sabato 2 giugno 2018

Il-marċ tal-Ħadd filgħodu


Issa li l-istaġun tal-festi f’pajjiżna beda, il-Ħdud filgħodu jibdew ikunu kkaratterizzati mill-festi li nagħmlu aħna l-Maltin, festi differenti minn dawk li jsiru f’pajiiżi oħrajn, festi li huma l-wirt li ħallewlna dawk ta’ qabilna u aħna komplejna nibnu fuqhom. Appuntament importanti f’dawn il-festi huwa l-marċ li f’ħafna lokalitajiet isir nhar il-festa filgħodu. Hemm xi postijiet li dan jew isir lejlet il-festa, jew ma jsirx jew mhux talli jsir imma hawn fejn isiru żewġ marċijiet fl-istess lokal u fl-istess ħin.

Nagħtu l-ewwel preferenza
Jiena ma għadni xejn kontra l-marċi tal-festa. Il-Ħadd filgħodu mhux il-marċi jdejquni imma x-xemx tiżreġ li jiena ma nissaportix. Billi jiena m’iniex kontra dawn il-marċi ma jfissirx li naqbel ma’ dak kollu li jsir fihom jew ma narax possibilità li dawn isiru aħjar.

Il-festa Maltija hija l-ewwel u qabel kollox festa reliġjuża. Kif tista’ tiċċelebra festa reliġjuża bla ma tmur issellem u żżur lil dak jew li dik li tkun qed tagħmlilha festa? Ma nkunx qed nikxef xi sigriet u lanqas inkun qed niskopri l-Amerika jekk ngħid li ħafna minn dawk li  jkunu fil-marċ ta’ filgħodu ma jkunux rifsu l-għatba tal-knisja dakinhar u għandu mnejn lanqas matul il-ġimgħa sħiħa tal-festa. Ħasra!

F’xi festi l-marċ tal-Ħadd filgħodu jibda sewwasew wara li tintemm il-funzjoni fil-knisja biex b’hekk xejn ma jtellef. Iżda mhux kullimkien isir hekk. Ma naħsibx li tkun faċli biex tagħmel regola waħda għal kullimkien. Idealment isir hekk; l-ewwel il-funzjoni tal-knisja u wara l-attivitajiet ta’barra. Imma kif ngħid dejjem: Ideal ta’ festa hemm imma festa ideali ma naħseb li ssib imkien. Tajjeb li ma ninsewx li għandna nagħtu preferenza lil dak l-aktar importanti.

Noqgħodu attenti
L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien xegħel id-dawl l-aħmar dwar dak li ġieli jsir waqt xi marċi tal-festa jew waqt xi disco li dawn l-aħħar snin deffsu denbhom jew imneħirhom fil-festa tradizjonali Maltija. Monsinjur Grech kien semma li fil-marċi l-aktar tal-Ħadd filgħodu jista’ jkun hemm abbuż mid-drogi. Li nafu żgur hu li jkun hemm abbuż mill-alkoħol. Liema raġel li jkun qed isservi f’xi bar ser jistaqsi għall-karta tal-identità lil persuna taħt l-età li tmur tixtri flixkun birra? Forsi tgħiduli li għal flixkun birra mhux ser taqa’ d-dinja. Hi x’inhi hemm liġi li ma għandix tinkiser lanqas b’riħet il-qaddis patrun. Il-problema tkun akbar meta l-flixkun li jinxtara ma jkunx birra imma jkun Vodka. U dan narawh jiġri fil-marċ tal-Ħadd filgħodu; flixken tal-Vodka jew xorb alkoħoliku ieħor fl-idejn biex kif jingħad “insiru għoqda!”  Noqgħodu attenti.

Ħaġa li nħoss li l-marċ tal-Ħadd filgħodu tellef jew qala’ ’l barra għall-kollox hija l-ikla tradizzjonali ta’ nhar il-festa. L-omm kienet l-hena tagħha tħejji pranzu għal uliedha kollha, kemm dawk li jkunu għadhom id-dar kif ukoll dawk li jkunu żżewġu. Il-pranzu tal-festa kien okkażjoni li jgħaqqad il-familja flimkien. Billi l-marċ ta’ filgħodu jdum ma jispiċċa ħafna aktar minn ħin il-pranzu, spiċċa biex ħadlu postu. U ħalli ngħidu d-dritt, jekk wieħed jew waħda tkun xorbot xi ftit iżjed mis-soltu fl-istonku ma jkunx hemm post għal ikel.

Hamm bosta aktar x’jingħad dwar dan is-suġġett. Illum missejt b’mod superfiċjali dan l-argument għax hemm lok li wieħed japprofondixxih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 3 ta' Ġunju 2018





Nessun commento:

Posta un commento