Visualizzazione post con etichetta quddiesa. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta quddiesa. Mostra tutti i post

sabato 29 settembre 2018

Il-quddiesa ta’ filgħaxija


Sal-Konċilju Vatikan it-tieni fil-knejjes Kattoliċi kien isir quddies filgħodu biss. Billi s-sawma Ewkaristika sa dak iż-żmien kienet differenti minn dik tal-lum. Għalhekk il-quddies kien isir kollu filgħodu anzi bosta drabi filgħodu kmieni ħafna. Kien isir quddies fl-erbgħa ta’ filgħodu u jingħad li kien ikun hemm knisja mimlija għax il-jum kien jibda kmieni għall-poplu.




Filgħaxijiet minkejja li ma kienx isir quddies il-knejjes xorta kienu jiftħu. Kien jingħad ir-rużarju, issir il-Via Sagra, nhar ta’ Ħamis kienet issir l-Ora Santa, adorazzjoni Ewkaristika, f’xi knejjes kien jingħad jew jitkanta l-għasar u fl-aħħar tintalab il-kompieta, it-talba ta’ għeluq il-jum.
Il-Konċilju li beda Papa Ġwanni XXIII u temm Papa Pawlu VI ġab tibdil kbir fil-Knisja Kattolika. Forsi l-aktar ħaġa li l-poplu beda jkun konxju tagħha kienet li issa l-quddiesa bdiet issir bl-ilsien tal-post u mhux aktar bil-Latin. Bdew jidhru wkoll l-artali forma ta’ mejda biex is-saċerdot ikun jista’ jqaddes fuqhom iħares lejn il-miġemgħa.

Ippermettuli nagħmel parentesi żgħira dwar il-quddiesa bil-Latin. Il-Konċilju ta’ Trento, li nistgħu ngħidu kien il-konċilju ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, għax il-Konċilju Vatikan l-ewwel beda imma ma ntemm qatt minħabba nkwiet politiku lil hinn mill-Knisja. Il-Konċilju ta’ Trento li seħħ bejn l-1545 u l-1563, jiġifieri sentejn qabel l-Assedju l-Kbir, kien iddiskuta l-ħsieb li l-quddiesa tibda ssir bil vernakular, bil-lingwa tal-post, iżda billi l-Luterani li kienu għadhom kif inqatgħu minn mal-Knisja ta’ Ruma, kienu bdew jagħmlu l-quddiesa tagħhom bl-ilsien tal-post, il-membri tal-Konċilju kienu prudenti biex ma jħawdux lill-poplu għax kieku kellha tibda ssir il-quddiesa tar-Rit Latin bil-lingwa tal-post żgur li kien ikun hemm ħafna taħwid. Kellhom jgħaddu fuq erba’ mitt sena biex seħħet dik il-bidla.

Intant bit-tnaqqis tas-sawma Ewkaristika min-nofsillejl għal siegħa qabel dak li jkun jitqarben, beda jsir quddies anke waranofsinhar jew filgħaxija. Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa li ma jkolliex tal-inqas quddiesa waħda filgħaxija. Mhux fil-knejjes kollha jsir quddies filgħaxija imma fil-knejjes parrokkjali kollha jsir fihom quddiesa, sa minn waranofsinhar, xil-erbgħa u nofs sa filgħaxija, is-sebgħa jew is-sebgħa u nofs.

Ejjew nirraġunaw ftit u nżommu saqajna mal-art. Illum l-attendenza ta’ dawk li jmorru l-knisja niżel ħafna, imma xorta waħda ma nistgħux ngħidu li l-knejjes huma kollha vojta. Anke jekk l-attendenza tkun fqira, l-ebda qassis ma naf li ħareġ iqaddes u ma kien hemm ħadd fil-korsija. Ġieli ninnutaw li fil-quddiesa, l-aktar dik ta’ filgħaxija, ikun hemm persuni, aktarx anzjani, li jkunu semgħu quddiesa oħra filgħodu. Faċli naqgħu fit-tentazzjoni u ngħidu li mela la dawk ikunu diġà semgħu quddiesa filgħodu nistgħu nneħħu l-quddiesa ta’ waranofsinhar għax hija ħela ta’ riżorsi. Imma stennew ftit qabel nieħdu din id-deċiżjoni!

Kemm minn dawk li jisimgħu t-tieni quddiesa kuljum, huma romol li jgħixu waħdehom id-dar? Kemm hemm minnhom li għalihom dik in-nofs siegħa li jqattgħu l-knisja filgħaxija sservihom ta’ ħarġa fejn anke jiltaqgħu ma’ nies oħra. Kemm ikun hemm minnhom dawk li jisimgħu l-quddiesa ta’ filgħaxija u kif tispiċċa jmorru lura d-dar u ma jidhrux aktar barra qabel l-għada filgħodu. Immaġinaw kieku ma hemmx din il-quddiesa, kienu l-ħin li jirtiraw dawn it-talin ikun kmieni filgħodu.

Il-quddiesa ta’ filgħaxija ma hijiex biss liturġija, tista’ tkun ukoll għajnuna bla ma nafu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 30 ta' Settembru 2018


sabato 9 giugno 2018

Quddiesa għat-tfal


Huma bosta dawk il-ġenituri li tal-anqas nhar ta’ Ħadd ikunu jixtiequ jmorru jisimgħu quddiesa iżda minħabba li għandhom it-tfal żgħar jibżgħu li wliedhom jistgħu jtellfu jew idejqu lill-oħrajn. It-tfal dejjem tfal u qatt ma tista’ timmaġina x’jistgħu jivvintaw. Problema oħra hija li t-tfal ħafna drabi jiddejqu f’post li għalihom xejn ma huwa familjari bħalma hija l-knisja. Imma hemm soluzzjonijiet għal dawn il-probelmi wkoll.

Quddiesa speċjali
F’xi parroċċi anke f’Malta qed isiru quddies immirat għat-tfal. Kien hemm fejn saċerdot jilbes ta’ buffu, hemm fejn l-omelija ssir permezz ta’ pupazzi, hemm fejn is-saċerdot jinżel għal-livel tat-tfal biex dawn iħossu aktar li marru f’post biex jiltaqgħu ma’ ħbiebhom milli marru f’post fejn il-kbar jifhmu dak li jkun qed isir u huma ma jifhmu xejn.

Kull bidu huwa iebes imma ladarba r-rota tkun qabdet it-tidwir din tibqa’ ddur sewwa. Hekk jiġri fil-każi ta’ dawn il-quddies. Fil-bidu jkun hemm min hu xettiku, min ma jaqbilx mal-idea, min forsi jmaqdar jew agħar minn hekk jipprova jħassar, biss maż-żmien din il-ħaġa tant tindara li tidħol fil-kalendaru ta’ dak li jkun. Naf nies li llum uliedhom kibru iżda huma baqgħu jattendu l-quddiesa tat-tfal. Naf adolexxenti li baqgħu jattendu dik il-quddiesa li l-ġenituri tagħhom kienu joħduhom għaliha nhar ta’ Ħadd. Tispiċċa tgħid li l-quddiesa bil-buffu, bil-pupazzi jew bil-kant għat-tfal togħġob lil ħafna nies u dawn jibdew isibuha diffiċli ma jattendux aktar għaliha.

Il-crying room
Xi knejjes issib fihom kamra apposta fejn il-ġenituri bi tfal żgħar ikunu jistgħu joqgħodu fiha biex jekk uliedhom jibku jew jagħmlu l-istorbju ma jtellfux lill-kumplament tal-assemblea fil-knisja. Dawn il-kmamar aktarx insibuhom fi knejjes moderni. Ngħiduha lif inhi, fi knejjes antiki, barokki li nsibu f’pajjiżna ftit li xejn hemm post fejn tagħmel kamra bħal din. Min għandu probelma bħal din jista’ jintroduċi s-sistema ta’ child minding, fejn ikun hemm grupp ta’ volontieri li jieħdu ħsieb it-tfal waqt li ommhom u missierhom ikunu qed jisimgħu l-quddiesa. Iżda hawn għandek mnejn issib ulied li ma joqgħodux ma’ dawk li ma jafuhomx u jista’ jkun li waqt li l-ġenituri jkunu fil-knisja dawn l-ulied ma jieqfux jibku.

Madwar sentejn ilu wieħed kappillan ġewwa l-Veneto l-Italja fetaħ kamra fid-dar tiegħu li tiġi sewwasew wara l-knisja parrokkjali, biex isservi għall-ġenituri bi tfal żgħar. F’ din il-kamra hemm monitor kbir li jitrażmetti dak li jkun qed isir fil-knisja. Hemm ukoll qfief b’għadd ta’ ġugarelli kif ukoll kotba għat-tfal. Kull ġimgħa jitpoġġew folji b’disinji li jkollhom x’jaqsmu mal-liturġija ta’ dak il-Ħadd u t-tfal ikunu jistgħu jpinġuhom waqt il-quddiesa. Il-kappillan ta’ din il-paroċċa qal li fis-sentejn li ilha li bdiet din il-ħaġa in-numru ta’ ġenituri fil-knisja jew aħjar fil-kamra ta’ wara l-knisja qed ikun sabiħ ħafna. Huwa qal li waqt li huma jkunu qrib ta’ uliedhom, dawn isibu tfal daqshom ma’ min jilgħabu u la jtellfu lill-ġenituri u lanqas lill-assemblea fil-knisja.

L-aħħar ħaġa
Imbagħad irridu ngħidu wkoll li jekk quddiesa trid tkun immirata għat-tfal is-saċerdot għandu jadatta ruħu għalihom. Inutli toqgħod issemmi d-dommi ta’ fidi u katekiżmu għax għat-tfal dan huwa lingwaġġ li ma jifhmux. Darba waħda kelli x-xorti nqaddes quddiesa għat-tfal ġewwa Ħaż-Żebbuġ. L-omelija bdejtha billi rrakkontajtilhom l-istorja li konna naqraw fil-primarja bl-isem “Ir-rebħa ta’ Pupul”. Minn hemm komplejt inwassal dak li ridt inwassal. Naf li ħafna ġenituri rajthom b’għajnheom jiddu bil-ferħ u n-nostalġija jiena u ngħid l-istorja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fÍl-Mument 10 ta' Ġunju 2018