It-talb lil San Ġorġ
bħala protettur tas-suldati dejjem jiżdied matul il-gwerer. Eżempju ċar ta’ dan
nistgħu narawh fil-medju evu l-aktar matul il-kruċjati, speċjalment fit-tielet
waħda li seħħet bejn l-1187 u l-1197.
Federiku Barbarossa |
Fl-1190, sewwasew f’Mejju,
meta din il-kruċjata kienet fl-eqqel tagħha, saret il-Battalja ta’ Ikonjum,
il-post li llum jissejjaħ Konya ġewwa t-Turkija. L-armata Nisranija, immexxija
minn Frederiku Barbarossa, kienet riesqa lejn il-post tat-taqtiegħa, is-suldati
ngħaqdu fi gruppi biex jitolbu. Is-saċerdoti li kienu jassitu lis-suldati waqt
il-kruċjata, qaddsu quddies votiv lil San Ġorġ biex jitlob l-għajnuna ta’ Alla
għal dawn is-suldati li kienu sejrin jissieltu għall-fidi Nisranija u
għall-kisba lura tal-Art Imqaddsa, l-art fejn rat it-tnissil, it-twelid,
il-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Għandna xhieda ta’ dan permezz ta’ ittra li Federiku
I kien kiteb lill-ibnu f’Novembru 1189. Huwa qal li għad li kellu armata
qawwija, xorta kien hemm il-ħtieġa tal-għajnuna Divina, għaliex “Sultan ikun
salvat bil-grazzja tas-Sultan Etern li tiżboq kull ħila ta’ kwalunkwe bniedem.”
Xi jiem qabel Għid
il-Ħamsin, suldat bl-isem ta’ Ludoviku ta’ Helfestein qal li kellu dehra ta’
gwerrier riekeb żiemel abjad, li huwa qal li kien San Ġorġ, li kien qiegħed
jiġġieled mat-Torok. Ħadd ma ddubita minn din id-dehra u s-suldat kien emmnut
minn kulħadd. Nhar it-13 ta’ Mejju, is-suldati kollha marru jqerru għaliex
kienu jafu li jum il-battalja kien qorob u għalhekk riedu jkunu lesti
spiritwalment ukoll. L-għada bdiet il-battalja. Flimkien mas-suldati kien hemm
is-saċerdoti li bdew jassitu lill-Insara midrubin mill-Misilmin. It-talb lejn
San Ġorġ żdied bil-bosta waqt it-taqbid għaliex kulħadd beda jġib quddiem
għajnejh id-dehra li kellu seħibhom Lodoviku. Ir-rebħa tas-salib fuq is-suldati
Torok f’ din il-battalja seħħet nhar is-18 ta’ Mejju u Ikonjum għadda f’ idejn l-Insara.
Rikkardu 1 |
San Ġorġ intalab
l-interċessjoni tiegħu anke fil-battalja ta’ Montaperti li seħħet fl-2 ta’
Settembru tas-sena 1260 ġewwa t-Toscana bejn il-bliet ta’ Siena u Firenze. Is-suldati
ta’ Siena talbu lil San Ġorġ u l-għajta ta’ “San Giorgio, San Giorgio!” kienet fuq fommhom tul il-battalja
kollha. Fatt interessanti f’din il-battalja huwa ta’ dak il-kavallier li kien
fuq in-naħa ta’ Firenze imma fil-battalja dar u mar man-naħa ta’ Siena. Bocca
degli Abati, kif kien jismu dan il-kavallier, jissemma anke minn Dante
Aleghieri fid-Divina Commedia. F’din l-opra ta’ Dante lill-kavallier insibuh
fid-disa’ ċirku tal-infern. Ir-rebħa tas-suldati ta’ Siena kienet attribwita
lill-qaddis Ġorġ u għalhekk bħala turija ta’ radd ta’ ħajr u gratitudni dawn
is-suldati ġabru biex tinbena l-knisja
li għadna nsibu llum iddedikata lil San Ġorġ fi Siena. Lil San Ġorġ bdiet
issirlu festa biex tibqa’ nfakkra din ir-rebħa.
Ladarba qegħdin insemmi
r-rabta ta’ San Ġorġ mal-battalji, ma nistgħux inħallu barra l-istorja ta’ Rikkardu
l-ewwel, Sultan tal-Ingilterra, magħruf bħala Lion heart. Dan is-sultan waqt il-kruċjata li semmejna aktar qabel,
kellu dehra minn San Ġorġ fejn il-qaddis kien wegħdu r-rebħa, kif fil-fatt
seħħ. Kien għalhekk li snin wara San Ġorġ kien proklamat bħala l-qaddis patrun
tal-Ingilterra lejn nofs is-seklu XIII u protettur tal-familja Rjali mis-Sultan
Dwardu III fis-seklu XIV.
Dawn huma biss tliet
battalji li r-rebħ tagħhom huwa attribwit lil San Ġorġ, Hemm bosta u bosta
oħrajn, fosthom anke l-attakk tal-Mori fuq Malta fl- 1429. Dan juri biċ-ċar għalfejn il-qima lejn San
Ġorġ hija daqstant qawwija u mifruxa
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento