sabato 9 giugno 2018

Quddiesa għat-tfal


Huma bosta dawk il-ġenituri li tal-anqas nhar ta’ Ħadd ikunu jixtiequ jmorru jisimgħu quddiesa iżda minħabba li għandhom it-tfal żgħar jibżgħu li wliedhom jistgħu jtellfu jew idejqu lill-oħrajn. It-tfal dejjem tfal u qatt ma tista’ timmaġina x’jistgħu jivvintaw. Problema oħra hija li t-tfal ħafna drabi jiddejqu f’post li għalihom xejn ma huwa familjari bħalma hija l-knisja. Imma hemm soluzzjonijiet għal dawn il-probelmi wkoll.

Quddiesa speċjali
F’xi parroċċi anke f’Malta qed isiru quddies immirat għat-tfal. Kien hemm fejn saċerdot jilbes ta’ buffu, hemm fejn l-omelija ssir permezz ta’ pupazzi, hemm fejn is-saċerdot jinżel għal-livel tat-tfal biex dawn iħossu aktar li marru f’post biex jiltaqgħu ma’ ħbiebhom milli marru f’post fejn il-kbar jifhmu dak li jkun qed isir u huma ma jifhmu xejn.

Kull bidu huwa iebes imma ladarba r-rota tkun qabdet it-tidwir din tibqa’ ddur sewwa. Hekk jiġri fil-każi ta’ dawn il-quddies. Fil-bidu jkun hemm min hu xettiku, min ma jaqbilx mal-idea, min forsi jmaqdar jew agħar minn hekk jipprova jħassar, biss maż-żmien din il-ħaġa tant tindara li tidħol fil-kalendaru ta’ dak li jkun. Naf nies li llum uliedhom kibru iżda huma baqgħu jattendu l-quddiesa tat-tfal. Naf adolexxenti li baqgħu jattendu dik il-quddiesa li l-ġenituri tagħhom kienu joħduhom għaliha nhar ta’ Ħadd. Tispiċċa tgħid li l-quddiesa bil-buffu, bil-pupazzi jew bil-kant għat-tfal togħġob lil ħafna nies u dawn jibdew isibuha diffiċli ma jattendux aktar għaliha.

Il-crying room
Xi knejjes issib fihom kamra apposta fejn il-ġenituri bi tfal żgħar ikunu jistgħu joqgħodu fiha biex jekk uliedhom jibku jew jagħmlu l-istorbju ma jtellfux lill-kumplament tal-assemblea fil-knisja. Dawn il-kmamar aktarx insibuhom fi knejjes moderni. Ngħiduha lif inhi, fi knejjes antiki, barokki li nsibu f’pajjiżna ftit li xejn hemm post fejn tagħmel kamra bħal din. Min għandu probelma bħal din jista’ jintroduċi s-sistema ta’ child minding, fejn ikun hemm grupp ta’ volontieri li jieħdu ħsieb it-tfal waqt li ommhom u missierhom ikunu qed jisimgħu l-quddiesa. Iżda hawn għandek mnejn issib ulied li ma joqgħodux ma’ dawk li ma jafuhomx u jista’ jkun li waqt li l-ġenituri jkunu fil-knisja dawn l-ulied ma jieqfux jibku.

Madwar sentejn ilu wieħed kappillan ġewwa l-Veneto l-Italja fetaħ kamra fid-dar tiegħu li tiġi sewwasew wara l-knisja parrokkjali, biex isservi għall-ġenituri bi tfal żgħar. F’ din il-kamra hemm monitor kbir li jitrażmetti dak li jkun qed isir fil-knisja. Hemm ukoll qfief b’għadd ta’ ġugarelli kif ukoll kotba għat-tfal. Kull ġimgħa jitpoġġew folji b’disinji li jkollhom x’jaqsmu mal-liturġija ta’ dak il-Ħadd u t-tfal ikunu jistgħu jpinġuhom waqt il-quddiesa. Il-kappillan ta’ din il-paroċċa qal li fis-sentejn li ilha li bdiet din il-ħaġa in-numru ta’ ġenituri fil-knisja jew aħjar fil-kamra ta’ wara l-knisja qed ikun sabiħ ħafna. Huwa qal li waqt li huma jkunu qrib ta’ uliedhom, dawn isibu tfal daqshom ma’ min jilgħabu u la jtellfu lill-ġenituri u lanqas lill-assemblea fil-knisja.

L-aħħar ħaġa
Imbagħad irridu ngħidu wkoll li jekk quddiesa trid tkun immirata għat-tfal is-saċerdot għandu jadatta ruħu għalihom. Inutli toqgħod issemmi d-dommi ta’ fidi u katekiżmu għax għat-tfal dan huwa lingwaġġ li ma jifhmux. Darba waħda kelli x-xorti nqaddes quddiesa għat-tfal ġewwa Ħaż-Żebbuġ. L-omelija bdejtha billi rrakkontajtilhom l-istorja li konna naqraw fil-primarja bl-isem “Ir-rebħa ta’ Pupul”. Minn hemm komplejt inwassal dak li ridt inwassal. Naf li ħafna ġenituri rajthom b’għajnheom jiddu bil-ferħ u n-nostalġija jiena u ngħid l-istorja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fÍl-Mument 10 ta' Ġunju 2018



Nessun commento:

Posta un commento