Il-qoxra tal ktieb ta' Ballou |
Is-sena 1893 hija s-sena
li fiha twaqqfat il-Banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi. Forsi nimmaġinaw li
125 sena ilu l-ħajja f’Malta kienet bħalma hija llum, iżda niżbaljaw jekk
naħsbu hekk. Biex nifhmu xi ftit il-qagħda ta’ pajjiżna f’dawk iż-żminijiet
nistgħu nduru fuq kitba li saret propju fl-istess sena li twaqqfet il-banda
tagħna.
Il-ktieb li qed insemmi
huwa The Story of Malta tal-kittieb
Amerikan Maturin Murray Ballou. Dan il-kittieb twieled fl-1820 u ppubblika
għadd kbir ta’ kotba kemm dwar il-vjaġġi li għamel matul ħajtu kif ukoll
stejjer u drammi. Huwa miet sentejn wara li ħareġ il-ktieb dwar Malta. Fil-fatt
dan kien it-tielet l-aħħar ktieb tiegħu; mimli b’riflessjonijiet dwar il-pajjiż
kif ukoll gwida tal-post.
Ballou jgħidilna li biex
wieħed jasal Malta kellu jew jaqbad il-vapur minn Marsilja, li kien jitlaq minn
dak il-port kull ħmistax jew inkella kien jista’ jasal sa Napli u jimbarka minn
hemm. Kien hemm possibiltajiet oħra biex wieħed jasal f’pajjiżna imma dawn
kienu l-aktar komdi. Hu jgħidilna li dawk li jinżlu Malta aktarx li jagħmlu dan
għal ftit ħin biex imbagħad ikomplu l-vjaġġ tagħhom lejn id-destinazzjoni tagħhom,
iżda min ried jibqa’ Malta huwa jgħid li hemm x’tara. Isemmi Ħaġar Qim u
l-Imnajdra, il-Buskett u San Anton. Għal min ried jikri kamra f’Malta huwa
jsemmi Hotel Angleterre li kienet
tinstab ġewwa Strada Stretta fil-Belt Valletta.
L-awtur M. M. Ballou |
Il-vapur kien jorbot
ix-xatt tal-Belt u l-kittieb jgħid li fix-xatt wieħed kien jiltaqa’ ma’ bosta
tallaba. L-irġiel ħafjin lebsin qmis u sidrija, b’qalziet ’l fuq mill-għaksa
miżmum b’ terħa madwar qaddhom. In-nisa, ħafjin ukoll, aktarx liebsa lbis
iswed, mgħottijin b’għonnella li lanqas tħallik tagħraf waħda minn oħra. Dan
kien il-poplu tal-klassi baxxa, klassi li kienet titkellem bil-Malti, ilsien li
skont Ballou huwa għaqda ta’ Għarbi u Taljan. Iżda fejn jidħlu l-Maltin ta’
klassi għolja, in-nobli u n-negozjanti, f’dan il-ktieb insibu li dawk kienu
differenti. Ilbieshom kien aktar ixaqleb lejn dak Ewropew u n-nisa meta kienu
jmorru t-teatru kienu jkunu lebsin bosta deheb u ħaġar prezzjuż. Dawk ta’
klassi għolja kienu jitkellmu bit-Taljan fil-parti l-kbira tagħhom u
n-negozjanti kienu jitkellmu bl-Ingliż u xi wħud anke bil-Franċiż.
Il-kittieb Amerikan
isemmu wkoll lill-kleru. Huwa jgħid li f’Malta kien hawn madwar elfejn saċerdot.
Is-saċerdoti jilbsu s-suttana sewda bil-kappell iswed kbir fuq rashom. Huwa
jinnota li l-maġġoranza tal-kleru kienu mżaqqin mhux ħażin u jagħmel kuntrast
bejnhom u bejn it-tallaba tal-port. L-awtur jinħass ftit jew wisq
antiklerikali, forsi xi ħaġa ġdida għal Malta tal-1893, biss dan il-ktieb żgur
ma kienx għall-poplu komuni Malti u għalhekk seta’ jikteb li jrid.
Strada Rjali għall-ħabta tal-1893 |
Jagħtina stampa ċara tal-Belt
Valletta u ta’ Strada Rjali. Huwa jibqa’ mpressjonat bl-ambjent tal-Belt, fejn
jgħid li l-bosta koppli u kampnari, minkejja li ma humiex minaretti, jagħtu
lill-Belt Valletta il-bixra orjentali. Ballou kien midħla tal-ambjent
orjtantali għax kien jivvjaġġa ħafna. Dwar Strada Rjali huwa jagħtina stampa
sabiħa ta’ din it-triq prinċipali
tal-belt kapitali tagħna. Huwa jsemmi l-bosta uniformijiet militari jew
navali li wieħed jiltaqa’ magħhom f’din it-triq. Hawnhekk l-awtur jgħid li
jiltaqgħu l-bosta kulturi, kemm tal-Afrika ta’ Fuq kif ukoll dik Ewropea. Hawnhekk
il-kuluri fl ilbies jagħtu l-ħajja u jagħmlu lil din it-triq ħajja aktar minn kull
parti oħra tal-gżira. Hawnhekk wieħed jara l-Ingliżi jippassiġġaw bl-ilbies
għani tagħhom, is-sinjur bil-kappell fuq rasu u bil-bastun taħt għabtu u s-sinjura
bil-libsa kollha frilli u bizzilla sal-għekiesi, bl-umbrella ċkejkna biex
tilqa’ mir-raġġi qalila tax-xemx, xi Grieg għaddej liebes l-ilbies tiegħu, u
fuq kollox il- Malti, ħafi b’wiċċu maħruq bix-xemx, xhieda tal-ħidma bieżla
tiegħu. Hawnhekk huwa l-post fejn jiltaqa’ kulħadd, l-għani u l-fqir, il-Malti
u l-barrani, dak li liebes iż-żarbun u l-ħafi. Hawnhekk wieħed jista’ jara l-ħajja
tassew ta’ Malta.
F’dan l-ambjent twieled
il-Każin Banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi – żmien differenti għal kollox minn dak
tal-lum.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Għaqda tal-Mużika San Ġorġ Martri Ħal Qormi, Festa 2018
Nessun commento:
Posta un commento