Visualizzazione post con etichetta skola. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta skola. Mostra tutti i post

sabato 23 novembre 2024

Edukazzjoni

Meta ngħidu “Edukazzjoni” nistgħu nkunu qed nirreferu għal żewġ ħwejjeġ differenti. Bniedem jista’ jkun edukat għax iġib ruħu sewwa, jaf u jimxi mal-manjieri t-tajba u bniedem jista’ jkun edukat għax ikollu livell ta’ skola.

Etikett

L-edukazzjoni tista’ tidher fl-etikett. Bniedem edukat fl-imġieba tiegħu juża l-etikett. L-etikett jiġbor fih ir-regoli u l-użanzi tajbin kollha li kull persuna għandha ssegwi f’diversi sitwazzjonijiet pubbliċi, kemm jekk huma mumenti partikolari fil-ħajja ta’ kull individwu bħal ngħidu aħna tiġijiet, festini jew anke f’każi ta’ luttu kif ukoll f’sitwazzjonijiet aktar komuni, bħal ikliet f’ristorant, laqgħat u hekk.

Il-kelma etikett, kif ukoll it-tifsira tagħha, għandhom l-oriġini tagħhom fix-xogħol miktub minn Monsinjur Giovanni Della Casa, ippubblikat wara mewtu fl-1558 u intitolat, preċiżament, Galateo overo de' costumes. Tajjeb ngħidu li l-etikett bit-Taljan jissejjaħ ukoll Galateo. F’dan it-trattat, li għandu l-forma ta’ djalogu Platoniku bejn l-awtur innifsu u n-neputi żgħir tiegħu Annibale, il-monsinjur jitkellem dwar id- drawwiet tajbin kollha, ir-regoli li sa issa ma kinux għadhom miktuba dwar l-imġieba u d-drawwiet li raġel tal-klassi tiegħu kellu jsegwi, il-manjieri tajbin kollha li tgħallem matul ħajtu bħala diplomatiku u bniedem tal-Knisja. Illum il-ġurnata, l-etikett kif isemmih Monsinjur Della Casa ma jeżistix: id-drawwiet evolvew u, mal-medda taż-żmien, kull parir miktub minn dan il-bniedem jidher li ġie sostitwit jew mitmum. Dan, madankollu, ma jfissirx li m'għadx hemm xi regoli li għandek issegwi: l-etikett qed jevolvi kontinwament u jirnexxilu jgħaqqad kemm esperjenzi ġodda kif ukoll użanzi qodma. Jekk, għalhekk, jinbidel fis-sustanza tiegħu, l-iskop tal-etikett huwa dejjem l-istess: rispett għall-oħrajn, koeżistenza pjaċevoli bejn l-individwi u soċjetà aktar armonjuża għall-ħajja tajba ta' kulħadd.

Fil-ħajja ta’ kuljum

Għal xiex japplika l-etikett illum? Anke skont it-tifsira l-ġdida tiegħu, l-etikett għandu jiġi adottat għal kull azzjoni tal-ħajja ta' kuljum, billi tibda minn fuq il-mejda: kif tiekol, kif tuża l-pożati, x'għandek tagħmel meta tkun mistieden u kif iżżomm konversazzjonijiet bejn il-ħbieb. Dawn kollha jaqgħu f'din il-kategorija. Ma jonqsux ukoll regoli għal kull aspett soċjali, mir-relazzjoni mal-ġirien għal diversi avvenimenti bħal ngħidu aħna tiġijiet l-ewwel nett. Fil-fatt, it-tiġijiet huma wieħed mis-suġġetti li għalihom ħafna nies jagħtu attenzjoni akbar minn avvenimenti oħrajn. Biss f'ambjenti aktar informali ma għandux jintesa lanqas l-etikett.

Tagħlim

L-edukazzjoni tfisser ukoll dik il-bagalja ta’ tagħlim li bniedem jakkumula permezz tal-istudju. Il-kelma edukazzjoni ġejja mill-verb Latin educĕre li jfisser tiġbed il barra. It-terminu edukazzjoni huwa marbut mill-qrib ma’ dak tal-pedagoġija, dixxiplina li, skont it-tifsira moderna, tittratta l-istudju sistematiku. Fil- Greċja tal-qedem, jiġifieri madwar 400 qabel Kristu, is-sistema edukattiva msejħa paideia f'Ateni u agoghé fi Sparta, kienet tinvolvi mhux biss istituzzjonijiet edukattivi iżda kienet tikkonċerna dwar il-parteċipazzjoni fil-kultura Griega kollha kemm hi. Skont il-filosofija Sokratika - Platonika, it-tagħlim mhu xejn ħlief li “jiġbed” għarfien, li diġà jeżisti fl-individwu u li jrid “jinħareġ” permezz ta’ proċess xieraq. Mela għalhekk educĕre, tiġbed il barra t-tagħlim mill-individwu.

Edukazzjoni bi dritt 

L-edukazzjoni hija dritt rikonoxxut universalment. Għall-edukazzjoni formali b'mod partikolari, hemm regoli li jistabbilixxu garanziji preċiżi. Fuq livell globali, l- istati membri tal-Ġnus Magħquda ffirmaw id- Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948 li, bl-artikolu 26, tiggarantixxi d-dritt għall-edukazzjoni. Il-UNESCO stabbiliet fl-1960 li parti importanti mid-dritt għall-edukazzjoni tikkonsisti fin - nuqqas ta' diskriminazzjoni. F-1966 il-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICESCR) jafferma mill-ġdid id-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd. Fuq livell Ewropew mill-1953 il-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali bl-artiklu 2 tal-ewwel protokoll, jobbliga lill-pajjiżi firmatarji kollha li jiggarantixxu forom xierqa ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini tagħhom. Dan id-dritt huwa wkoll garantit mill-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fl-1961 u riveduta fl-1996. Fuq livell nazzjonali, kważi l-pajjiżi kollha għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi forom fundamentali ta’ edukazzjoni liċ-ċittadini tagħhom, anke jekk mhux kollha kapaċi japplikawhom bis-sħiħ. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid hekk: “L-edukazzjoni primarja għandha tkun obbligatorja u fl-iskejjel tal-Istat għandha tkun bla ħlas. L-istudenti kapaċi u meritevoli, ukoll jekk mingħajr risorsi finanzjarji, għandhom dritt li jilħqu l-ogħla gradi ta’ edukazzjoni.” Dan insibuh f’Kapitlu II tal-Kostituzzjoni fejn jiġu trattati il-prinċipji tal-istat Malti.

Edukazzjoni u Edukazzjoni

Rajna ż-żewġ tifsiriet ta’ Edukazzjoni u rajna kif waħda mhux bil-fors tiġbed lill-oħra. Fil-verità ġieli ngergru li jkun hemm nuqqas ta’ edukazzjoni minn ċerti persuni ta’ livell ta’ edukazzjoni. Le dan mhux logħob bil-kliem, imma ħsieb profond. Importanti li dawn iż-żewġ karattri ta’ edukazzjoni jimxu id f’id, dejjem flimkien.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2024




sabato 28 ottobre 2023

L-għalliem

Ftit tal-jiem ilu, wieħed ħabib tiegħi, li xogħlu huwa ta’ għalliem, tefa’ ritratt fuq Facebook tiegħu. F’dan ir-ritratt kien jidher hu flimkien ma’ tliet eks studenti tiegħu u kiteb li ltaqa’ ma’ dawn l-istudenti fuq tal-linja. Dan il-post fuq Facebook ġegħilni naħseb fuq ir-rabta li student jista’ jkollu ma’ għalliem, rabta ta’ rispett u ħbiberija li tibqa’ anke meta dak li jkun ma jibqax student ta’ dak l-għalliem.

Min hu l-għalliem?

Għalliem, li jista’ jiġi msejjaħ ukoll edukatur, huwa persuna li tgħin lill-istudenti jiksbu għarfien, kompetenza jew virtù permezz tat-tagħlim. Minkejja li t-tagħlim mhux bil-fors isir fi skola, u biex ngħidu kollox, il-bniedem mhux l-iskola biss jitgħallem, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, it-tagħlim formali tal-istudenti normalment isir minn għalliema professjonali mħallsa ġewwa skola. L-għalliem huwa dejjem punt ta’ riferiment għall-istudenti u minbarra t-tagħlim akkademiku ħafna drabi jħejji lill-istudenti tiegħu għall-ħajja. Dan huwa li jagħmel għalliem maħbub u li jibqa’ f’moħħ l-istudenti li jkunu għaddew minn taħt idejh. Għalliem tajjeb isir ħabib tal-istudent.

Dari u llum

Madwar ħamsin sena ilu l-iskejjel u l-mod tat-tagħlim kien differenti minn dak tal-lum. L-ewwel ħaġa l-ħin tal-iskola kien itwal. Tabilħaqq kien ikun hemm waqfa ta’ xi sagħtejn, imma ħafna minna konna nibqgħu l-iskola. Għalhekk nistgħu ngħidu li konna nqattgħu aktar ħin mal-għalliema tagħna milli mal-ġenituri, għax meta konna naslu d-dar konna mmorru l-Museum u wara lura d-dar, nagħmlu l-home work, nieklu u norqdu.

Illum il-ħin tal-istudenti fl-iskola huwa iqsar. Dan ma jfissirx li naqas it-tagħlim, iffisser biss li nbidlet is-sistema tat-tagħlim. Illum it-tfal tal-iskola jmorru lura lejn id-dar xi sagħtejn jew sagħtejn u nofs qabel ma konna mmorru aħna, imma l-ħin ta’ wara l-iskola tat-tfal tal-lum huma mimli attivitajiet li dari ftit li xejn konna nimmaġinaw.

Ħaġa oħra li nbidlet minn żminijietna għal-lum hija fejn jidħol ir-rispett lejn l-għalliem. Jekk student kien ikun xi ftit imqarqaċ, l-għalliem ma kienx jaħsibha darbtejn biex jagħti xi daqqa ta’ riga fuq id dak it-tifel. Mhux qed ngħid li naqbel mas-swat, imma naqbel mija fil-mija mal-korrezzjoni tal-istudenti. Huwa obbligu tal-għalliem li jikkoreġi lil dak l-istudent li jkun wettaq xi ħaġa ħażina. Jekk fi żmieni kont immur id-dar u ngħid lill-ommi li s-Sir tani daqqa ta’ riga kienet dlonk tgħidli li sewwa għamilli u li ma tanix dik id-daqqa ta’ xejn imma għax kien ħaqqni. Anzi ħafna drabi l-ġenituri kienu jkunu jridu jafu x’għamel ħażin binhom u jekk il-ħaġa tkun gravi jerġgħu jfarfrulu t-trab minn fuqu b’xi xebgħa! Illum wisq nibża’ li kieku sseħħ ħaġa bħal din, il-ġenituri tat-tifel joħduha kontra l-għalliem u saħansitra jmorru l-iskola għas-sodisfazzjon. Qabel konna nemmnu bil-qawl Malti: Is-swat ħareġ mill-ġenna, kull min iduqu jithenna. Illum dan il-qawl ma għadux jgħodd u kważi kważi naħsbu li jħeġġeġ għal abbuż. Iż-żmien jinbidel u miegħu ninbidlu aħna u jinbidlu wkoll ħsibijietna.

Għalliem tajjeb

Għalliem tajjeb minbarra li jgħallem dak li għandu jgħallem lill-istudenti tiegħu, iħejjihom għall-ħajja. Nemmen li ħafna minna għadna niftakru xi għalliem li kellna fi tfulitna. Jien niftakar sewwa lis-Sur Cardona. Meta kont fil-klassi tiegħu għalija kienet l-isbaħ sena tal-Primarja. Għallimna nagħmlu presepju, kien joħodna l-knisja tar-raħal u jfissrilna x’hemm u għalfejn qegħdin hemm. Wara l-iskola kien jinżel lura lejn id-dar tiegħu bil-mixi billi kien joqgħod ir-raħal tagħna stess u għalhekk ħafna minna konna nimxu biċċa triq miegħu. Kien għalliem ħabib li minkejja li llum ma għadux magħna xorta għandi memorji mill-isbaħ tiegħu u nemmen li bħali għandhom sħabi li kienu fil-klassi tiegħu.

Missieri għandu kważi 93 sena u għadu jiftakar u jsemmi xi għalliema li kellu fi tfulitu fosthom Mr Ungaro u s-Sir Mizzi. Waqt il-waqfa mit-tagħlim dan l-għalliem tal-aħħar kien jibgħat lil missieri d-dar tiegħu biex iġiblu thermos bil-kafè. Jgħid missieri li kien imur b’ġirja u jerġa’ lura l-iskola bil-ġiri iżda darba minnhom waqa’ u bumm, addio t-thermos tal-kafè. Spiċċa frak! Dan kollu juri l-ħbiberija bejn l-għalliem u l-istudenti tiegħu, ħbiberija li minkejja li jkunu għaddew tant snin tibqa’ fil-moħħ ta’ dak li jkun.

Illum missejt ftit dak li jsawwar lill-għalliem. Kien il-post fuq Facebook ta’ dak l-għalliem li semmejt fil-bidu li ġabli dawn il-ħsibijiet kollha f’moħħi. Fakkarni f’ħafna għalliema li għaddejt minn taħthom, mill-iskola tas-Sorijiet, sal-Primarja, mis-Sekondarja sal-Università. Nista’ ngħid li f’tant snin ta’ skola sibt bosta għalliema li nista’ nsejħilhom ħbieb.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Ottubru 2023



venerdì 29 settembre 2017

Spiċċa s-sajf

Uffiċċjalment is-sajf jispiċċa fl-20 ta’ Settembru, iżda aħna ma tantx nintrabtu ma’ din id-data. Għalina s-sajf inħossuh jispiċċa meta bejn wieħed u ieħor ikunu għaddew il-festi parrokkjali, għadda żmien is-safar u t-tfal reġgħu bdew ir-rutina ta’ sena skolastika ġdida. Issa li wasalna f’dan il-punt nistgħu nagħtu ħarsa lura lejn dan l-istaġun li għadu kemm ġie fi tmiemu.

Festi
Il-festi parrokkjali tagħna huma sinonimi mas-sajf, għad li xi wħud isiru wkoll fix-xitwa, imma billi dawn tal-aħħar huma fil-minoranza, nistgħu ngħidu li issa l-festi għaddew, jew aħjar, il-festi tas-sajf spiċċaw. Tajjeb li nagħmlu ftit evalwazzjoni dwarhom. Naf li il-Knisja ta’ Malta qed taħdem biex dawn il-festi ma jispiċċawx okkażjoni li tmur kontra l-prinċipi li għalihom oriġinarjament kienu nħolqu. Diġà tlifna ħafna minn dak li għalih bdew isiru l-festi, jekk nibqgħu sejrin b’dan il-pass ma ndumux ma nispiċċaw b’festi vojta u bla sinifikat ta’ xejn.

Dan is-sajf l-Isqof ta’ Għawdex faqa’ bużżieqa li kienet ilha tintefaħ u li donnu kulħadd beda jibża’ jifqagħha. Qal li fil-marċi tal-festa qed ikun hemm ammont kbir ta’ teħid ta’ droga. Ilna nafu bil-problema, ma skoprejniex l-Amerika, imma kellu jkun l-Isqof li jitkellem pubblikament dwarha? Dan mhux xogħol il-pulizija? Hawnhekk ma rridx nitfa’ t-tort fuq il-pulizija. Tajjeb inżommu f’ moħħna li taħt l-uniformi tal-pulizija hemm bniedem uman bħali u bħalek. Aħna l-bnedmin jekk naraw li xogħolna ma jkunx aprezzat għandna t-tendenza li nagħtuha b’telfa. Nemmen li bosta membri tal-korp tal-pulizija jixtiequ jagħmlu xogħolhom sewwa, imma meta jaraw li ta’ xogħolhom ftit li xejn huma apprezzati, allura jaqtgħu qalbhom u jħallu kollox għaddej, għall-ewwel jibdew jagħlqu għajn waħda u maż-żmien jagħlquhom it-tnejn. Kemm se jdumu jtellgħu l-qorti nies li nqabdu jiksru l-liġi u minħabba ma nafx xiex joħorġu liberati? Fl-aħħar il-pulizija jaqta’ qalbu u jibda jħoss ġewwa fih xi ħaġa li tgħidlu li aħjar jiġi jaqa’ u jqum.

Imma l-festi mhux problemi biss. Il-festi għaddew u fihom stajna napprezzaw bosta opri artistiċi ġodda li saru minn artisti magħrufin fix-xena lokali flimkien ma’ ħafna u ħafna xogħol ieħor ta’ ħidma volontarja. Issa li għadda s-sajf dawn l-individwi jibdew, jew diġà bdew, iħejju għall-festa tas-sena d-dieħla.

Safar
L-istaġun tas-safar għadda wkoll u issa kull ma baqa’ huma biss it-tifkiriet ta’ dak li rajna, ta’ ħbiberiji ġodda li għamilna, ta’ postijiet ġodda li żorna, ta’ ikel li qatt ma konna doqna qabel u li forsi qatt ma nerġgħu nduquh. Fadal ir-ritratti li ġbidna bil-mowbajl jew bit-tablet.

Illum is-safar sar komuni. Mhux bħal fi tfuliti, biex tmur jumejn sa Sqallija kont trid taħseb xhur qabel. Illum tisma’ lil min tisma’ kulħadd jitkellem fuq xi vaganza barra minn xtutna li jkun għamel. Tassew li meta nieħdu vaganza din tkun għall-mistrieħ, imma mistrieħ ma jfissirx għass. Kemm hawn minna li jinteressaw ruħhom u jfittxu ftit dwar il-postijiet ġodda li jkunu ser iżuru? Kont naħseb li ftit imma kelli żball. Dan is-sajf indunajt kemm bosta Maltin ifittxu tagħrif dwar il-postijiet li jkunu ser iżuru u għalhekk jagħmlu mistoqsijiet serji lill-gwidi li jkunu qed imexxuhom. Illum permezz tal-internet malajr issib dak li tun trid, anzi tara t-toroq tal-post qisek qiegħed miexi fihom. X’differenza  minn għoxrin jew tletin sena ilu! Issa li għadda s-sajf miegħu telqu wkoll il-vaganzi imma baqa’ t-tagħrif li ksibna. Issa li għadda s-sajf nibdew naħsbu fejn ser immorru s-sajf li ġej!

U l-iskola
Issa li għadda s-sajf l-iskejjel reġgħu fetħu bwiebhom għall-istudenti. Meta tkun għadek żgħir l-iskola ma jkunx il-post favorit tiegħek. Tal-inqas il-maġġoranza tal-istudenti jippreferu l-vaganzi tas-sajf milli x-xhur tas-sena akkademika. Inħoss li s-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn tkun aġġornata. Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiżi barranin li għandhom sistema għal kollox differenti minn tagħna u r-riżultat aħħari huwa aħjar minn dak tagħha. Illum l-istudent Malti jaħdem għal biċċa karta, liema biċċa karta tiftaħlek il-bieb għad-dinja u mingħajrha ma tasal imkien. Imma l-ħajja mhux magħmula miċ-ċertifikati. Huma importanti, imma mhumiex kollox. Illum ġibna lill-istudenti tagħna b’bagalja ċertifikati imma bla ebda esperjenza jew prattika tal-ħajja. Jgħaddi l-eżami, tinkiseb il-marka u l-għada jintesa kollox. Għadda s-sajf u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-istess sistema li f’Ġunju kienu għalqu biha. Tgħid sa sajf ieħor isir xi ħaġa biex din is-sistema tinbidel? Ma nafx, u ngħid id-dritt għandi d-dubji tiegħi.

Illum missejt tliet punti li nistgħu nirriflettu fuqhom issa li l-istaġun tagħhom għadda bħall-festi u s-safar jew ser jibdew bħall-iskejjel. Issa li għadda s-sajf ħarsitna trid tkun ’il quddiem, min jaf, forsi lejn sajf ieħor?


 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2017


venerdì 1 settembre 2017

Settembru

Tiskanta kif igerrbu l-jiem. Dawn isiru ġimgħat u dawn jinġemgħu f’xhur! Għadna kif bdejna x-xhar ta’ Settembru, xahar li hemm ħafna xi tgħid dwaru.

Ismu
L-isem ta’ dan ix-xahar ġej mill-kelma Latina septem li tfisser is-seba’. Illum għandna mnejn nitħawdu jekk insejħu lil Settembru s-seba’ xahar għax fis-sewwa huwa id-disa’ wieħed tas-sena. Tajjeb niftakru li meta ġie mogħti l-isem lil dan ix-xahar ma kienx jintuża l-kalendarju Gregorjan li nużaw aħna imma dak Ruman li kellu l-bidu tiegħu f’ Marzu. Jekk ngħoddu x-xhur minn Marzu naraw li tabilħaqq Settembru jiġi s-seba’ wieħed.

Il-kalendarju li nużaw aħna illum u l-parti l-kbira tad-dinja jissejjaħ Gregorjan. Dan beda jintuża f’Ottubru tas-sena 1582. Jissejjaħ Gregorjan għall-Papa Gregorju XIII li ordna li jibda jintuża dan il-kalendarju li huwa aktar preċiż minn dak Ġuljan, li kien jintuża qablu. Iżda ejjew naraw xi ħaġa dwar Settembru.

Tmiem is-sajf
Dan xahar huwa magħruf ħafna għar-riħ isfel. Minkejja li s-sajf jispiċċa f’dan ix-xahar, xorta waħda s-sħana tkun għadha fl-aqwa tagħha. Mhux darba u tnejn li dan ix-xahar tana xi maltempata tajba. Billi jispiċċa s-sajf u tidħol il-Ħarifa, jkun hemm ċaqlieq fl-arja. Kurrenti ta’ pressjoni baxxa ġieli jiltaqgħu ma dawk ta’ pressjoni għolja u jiġi kkawżat il-maltemp.

Imma ejjew ma nkunux daqshekk pessimisti ma’ Settembru. Dan huwa x-xahar li joffrilna s-sabiħ ukoll. Huwa wkoll xahar importanti ħafna għalina l-Maltin. Fih niftakru f’żewġ ġranet ta’ glorja. It-8 ta’ Settembru huwa jum ta’ rebħa doppja. L-ewwel ma niffesteġġjaw f’dan il-jum hija r-rebħa li l-Kavallieri flimkien mal-Maltin kellhom fuq l-armata Ottomana fl-1565. Ma kienx assedju taċ-ċajt. Malta ma kinitx kif inhi llum, kienet imperrċa, miftuħa għall-għadu, iżda l-qlubija u d-determinazzjoni tal-Maltin u l-mexxejja tagħhom tat rebħa li għadna niċċelebrawha bil-kbir sal-lum. Dan l-istess jum ifakkar ukoll tmiem it-tieni gwerra dinjia, ir-rebħa tal-Alleati fuq il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu. Għal darba oħra l-Maltin flimkien mal-mexxejja tal-gżira, issa mhux aktar il-kavallieri ta’ San Ġwann imma l-qawwiet Brittaniċi, ħarġu rebbieħa. Jum ieħor ta’ ġieħ u ta’ importanza kbira f’Settembru huwa Jum l-Indipendenza ta’ Malta. Dan kien pass storiku fejn pajjiżna sar stat. Dejjem  kien jiddependi minn xi ħakkiema barranin, fil-21 ta’ Settembru tas-sena 1964 Malta sabet postha fuq il-mappa tad-dinja bħala stat. Il-Maltin ma baqgħux aktar sudditi imma saru ċittadini. Dan kien l-ewwel pass fl-istorja sovrana ta’ Malta, pass li warajh saru oħrajn biex illum aħna dak li aħna.

Lura lejn l-iskola
Dan ix-xahar iġib ukoll il-bidu tal-iskejjel. Eluf ta’ studenti jerġgħu lura lejn il-bankijiet tal-iskola biex ikomplu t-tagħlim akkademiku tagħhom. Dan il-jum ikun ukoll l-ewwel jum tal-iskola għal mijiet ta’ tfal żgħar. L-ewwel jum tal-iskola għandu mnejn ikollu miegħu sentimenti mħalltin. Għal dak li wasal biex itemm l-istudji tiegħu jidħol bl-entużjażżmu tal-aħħar biex wara din is-sena akkademika jibda aventura ġdida, dak li fadallu x’ jistudja jara dan il-jum bħala okkażjoni biex jiltaqa’ mal-ħbieb li jkun ilu ma jara xhur. Għal dak li dan il-jum ikun l-ewwel wieħed bogħod mid-dar għandu mnejn ikun diffiċli. Dawn is-sensazzjonijeit kollha jseħħu f’Settembru u sa tmiemu aktarx li jkunu għaddew u ntesew.

Żmien l-għasir tal-għeneb
Issa huwa wkoll iż-żmien li jinqata’ għeneb u jintgħasar l-inbid. Kemm hu proċess sabiħ dak tal-għasir tal-għeneb. Ix-xogħol jibda fl-għelieqi, jinġabar l-għeneb u jittieħed fejn ser ikun proċessat. Dan jgħaddi minn magna li taqsam għenba bla ma tkisser iż-żerriegħa tiegħu. Kieku kellha titkisser iż-żerriegħa l-inbid jiġi morr u ma nkunux nistgħu nduqu t-tjubija u nitpaxxew bil-palat li jagħtina dan ix-xrob. Wara li jitħalla f’tankijiet apposta biex ssir il-fermentazzjoni jsir għasir propju, jinġabar il-meraq li issa jkun iffermenta. Jitpoġġa kollox fid-damiġġani u mill-qoxra li jkun fadal jerġa’ jibda proċess ieħor biex isir inbid ieħor, mhux pur imma sekond. Hawn jintuża l-istrinġitur biex il-qoxra tingħasar sewwa u ma jinħela xejn. Dan ix-xogħol isir f’Settembru imma l-inbid ikun fadallu biex jinxtorob. Il-proċess tiegħu jkun fadallu xhur. Fissirt fuq fuq il-proċess tal-inbid. Taħsibx li hija ħaġa ħafifa. Le aktar ħafif tixorbu milli tagħmlu, iżda l-proċess tiegħu huwa sabiħ u jagħti sodisfazzjon.

Dan huwa ftit minn dak li jseħħ fix-xahar ta’ Settembru. Jien wieħed minn dawk li ngorr u neqred bis-sħana u bir-riħ isfel, imma bil-garr ma nsolvi xejn. Illum pruvajt nara xi ftit is-sabiħ ta’ dan ix-xahar li fuq kollox bħal kull xhar ieħor tas-sena għandu s-sabiħ tiegħu wkoll.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 2 ta' Settembru


giovedì 4 luglio 2013

Nużaw l-għodda skont iż-żmien

Dan l-artiklu kont ktibtu fl-eqqel tal-kampanja elettorali, fil-bidu ta’ din is-sena. L-għada li ktibtu iż-żewġ partiti politiċi kbar ta’ pajjiżna, daħħlu l-e book reader, jew kif sejħulu  “Tablet”, fl-aġenda politika tagħhom u għalhekk ħassejt li ma kienx ikun prudenti li nibgħat artiklu dwar suġġett li kien fuq fomm il-politiċi waqt kampanja elettorali. Il-kitbiet tiegħi dejjem kienu apolitiċi u għalhekk ma ridtx niġi mifhum ħażin ħtija tal-artiklu. Allura żammejt l-artiklu għal meta jkun żmien opportun. Issa naħseb li huwa żmien tajjeb.

Tekonoloġija moderna
Niftakarni tifel żgħir sejjer lejn l-iskola id f’id ma’ ommi, iżommli l-basket bil-pitazzi u xi żewġ jew tliet kotba fih flimkien mal-ħobż. Oħti ikbar minni kienet timxi ma’ sħabha ftit passi quddiemna, iġġorr il-basket tal-iskola tagħha. Din il-ħaġa kienet isseħħ kuljum sakemm forsi kelli tmienja jew disa’ snin. Wara bdejt immur l-iskola waħdi u fit-triq niltaqa’ ma’ sħabi. Meta spiċċajt is-snin tal-iskola primarja u bdejt immur is-sekondarja l-istorja nbidlet. Issa ma bqajtx nattendi skola fir-raħal tiegħi stess imma ta’ kull filgħodu kont immur nistenna l-karozza li kienet twassalna sal-iskola. Mhux din il-ħaġa biss inbidlet, imma inbidel ukoll il-piż tal-basket. Issa bdejt nieħu mhux ftit pitazzi u xi ktieb jew tnejn imma kien ikolli basket mimli karti u kotba. Il-piż tal-basket kien ikun verament tqil.

Kbirt u ma bqajtx immur skola u nsejt dwar il-piż tal-basket tal-iskola, sakemm kibru n-neputijiet u erġajt bdejt nara l-basktijiet mimlijin kotba u pitazzi. Il-forma tal-basktijiet inbidlet imma l-piż baqa’ l-istess, anzi għandi l-impressjoni li żdied. In-neputija kienet tiġi kultant wara l-iskola, imma n-neputi tista’ tgħid kuljum kien jiġi “għand in-nanna” biex imur għall-futbol – passjoni li nissel fih in-nannu. F’dak iż-żmien bdew jidhru wkoll xi ittri fuq il-gazzetti dwar dan il-punt u kien hemm xi skejjel li ppruvaw jagħmlu li jistgħu biex itaffu din il-problema. Kien hemm skejjel li offrew postijiet biex il-kotba jitħallew l-iskola bla ma joqgħodu jinġarru lejn id-dar ta’ kuljum. Imma l-kotba huma l-għodda tal-istudent u għalhekk ikollu bżonnhom kemm l-iskola kif ukoll id-dar. B’hekk nistgħu ngħidu li l-problema baqgħet dejjem ma’ saqajna.

E book reader
It-teknoloġija llum tant kibret li nistgħu ngħidu ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Il-komputer illum iservina għal kollox. Nisimgħu l-mużika bih, naqraw il-gazzetta bih, niktbu ittra bih, nagħmlu telefonata bih, naraw film fuqu. Sar l-għodda li l-aktar nużaw. Jekk għall-bidu il-kompjuter kien kbir, goff, jieħu ħafna spazu u jiswa somom kbar ta’ flus, illum b’xorti tajba il-folja nqalbet. Komputer jista’ joqgħod fuq il-pala ta’ id, kompjuter jista’ joqgħod f’ ħoġorna, komputer jista’ jinġarr bl-inqas sforz u komputer jista’ jinxtara bi prezz raġonevoli.

Jeżistu wkoll dawk li nsejħulhom e-book readers. L-e-book huwa wkoll komputer imma l-iskop tiegħu huwa l-qari kif juri sewwa ismu. Dan l-apparat fih bosta vantaġġi fuq il-ktieb stampat. Ma jużax karta allura jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, jiżen dejjem l-istess piż, sew jekk ikollu ktieb wieħed fih kif ukoll jekk ikollu mija, wieħed jista’ jkabbar il-kliem tal-ktieb kemm irid hu, wieħed jista’ jikteb noti personali fil-ktieb (insomma dil-ħaġa anke fi ktieb stampat tista’ ssir), wieħed jista’ jdawwal dak li jkun qiegħed jaqra u bosta vantaġġi oħra. Żgur li l-e-book reader jista’ jaqdina aħjar minn ktieb stampat meta niġu biex infittxu xi ħaġa partikolari fil-ktieb. Fi ktieb stampat triq toqgħod tqalleb u ddawwar il-paġni, f’ e-book tiktiblu l-kelma li trid u jsibha hu. Madanakollu l-e-book ma jista’ jieħu qatt il-prestiġju tal-ktieb stampat. Il-Bibbja ssibuha f’ forma ta’ e-book f’ kull ilsien, imma dan ma jfissirx li mhux ser tibqa’ tiġi stampata għax il-preġju tal-ktieb stampat ma jmut qatt. Jien niżżilt il-kapolavur ta’ Dante “La Divina Commedia” fuq l-e-book tiegħi, imma xorta ngħożż il-ktieb stampat li għandi tal-istess opra!

Proposta
Kieku l-iskejjel illum jaħsbu bis-serjetà biex il-kotba tal-iskola kollha jkollhom format elettroniku nkunu nistgħu ngħidu li solvejna għadd ta’ problemi. Kieku kull student ikollu e-book reader (spiża ta’ darba li tkun inqas mill-ispiża tal-kotba tas-snin kollha) u kull skola tinvesti fil-kotba elettroniċi, l-istudent iġorr biss l-e-book reader. Żgur li jista’ jinstab mod kif jiġi iffinanzjat proġett ambizzjuż bħal dan. Il-bidu jkun tqil, imma meta taħseb li ktieb biex jasal fuq l-iskrivanija tal-istudent irid jgħaddi minn bosta fażijiet, kitba, stampar, trasport, bejgħ eċċetra, l-ispejjeż għal qalba bħal din għandhom ikunu l-istess. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li qegħdin ngħixu fi żmien fejn it-tekonoloġija hija kollox. L-għodda tal-lum hija teknoloġika, ejjew nużawha, ejjew inkunu fl-avangwardja.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Lulju 2013



lunedì 24 giugno 2013

Iż-żmien itir!

Memori ta’ ħajja li ma terġax tiġi: Bejn Pjazza San Franġisk u z-zuntier tal-knisja



Kultant inkun indur fit-toroq tagħna u dlonk ninnota xi binja ġdida. Dlonk moħħi joħodni lura fis-snin, l-aktar lejn nofs is-snin sebgħin meta Ħal Qormi kien għal kollox differenti minn dak tal-lum. Nixtieq naqsam magħkom dawn il-ftit tifkiriet li kull meta nkun ir-raħal iġibuli bosta nostalġija.


Il-knisja

Meta kont immur il-knisja mal-bużnanna, konna nidħlu mill-bieb tal-faċċata tan-naħa tal-istatwa ta’ San Ġuzepp. Għandi idea żgħira tal-quddies ta’ dak iż-żmien. Minkejja li l-konċilju Vatikan II kien ilu madwar għaxar snin li spiċċa, ir-riformi tiegħu damu ma kienu attwati. Niftakar is-saċerdot iqaddes b’ dahru lejn in-nies, niftakar bosta xjuħ, fosthom il-bużnanna tiegħi, li waqt il-quddies kienet tgħid ir-rużarju. Niftakar li f’tal-erwieħ, it-2 ta’ Novembru ġieli rajt qassisin iqaddsu fuq l-altari tal-ġnub. Dak iż-żmien kienu għadhom ma sarux il-bankijiet li hemm illum imma l-knisja kellha s-siġġijiet u għalhekk kien ikun faċli li wieħed jaqbad siġġu u jdawru kif irid hu.

Qegħdin nitkellmu dwar snin li l-parroċċa tagħna kellha lil Dun Gerald Frendo bħala Arċipriet. Fi żmien  dan l-arċipriet kienet inżebgħet il-knisja u fil-friz ta’ taħt iċ-ċinta kienu saru dawk l-arem li għadna nistgħu ngawdu sal-lum. Darba minnhom ġimgħa qabel il-festa niftakar fil-quddiesa tal-Ħadd kien qalilna li kienu saru l-pilastri tad-damask ġdid. Niftakar qisu l-bieraħ li d-damask il-ġdid ma kienx b’saħtu bħall-antik u għalhekk ma għandniex inserrħu miegħu għax malajr jitqatta’. Kien inbidel id-damask tal-korsija u tal-kappelluni

Magħmudija u Funerali

Fi tfuliti niftakar li magħmudija kienet issir quddiem il-fonti tal-ilma mbierek, bil-bieb tal-knisja magħluq, issir magħmudija ta’ tarbija waħda u mingħajr quddiesa.
L-ammont kbir ta’ karozzi li jduru mat-toroq ħalla l-effett tiegħu anke fuq il-mod li jsiru l-funerali. Meta l-persuna kienet tmut id-dar, din kienet tinġarr lejn il-knisja fuq l-ispalel u wara l-quddiesa il-funeral kien ikompli bil-mixi mill-knisja saċ-ċimiterju tal-parroċċa. Niftakar li fil-funerali kienu jinġiebu s-sorijiet sabiex jitolbu għal ruħ il-mejjet jew mejta. Iċ-ċimiterju ta’ San Ġorġ minn dejjem niftakru kif inhu għajr li ma kienx hemm il-kappella. Niftakar ċar funeral ta’ tifla żgħira. Kont sejjer l-iskola, nżomm id ommi, u fi Triq il-Kbira niltaqgħu ma’ funeral ta’ tifla. It-tebut kien miftuħ u kien qiegħed jinġarr minn erbat ibniet fuq żewġ trieħi. Qatt ma rajt funeral ieħor bħal dan.




Minn San Franġisk sal-knisja

Dom Mintoff f' meeting tal-Partit Laburista fi Pjazza san Franġisk (c)
Il-mixja minn fejn San Franġisk sal-knisja kienet obbligatorja. Din kienet il-qalba tar-raħal u fiha kienet issir kulla ttività. Biex immur l-iskola, biex nirkbu tal-linja, biex immorru l-quddies, biex nixtru. La qed insemmu x-xiri ġew f moħħi l-ħwienet li spiss kont immur fihom biex naqdi lil ommi. L-aktar qrib tad-dar tagħna kien dak tal-merċa, ta’ Ninu ta’ Feliċ (Anthony Tabone). Staqsi u jaqdik.  Jekk kien ikollna bżonn xi bozza, jew xi ħaġa tal-elettriku konna ninqdew bil-ħanut ta’ Philips tal-familja Mizzi. Fil-qrib kien hemm ukoll l-unika spiżerija qrib tad-dar, Pasteur Pharmacy ta’ Karmenu Cardona magħruf bħala Karmenu l-ispiżjar. Qrib ta’ dawn iż-żewġ ħwienet kien hemm il-magħruf Fredu taż-żebgħa (Alfred Gatt). L-aħħar ħanut li niftakar li spiss kont inżur kien ta’ Rożina tal-ħelu (Abela). Ngħidulha tal-ħelu imma fil-verita’ kont issibilha kollox. Staqsi u ttik! Illum l-ebda wieħed minn dawn il-ħwienet ma għadu miftuħ.

Meeting tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Franġisk (c)
Dejjem bejn San Franġisk u l-Knisja niftakar li kont immur l-iskola tas-Sorijiet. Minflok id-dar tal-anzjani li hemm illum kien hemm skola tat-tfal zgħar. Dawn l-istess sorijiet kienu jgħallmuna d-duttrina fil-post li kien tal-Azzjoni Kattolika, qrib l-istess skola/kunvent. Matul triq il-Kbira u f’ bosta toroq oħra niftakar għadd ta’ speakers imwaħħlin taħt il-gallarijiet. Fix-xahar ta’ Ottubru kien jingħad ir-Rużarju u kien jixxandar minn dawn l-ispeakers. Speaker ieħor li niftakar huwa dak li kien hemm barra l-ħanut Pinto City Bar fi pjazza San Franġisk. Dan ma kienx ixandar ir-rużarju imma kien iwassal l-aħbarijiet tar-Redifusion.

Festi

Darba l-Arċipriet qalilna li kien ser jinħoloq kor tat-tfal għal mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Konna bdejna mmorru għall-provi tal-kant ġewwa l-każin tal-banda. Inkantaw Poplu Tiegħi, O vos Omnes u l-Innu lid-Duluri. Billi konna noqgħodu qrib ma kienitx problema biex immur il-każin.  Anke l-festa ta’ San Ġorġ kienet differenti. Marċijiet kienu jsiru t-Tnejn, il-Ħamis, il-Ġimgħa u l-Ħadd. Is-Sibt kien isir il-programm fi Pjazza San Franġisk. Terġa’ tgħid li qabel lanqas il-marċi tat-Tnejn u l-Ħamis ma kienu jsiru, imma jien dejjem niftakarhom isiru. Biż-żmien bdew jinġiebu baned barranin għall-jiem tat-Tlieta u l-Erbgħa. Nhar ta’ Erbgħa bdiet tgħaddi l-banda minn quddiemna. Ħaġa ġdida!

Għeluq

Kif itir iż-żmien, jgħaddi bħal ħolma u forsi lanqas nintebbħu kemm tibdil iġib miegħu. Jinbidlu l-binjiet, jinbidlu t-toroq, jinbidlu l-persuni u kollox jibqa’ maħżun fil-memorja. U aħna nikbru wkoll u dak li hemm fil-memorja tajjeb li jitniżżel fuq il-karta għax faċli jintilef. Semmejt postijiet u nies li kbirt magħhom. Semmejthom b’isimhom u semmejt il-laqam mhux b’ disprezz, imma għax il-laqam tagħhom jagħmilhom uniċi. Kemm memorji! Ġrajjiet li flimkien mat-tikmix li kull ma jmur jibda’ jidher fuq wiċċna, jfakkruna li qegħdin nikbru u jġagħluna nieqfu u nirriflettu!

Fr. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Qormi, 2013

venerdì 25 gennaio 2013

DAK L-IMBIEREK TABLET

(Dan huwa artiklu li kont lestejt biex jidher imma dak inhar li bgħattu il-partiti politiċi ħarġu jgħidu li se jqassmu t-tablets huma, allura ma ħassejtx li kelli nippubblikah imma se nżidu fil-blog)


Tekonoloġija moderna

Nużaw l-għodda skont iż-żmien


Niftakarni tifel żgħir sejjer lejn l-iskola id f’id ma’ ommi, iżommli l-basket bil-pitazzi u xi żewġ jew tliet kotba fih flimkien mal-ħobż. Oħti ikbar minni kienet timxi ma’ sħabha ftit passi quddiemna, iġġorr il-basket tal-iskola tagħha. Din il-ħaġa kienet isseħħ kuljum sakemm forsi kelli tmienja jew disa’ snin. Wara bdejt jien ukoll immur l-iskola waħdi u fit-triq niltaqa’ ma’ sħabi. Meta spiċċajt is-snin tal-iskola primarja u bdejt immur is-sekondarja l-istorja nbidlet. Issa ma bqajtx nattendi skola fir-raħal tiegħi stess imma ta’ kull filgħodu kont immur nistenna l-karozza li kienet twassalna sal-iskola. Mhux din il-ħaġa biss inbidlet, imma inbidel ukoll il-piż tal-basket. Issa bdejt nieħu mhux ftit pitazzi u xi ktieb jew tnejn imma kien ikolli basket mimli karti u kotba. Il-piż tal-basket kien ikun verament tqil.

Kbirt u ma bqajtx immur skola u nsejt dwar il-piż tal-basket tal-iskola, sakemm kibru n-neputijiet u erġajt bdejt nara l-basktijiet mimlijin kotba u pitazzi. Il-forma tal-basktijiet inbidlet imma l-piż baqa’ l-istess, anzi għandi l-impressjoni li żdied. In-neputija kienet tiġi kultant wara l-iskola, imma n-neputi tista’ tgħid kuljum kien jiġi “għand in-nanna” biex imur għall-futbol – passjoni li nissel fih in-nannu. F’dak iż-żmien bdew jidhru wkoll xi ittri fuq il-gazzetti dwar dan il-punt u kien hemm xi skejjel li ppruvaw jagħmlu li jistgħu biex itaffu din il-problema. Kien hemm skejjel li offrew postijiet biex il-kotba jitħallew l-iskola bla ma joqgħodu jinġarru lejn id-dar ta’ kuljum. Imma l-kotba huma l-għodda tal-istudent u għalhekk ikollu bżonnhom kemm l-iskola kif ukoll id-dar. B’hekk nistgħu ngħidu li l-problema baqgħet dejjem ma’ saqajna.

It-teknoloġija llum tant kibret li nistgħu ngħidu ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Il-komputer illum iservina għal kollox. Nisimgħu l-mużika bih, naqraw il-gazzetta bih, niktbu ittra bih, nagħmlu telefonata bih, naraw film bih. Sar l-għodda li l-aktar nużaw. Jekk għall-bidu il-kompjuter kien kbir, goff, jieħu ħafna spazu u jiswa somom kbar ta’ flus, illum b’xorti tajba il-folja nqalbet. Komputer jista’ joqgħod fuq il-pala ta’ id, kompjuter jista’ joqgħod f’ ħoġorna, komputer jista’ jinġarr bl-inqas sforz u komputer jista’ jinxtara bi prezz raġonevoli.
Jeżistu wkoll dawk li nsejħulhom e-book readers. L-e-book huwa wkoll komputer imma l-iskop tiegħu huwa l-qari kif juri sewwa ismu. Dan l-apparat fih bosta vantaġġi fuq il-ktieb stampat. Ma jużax karta allura jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, jiżen dejjem l-istess piż, sew jekk ikollu ktieb wieħed fih kif ukoll jekk ikollu mija, wieħed jista’ jkabbar il-kliem tal-ktieb kemm irid hu, wieħed jista’ jikteb noti personali fil-ktieb (insomma dil-ħaġa anke fi ktieb stampat tista’ ssir), wieħed jista’ jdawwal dak li jkun qiegħed jaqra u bosta vantaġġi oħra. Żgur li l-e-book reader jista’ jaqdina aħjar minn ktieb stampat meta niġu biex infittxu xi ħaġa partikolari fil-ktieb. Fi ktieb stampat triq toqgħod tqalleb u ddawwar il-paġni, f’ e-book tiktiblu l-kelma li trid u jsibha hu. Madanakollu l-e-book ma jista’ jieħu qatt il-prestiġju tal-ktieb stampat. Il-Bibbja ssibuha f’ forma ta’ e-book f’ kull ilsien, imma dan ma jfissirx li mhux ser tibqa’ tiġi stampata għax il-preġju tal-ktieb stampat ma jmut qatt. Jien niżżilt il-kapolavur ta’ Dante “La Divina Commedia” fuq l-e-book tiegħi, imma xorta ngħożż il-ktieb stampat li għandi tal-istess opra!

Kieku l-iskejjel illum jaħsbu bis-serjetà biex il-kotba tal-iskola kollha jkollhom format elettroniku nkunu nistgħu ngħidu li solvejna għadd ta’ problemi. Kieku kull student ikollu e-book reader (spiża ta’ darba li tkun inqas mill-ispiża tal-kotba tas-snin kollha) u kull skola tinvesti fil-kotba elettroniċi, l-istudent iġorr biss l-e-book reader. Żgur li jista’ jinstab mod kif jiġi iffinanzjat proġett ambizzjuż bħal dan. Il-bidu jkun tqil, imma meta taħseb li ktieb biex jasal fuq l-iskrivanija tal-istudent irid jgħaddi minn bosta fażijiet, kitba, stampar, trasport, bejgħ eċċetra, l-ispejjeż għal qalba bħal din għandhom ikunu l-istess. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li qegħdin ngħixu fi żmien fejn it-tekonoloġija hija kollox. L-għodda tal-lum hija teknoloġika, ejjew nużawha, ejjew inkunu fl-avangwardja.

Fr Reno Muscat OP

Suppost kellu jidher f' In-Nazzjon 31 ta' Jannar 2013