venerdì 15 giugno 2018

Djalett


Kultant kelma turi minn fejn inti. Biżżejjed toħroġlok kelma bl-imgħawweġ biex kulħadd jinduna minn liema raħal int. Jekk tiegħu jew miegħu minflok “Ti-aw” jew “Mi-aw” tgħid “Ti-u” jew “Mi-u” kulħadd jinduna li inti min-naħa tal-Kottonera. Jekk minflok l-ittra Q tlissen il-K aktarx jaħsbuk Għawdxi, anzi mir-Rabat u min-naħa ta’ Għajn Qatet. Dawn nistgħu nsejħulhom id-djaletti tagħna l-Maltin li minkejja ċ-ċokon ta’ artna u minkejja l-viċinanzi tal-irħula u l-ibliet tagħna, xi kliem ivarja minn psot għal ieħor u faċli ninkixfu minn fejn aħna.

Diversitajiet
Jiena trabbejt ġewwa Ħal Qormi, raħal magħruf għall-mod kif uliedu jitkellmu l-Malti, raħal fejn hemm tendenza li kultant l-A jew l-O isiru U: “It-tful ta’ Ħal Qurmi jmurru l-iskula bl-unifurmi!” Iżda billi ommi kienet minn Tas-Sliema, jiena tgħallimt nitkellem, kif kienu jgħiduli, “bit-taf” jew “bil-pulit” u mhux “bit-tuf” bħal bosta minn sħabi tal-iskola primarja. Irħula oħra g+andhom djaletti oħra. Għadni niftakar mara mis-Siġġiewi titkellem ma’ ommi. Ma stajtx nifhem kif din il-mara xtrat “il-kitba” lit-tifel tagħha. Mela l-kitba tinxtara? Domt ma ntbaħt li kienet xtrat il-kotba tal-iskola lil binha. Ċajta ħelwa kienet tingħad dwar wieħed Għawdxi li jiftakar żgħożitu b’ċerta nostalġija u kien jgħid: “Kabel kont titpaxxa tara l-Ingliżi jiġġerrew mat-torok!” tiskanta kemm djaletti differenti f’roqgħa art tant ċkejkna.

Kważi kważi l-mod kif titkellem kien jagħti identità lil dak li jkun. Illum id-djalett jew il-kliem “bl-imgħawweġ” naqas ħafna, forsi minħabba li t-tfal sa minn ċkunithom aktar qed jitħalltu ma’ xulxin fl-iskejjel u għalhekk aktar qed isir mitkellem il-Malti standard. Insomma anke l-Malti standard qed iċedi postu u floku dieħel Malti mħallat ma nafx ma’ kemm-il lingwa oħra biex fl-aħħar qed ikollna kawlata ta’ Malti. Imma dan argument ieħor li ma għandux x’jaqsam mad-djaletti.

Mhux Malta biss
L'immagine può contenere: 3 persone, persone che sorridono, persone sedute, bambino e spazio all'apertoOvvjament dan il-fenominu nsibuh mifrux mad-dinja kollha. Isma’ Ingliż ta’ Londra u ara tifhmux. Mur l-Iskozja u ara jekk l-Ingliż li tisma’ huwiex dak li tisma’ fil-films. Mhux ser insemmi l-Irlanda għax dawn għandhom ilsien ieħor minbarra l-Ingliż, iżda anke l-Ingliż tagħhom huwa differetni minn dak standard. Din il-ħaġa insibuha kullimkien kif diġà għedt.
Ħaġa li dejjem impressjonatni hija l-kliem li jingħad li l-Madonna qalet lil Bernardina Soubirous ġewwa Lourdes: “Que soy era Immaculada Concepciou”. Dan la huwa Franċiż u lanqas Spanjol għad li jqarreb ħafna lejn l-Ispanjol. Hawn insibu djalett li kienet titkellem bih iċ-ċkejkna Bernardette u n-nies l-oħrajn ta’ Lourdes u l-irħula qrib. Billi dan ir-raħal Franċiż jinsab fil-Pirinej qrib Spanja u anke l-influenza fl-ilsien tinħass.

L-Italja
Jekk imbagħad irridu nitkellmu dwar djaletti ma nistgħux inħallu barra l-Italja. Dan huwa pajjiż famuż għal din il-ħaġa. Niftakar meta kont ngħix Napli kont bdejt immur inqarben mara xiħa kull nhar ta’ Ħadd. Din ma kinitx titkellem ħlief bin-Naplitan. Kif se nifhimha? Imma ġimgħa wara ġimgħa bdejt nifhem xi ħaġa u llum għadni niftakar xi ħaġa minn dak id-djalett partikolari u ġieli anke toħroġ xi ħaġa minnu waqt xi diskursata bit-Taljan. Niftakar imbagħad li wara Napli mort għal xi snin Bologna. Darba kont mort f’parroċċa u xħin ħriġt mill-karozza kien hemm raġel qed jiknes barra l-knisja u beda jkellimni bid-djalett ta’ Bologna għax ħasibni minn hemm. Jekk in-Naplitan għall-ewwel ma stajtx nifhmu, dan id-djalett lanqas qbadt irkaptu tiegħu.  Wara dal-povru raġel induna u kellu jaqleb dak li qal bit-Taljan. Għalih ma kinitx ħaġa ħafifa għax kien Boloniż pur u dejjem tkellem bid-djalett. Jekk in-Naplitan drajtu, il-Boloniż ma naf xejn minnu għaliex ftit li xejn huwa wżat u n-nies ta’ hemm dejjem bit-Taljan kellmuni. Tajjeb niftakru li sal-unifikazzjoni tal-Italja fl-1861 il-pajjiż bħala Italja kienet kollha reġjuni u għalhekk lanqas l-ilsien Taljan ma kien jeżisti. Mal-għaqda ta’ dawn ir-reġjuni ħadu it-Toskan bħala lingwa tar-Renju tal-Italja. Intgħażel it-Toskan għaliex Dante Aleghieri, meqjuż bħala l-aqwa awtur tal-peninsula, kiteb bit-Toskan.

Aħna nsejħu dawn l-ilsna differenti bħala djaletti Taljani imma fil-verità ma’ huma djaletti Taljani xejn. Dawn huma djaletti tal-lingwa Latina, bħalma wara kollox huma l-ilsna u d-djaletti Franċiżi u Spanjoli għaliex l-għeruq tagħhom huma f’dik il-lingwa li kienu jitkellmu ir-Rumani li ħakmu parti kbira tad-dinja magħrufa ta’ żmienhom.

Illum id-djaletti huma studjati anke fil-lingwistika bħala varjant tal-ilsien standard. Djalett jista’ wkoll jintuża bħala mezz ta’ identità jew oppożizzjoni politika. F’ċerti każi fejn popli fi ħdan nazzjon iħossuhom opressi u jfittxu l-indipendenza tagħhom, jużaw id-djalett bħala l-ilsien uffiċċjali ta’ dak il-ġens.

X’dinja hemm wara kull djalett!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Ġunju 2018



Nessun commento:

Posta un commento