
L-ewwel knisja li nafu li kien hemm f’dan il-post kienet inbniet
għall-ħabta tas-sena 550 iżda din iġġarrfet waqt attakk mis-Saraċeni madwar
is-sena 732. Għamlet żmien twil abbandunata iżda fis-sena 802 ġiet irranġata.
Fis-seklu XIV din il-knisja bdiet tintuża mill-Ordni Militari u Ospidalier ta’
San Ġwann ta’ Ġerusalemm, dak l-Ordni li llum kulħadd jafu bħala l-Kavallieri
ta’ Malta, iżda sa dak iż-żmien kienu għadhom ma waslux Malta dawn
il-kavallieri. Matul is-snin saru bosta restawri fuq din il-knisja iżda fl-1793,
żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, din il-knisja ttieħdet minn idejn id-djoċesi u
għaddiet f’idejn l-istat. Minn knisja dan il-post inbidel f’maħżen tal-qamħ.
Fl-1845 bdiet tinbena l-knisja li naraw illum fuq pjanta tal-Perit Pierre
Bossan li kien ukoll il-perit tal-Bażilika ta’ Fourviere, knisja kbira u sabiħa
ħafna f’Lyon ukoll. Il-knisja ta’ San Ġorġ tlestiet fl-1848. Għamlet bosta snin
isservi bħala parroċċa iżda n-nuqqas ta’ saċerdoti u n-nuqqas ta’ attendenza
min-nies, ġiegħel lill-isqof ta’ Lyon ineħħi lil din il-knisja mid-dinjità
parrokkjali. Fis-snin tmenin tas-seklu li għadda din il-knisja ingħalqet iu
kienet mitluqa imma fl-1989 ġiet afdata lill-Fraternità ta’ San Pietru, grupp
ta’ saċerdoti tradizzjonalisti magħrufin bħala FSSP, Fraternitas Sacerdotalis Sancti Petri. Għaddew xi snin sakemm beda
xogħol estensiv ta’ restawr fuq din il-knisja. Ix-xogħol tlesta u kien
inawgurat fis-sena 2007. Sena qabel
tlesta x-xogħol il-knisja reġgħet saret parroċċa.

Illum din il-knisja ta’ San Ġorġ hija meqjusa bħala monument storiku
importanti għall-belt ta’ Lyon.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-pubblikazzjoni tal-Festa San Ġorġ maħruġ mill-Għaqda Socjo-Mużikali Anici Ħal Qormi 2018


Nessun commento:
Posta un commento