Uffiċċjalment is-sajf
jispiċċa fl-20 ta’ Settembru, iżda aħna ma tantx nintrabtu ma’ din id-data.
Għalina s-sajf inħossuh jispiċċa meta bejn wieħed u ieħor ikunu għaddew
il-festi parrokkjali, għadda żmien is-safar u t-tfal reġgħu bdew ir-rutina ta’
sena skolastika ġdida. Issa li wasalna f’dan il-punt nistgħu nagħtu ħarsa lura
lejn dan l-istaġun li għadu kemm ġie fi tmiemu.
Festi
Il-festi parrokkjali
tagħna huma sinonimi mas-sajf, għad li xi wħud isiru wkoll fix-xitwa, imma
billi dawn tal-aħħar huma fil-minoranza, nistgħu ngħidu li issa l-festi
għaddew, jew aħjar, il-festi tas-sajf spiċċaw. Tajjeb li nagħmlu ftit
evalwazzjoni dwarhom. Naf li il-Knisja ta’ Malta qed taħdem biex dawn il-festi
ma jispiċċawx okkażjoni li tmur kontra l-prinċipi li għalihom oriġinarjament
kienu nħolqu. Diġà tlifna ħafna minn dak li għalih bdew isiru l-festi, jekk
nibqgħu sejrin b’dan il-pass ma ndumux ma nispiċċaw b’festi vojta u bla
sinifikat ta’ xejn.
Dan is-sajf l-Isqof ta’
Għawdex faqa’ bużżieqa li kienet ilha tintefaħ u li donnu kulħadd beda jibża’
jifqagħha. Qal li fil-marċi tal-festa qed ikun hemm ammont kbir ta’ teħid ta’
droga. Ilna nafu bil-problema, ma skoprejniex l-Amerika, imma kellu jkun l-Isqof
li jitkellem pubblikament dwarha? Dan mhux xogħol il-pulizija? Hawnhekk ma rridx
nitfa’ t-tort fuq il-pulizija. Tajjeb inżommu f’ moħħna li taħt l-uniformi
tal-pulizija hemm bniedem uman bħali u bħalek. Aħna l-bnedmin jekk naraw li
xogħolna ma jkunx aprezzat għandna t-tendenza li nagħtuha b’telfa. Nemmen li bosta
membri tal-korp tal-pulizija jixtiequ jagħmlu xogħolhom sewwa, imma meta jaraw
li ta’ xogħolhom ftit li xejn huma apprezzati, allura jaqtgħu qalbhom u jħallu
kollox għaddej, għall-ewwel jibdew jagħlqu għajn waħda u maż-żmien jagħlquhom
it-tnejn. Kemm se jdumu jtellgħu l-qorti nies li nqabdu jiksru l-liġi u minħabba
ma nafx xiex joħorġu liberati? Fl-aħħar il-pulizija jaqta’ qalbu u jibda jħoss
ġewwa fih xi ħaġa li tgħidlu li aħjar jiġi jaqa’ u jqum.
Imma l-festi mhux problemi
biss. Il-festi għaddew u fihom stajna napprezzaw bosta opri artistiċi ġodda li saru
minn artisti magħrufin fix-xena lokali flimkien ma’ ħafna u ħafna xogħol ieħor
ta’ ħidma volontarja. Issa li għadda s-sajf dawn l-individwi jibdew, jew diġà
bdew, iħejju għall-festa tas-sena d-dieħla.
Safar
L-istaġun tas-safar
għadda wkoll u issa kull ma baqa’ huma biss it-tifkiriet ta’ dak li rajna, ta’
ħbiberiji ġodda li għamilna, ta’ postijiet ġodda li żorna, ta’ ikel li qatt ma
konna doqna qabel u li forsi qatt ma nerġgħu nduquh. Fadal ir-ritratti li ġbidna
bil-mowbajl jew bit-tablet.
Illum is-safar sar
komuni. Mhux bħal fi tfuliti, biex tmur jumejn sa Sqallija kont trid taħseb
xhur qabel. Illum tisma’ lil min tisma’ kulħadd jitkellem fuq xi vaganza barra
minn xtutna li jkun għamel. Tassew li meta nieħdu vaganza din tkun
għall-mistrieħ, imma mistrieħ ma jfissirx għass. Kemm hawn minna li jinteressaw
ruħhom u jfittxu ftit dwar il-postijiet ġodda li jkunu ser iżuru? Kont naħseb
li ftit imma kelli żball. Dan is-sajf indunajt kemm bosta Maltin ifittxu
tagħrif dwar il-postijiet li jkunu ser iżuru u għalhekk jagħmlu mistoqsijiet
serji lill-gwidi li jkunu qed imexxuhom. Illum permezz tal-internet malajr
issib dak li tun trid, anzi tara t-toroq tal-post qisek qiegħed miexi fihom.
X’differenza minn għoxrin jew tletin
sena ilu! Issa li għadda s-sajf miegħu telqu wkoll il-vaganzi imma baqa’
t-tagħrif li ksibna. Issa li għadda s-sajf nibdew naħsbu fejn ser immorru
s-sajf li ġej!
U l-iskola
Issa li għadda s-sajf
l-iskejjel reġgħu fetħu bwiebhom għall-istudenti. Meta tkun għadek żgħir
l-iskola ma jkunx il-post favorit tiegħek. Tal-inqas il-maġġoranza
tal-istudenti jippreferu l-vaganzi tas-sajf milli x-xhur tas-sena akkademika.
Inħoss li s-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn tkun aġġornata.
Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiżi barranin li għandhom sistema għal kollox
differenti minn tagħna u r-riżultat aħħari huwa aħjar minn dak tagħha. Illum
l-istudent Malti jaħdem għal biċċa karta, liema biċċa karta tiftaħlek il-bieb
għad-dinja u mingħajrha ma tasal imkien. Imma l-ħajja mhux magħmula
miċ-ċertifikati. Huma importanti, imma mhumiex kollox. Illum ġibna
lill-istudenti tagħna b’bagalja ċertifikati imma bla ebda esperjenza jew
prattika tal-ħajja. Jgħaddi l-eżami, tinkiseb il-marka u l-għada jintesa
kollox. Għadda s-sajf u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-istess sistema li f’Ġunju
kienu għalqu biha. Tgħid sa sajf ieħor isir xi ħaġa biex din is-sistema
tinbidel? Ma nafx, u ngħid id-dritt għandi d-dubji tiegħi.
Illum missejt tliet punti
li nistgħu nirriflettu fuqhom issa li l-istaġun tagħhom għadda bħall-festi u
s-safar jew ser jibdew bħall-iskejjel. Issa li għadda s-sajf ħarsitna trid tkun
’il quddiem, min jaf, forsi lejn sajf ieħor?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2017
Nessun commento:
Posta un commento