarx li s-sistema “low and slow”, nar bati u ħin twil għat-tisjir huwa s-sigriet ta’ kollox.

Attività soċjali
Bosta organizazzjonijiet, għaqdiet, każini jew gruppi matul is-sajf jorganizzaw barbecue għall-membri tagħhom. Dan jista’ jsir ukoll bħala mod kif jinġabru fondi b’ risq l-għaqda li torganizzah. Il-barbecue sar attività soċjali popolari ħafna kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-organizzaturi.
Kien hemm żmien li l-barbecues il-kbar kienu jsiru fuq ix-xtajta ta’ xi ramla, biss illum anke dawn ġew ikkontrollati. Ma hemmx isbaħ mill-kontroll. Għalhekk bosta organizzaturi qegħdin joganizzaw dawn l-attivitajiet f’ xi lukanda. Hu x’ inhu il-barbecue huwa l-attività sajfija l-aktar popolari għall-għaqdiet u l-membri tagħhom.

Festival tal-Bar-b-q
Bar-B-Q festival 
Minkejja li dan il-mod ta’ tisjir infirex sewwa mal-Ewropa,  jibqa’ l-fatt li twieled l-Amerika u għadu maħbub sewwa hemmhekk. Fil-fatt ta’ kull sena jsiru festivals tat-tisjir tal-Barbecue. Dawn isiru f’ diversi bliet Amerikani. L-ewwel festival sar fl-1973 ġewwa Memphis u għadu jsir kull sena fix-xahar ta’ Mejju. F’ Mejju wkoll isir l-International Bar-B-Q Festival ġewwa Kentucky. Dan ilu jsir kull sena mill-1979 u għalih jattendu għexieren ta’ eluf ta’ nies. Min jaf, fosri Malta wkoll għad nibdew norganizzaw xi festival bħal dan;  għandna għażla kbira ta’ festivals, forsi b’ dan li qed ngħid jien jista’ jitwieled ieħor. Li huwa żgur hu li l-Maltin iħobbu dan it-tip ta’ ikel u naħseb li kieku kellu jsir ikun suċċess.

Wara l-barbecue
Hu x’ inhu, fis-sajf, lejla ħdejn il-baħar bi platt laħam mixwi fuq il-ġamar, hija xi ħaġa mill-isbaħ. Tajjeb li nkunu prudenti meta norganizzaw dawn il-barbecues żgħar, familjari jew bejn il-ħbieb. Tajjeb li ma ndejqux lil ħaddieħor u tajjeb li nħallu l-post nadif. Ladarba nkunu ġarrejna l-apparat għal dik il-lejla sabiha, jekk niġbru l-iskart tagħna ġo borża u noħduha magħna d-dar jekk ma jkunx hemm fejn narmuha fil-qrib, mhux ser ittaqqalna. Wara l-barbecue ma hemmx għalfejn inħallu traċċi, l-aqwa li nkunu gawdejnih aħna, ma hemmx għalfejn inħallu marki biex ħaddieħor ikun jaf x’ kilna!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 6 ta' Awwissu 2016



Nessun commento:

Posta un commento