Tiskanta kif igerrbu
l-jiem. Dawn isiru ġimgħat u dawn jinġemgħu f’xhur! Għadna kif bdejna x-xhar
ta’ Settembru, xahar li hemm ħafna xi tgħid dwaru.
Ismu
L-isem ta’ dan ix-xahar
ġej mill-kelma Latina septem li
tfisser is-seba’. Illum għandna mnejn nitħawdu jekk insejħu lil Settembru
s-seba’ xahar għax fis-sewwa huwa id-disa’ wieħed tas-sena. Tajjeb niftakru li
meta ġie mogħti l-isem lil dan ix-xahar ma kienx jintuża l-kalendarju Gregorjan
li nużaw aħna imma dak Ruman li kellu l-bidu tiegħu f’ Marzu. Jekk ngħoddu
x-xhur minn Marzu naraw li tabilħaqq Settembru jiġi s-seba’ wieħed.
Il-kalendarju li nużaw
aħna illum u l-parti l-kbira tad-dinja jissejjaħ Gregorjan. Dan beda jintuża
f’Ottubru tas-sena 1582. Jissejjaħ Gregorjan għall-Papa Gregorju XIII li ordna
li jibda jintuża dan il-kalendarju li huwa aktar preċiż minn dak Ġuljan, li kien
jintuża qablu. Iżda ejjew naraw xi ħaġa dwar Settembru.
Tmiem is-sajf
Dan xahar huwa magħruf
ħafna għar-riħ isfel. Minkejja li s-sajf jispiċċa f’dan ix-xahar, xorta waħda
s-sħana tkun għadha fl-aqwa tagħha. Mhux darba u tnejn li dan ix-xahar tana xi
maltempata tajba. Billi jispiċċa s-sajf u tidħol il-Ħarifa, jkun hemm ċaqlieq
fl-arja. Kurrenti ta’ pressjoni baxxa ġieli jiltaqgħu ma dawk ta’ pressjoni
għolja u jiġi kkawżat il-maltemp.
Imma ejjew ma nkunux
daqshekk pessimisti ma’ Settembru. Dan huwa x-xahar li joffrilna s-sabiħ ukoll.
Huwa wkoll xahar importanti ħafna għalina l-Maltin. Fih niftakru f’żewġ ġranet
ta’ glorja. It-8 ta’ Settembru huwa jum ta’ rebħa doppja. L-ewwel ma
niffesteġġjaw f’dan il-jum hija r-rebħa li l-Kavallieri flimkien mal-Maltin
kellhom fuq l-armata Ottomana fl-1565. Ma kienx assedju taċ-ċajt. Malta ma
kinitx kif inhi llum, kienet imperrċa, miftuħa għall-għadu, iżda l-qlubija u
d-determinazzjoni tal-Maltin u l-mexxejja tagħhom tat rebħa li għadna
niċċelebrawha bil-kbir sal-lum. Dan l-istess jum ifakkar ukoll tmiem it-tieni
gwerra dinjia, ir-rebħa tal-Alleati fuq il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu. Għal darba
oħra l-Maltin flimkien mal-mexxejja tal-gżira, issa mhux aktar il-kavallieri
ta’ San Ġwann imma l-qawwiet Brittaniċi, ħarġu rebbieħa. Jum ieħor ta’ ġieħ u
ta’ importanza kbira f’Settembru huwa Jum l-Indipendenza ta’ Malta. Dan kien
pass storiku fejn pajjiżna sar stat. Dejjem
kien jiddependi minn xi ħakkiema barranin, fil-21 ta’ Settembru tas-sena
1964 Malta sabet postha fuq il-mappa tad-dinja bħala stat. Il-Maltin ma baqgħux
aktar sudditi imma saru ċittadini. Dan kien l-ewwel pass fl-istorja sovrana ta’
Malta, pass li warajh saru oħrajn biex illum aħna dak li aħna.
Lura lejn l-iskola
Dan ix-xahar iġib ukoll
il-bidu tal-iskejjel. Eluf ta’ studenti jerġgħu lura lejn il-bankijiet
tal-iskola biex ikomplu t-tagħlim akkademiku tagħhom. Dan il-jum ikun ukoll
l-ewwel jum tal-iskola għal mijiet ta’ tfal żgħar. L-ewwel jum tal-iskola
għandu mnejn ikollu miegħu sentimenti mħalltin. Għal dak li wasal biex itemm
l-istudji tiegħu jidħol bl-entużjażżmu tal-aħħar biex wara din is-sena
akkademika jibda aventura ġdida, dak li fadallu x’ jistudja jara dan il-jum
bħala okkażjoni biex jiltaqa’ mal-ħbieb li jkun ilu ma jara xhur. Għal dak li
dan il-jum ikun l-ewwel wieħed bogħod mid-dar għandu mnejn ikun diffiċli. Dawn
is-sensazzjonijeit kollha jseħħu f’Settembru u sa tmiemu aktarx li jkunu
għaddew u ntesew.
Żmien l-għasir tal-għeneb
Issa huwa wkoll iż-żmien
li jinqata’ għeneb u jintgħasar l-inbid. Kemm hu proċess sabiħ dak tal-għasir
tal-għeneb. Ix-xogħol jibda fl-għelieqi, jinġabar l-għeneb u jittieħed fejn ser
ikun proċessat. Dan jgħaddi minn magna li taqsam għenba bla ma tkisser
iż-żerriegħa tiegħu. Kieku kellha titkisser iż-żerriegħa l-inbid jiġi morr u ma
nkunux nistgħu nduqu t-tjubija u nitpaxxew bil-palat li jagħtina dan ix-xrob.
Wara li jitħalla f’tankijiet apposta biex ssir il-fermentazzjoni jsir għasir
propju, jinġabar il-meraq li issa jkun iffermenta. Jitpoġġa kollox
fid-damiġġani u mill-qoxra li jkun fadal jerġa’ jibda proċess ieħor biex isir
inbid ieħor, mhux pur imma sekond. Hawn jintuża l-istrinġitur biex il-qoxra
tingħasar sewwa u ma jinħela xejn. Dan ix-xogħol isir f’Settembru imma l-inbid
ikun fadallu biex jinxtorob. Il-proċess tiegħu jkun fadallu xhur. Fissirt fuq
fuq il-proċess tal-inbid. Taħsibx li hija ħaġa ħafifa. Le aktar ħafif tixorbu
milli tagħmlu, iżda l-proċess tiegħu huwa sabiħ u jagħti sodisfazzjon.
Dan huwa ftit minn dak li
jseħħ fix-xahar ta’ Settembru. Jien wieħed minn dawk li ngorr u neqred
bis-sħana u bir-riħ isfel, imma bil-garr ma nsolvi xejn. Illum pruvajt nara xi
ftit is-sabiħ ta’ dan ix-xahar li fuq kollox bħal kull xhar ieħor tas-sena
għandu s-sabiħ tiegħu wkoll.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 2 ta' Settembru
Nessun commento:
Posta un commento