Visualizzazione post con etichetta buses. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta buses. Mostra tutti i post

sabato 22 ottobre 2022

Tal-linja

 

F’Ottubru tas-sena 2016 kont ktibt artiklu bl-isem: “Imwaħħlin fit-traffiku” (In-Nazzjon 15/10/2016) u sewwasew sena wara ktibt artiklu ieħor bl-isem: “Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku” (In-Nazzjon 7/10/2017). F’dawn l-artikli kont issuġġerejt li t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn biex forsi tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Dan l-argument kont ktibt dwaru wkoll f’Ottubru tas-sena 2015 (In-Nazzjon 17/10/2015) bl-isem: “Emerġenza traffiku” F’Marzu ta’ dik is-sena wkoll kont ktibt artiklu bl-isem: “B’tal-linja jaqbillek?” (In-Nazzjon 21/3/2015) F’dan l-artiklu kont ktibt hekk: “Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja minn dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.” F’dawn l-artikli dejjem xerridt il-ħsieb tiegħi li jekk tal-linja tkun b’xejn il-Malti jerġa’ jibda jużaha. Issa li tabilħaqq tal-linja saret b’xejn qed niddubita kemm kelli raġun fl-argument tiegħi. Illum bdejt nemmen li l-Malti mhux talli ma jużax tal-linja kemm-il darba tkun b’xejn imma lanqas jekk tħallsu ma jirkibha!


X’inhi l-problema

Biex it-trasport pubbliku f’Malta jerġa’ jibda jintuża mill-Maltin hemm għadd ta’ problemi li jridu jiġu solvuti. L-ewwel waħda hija l-effiċċjenza. Bniedem li sejjer għax-xogħol, jew sejjer l-isptar, jew student li sejjer l-iskola jrid ikun moħħu mistrieħ li ser jasal fil-ħin. Jiddispjaċini ngħid li mill-ftit esperjenza li għandi, ġieli aktar kien jaqbilli nimxi sa fejn inkun sejjer milli noqgħod nistenna tal-linja. Kont fuq l-istage ta’ ħdejn il-kappella tal-Museum il-Blata l-Bajda. Ridt immur Ħal Qormi. It-tabella kienet turi li kellha tasal karozza fi tliet minuti. Stennejt u ma waslitx. Bqajt nistenna. Karozzi tal-linja għar-Rabat jgħaddu u lejn Ħal Qormi jew Ħaż-Żebbuġ xejn. Wara xi tliet kwarti kien hemm persuna li qaltli li mhux qed jgħaddu minn hemm għax hemm triq fil-Ħamrun magħluqa! Iva allura t-tabella tad-dawl li tindika l-wasla tal-karozzi tibqa’ tindika li se tasal karozza? Mank daqsxejn ta’ avviż? Bħal ħmar ċempilt ħabib tiegħi u tlabtu jiġi għalija u jwassalni.

Din hija problema waħda. Min jaf kemm hemm aktar.

Qabel u llum

Spiss nisma’ garr dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u ħafna jgħidulek kemm konna aħjar meta konna agħar.

Sal-bidu ta’ Lulju tas-sena 2011 kellna servizz xejn professjonali imma kien jaqdina sewwa. Tmur fil-venda u ssib karozza tistenniek. Illum il-venda spiċċat u xemx jew xita jkollok tistennieha tasal, titlob li tasal fil-ħin, anzi li tasal l-ewwel ħaġa! Tidħol fl-app tat-trasport pubbliku u jgħidlek li l-karozza tasal fi ftit minuti u donnha li l-karozza tisparixxi għax ma tasal qatt. Ma nafx jekk ġrawx lili biss dawn l-affarijiet. Darba minnhom kont qed nistenna tal-linja fejn il-knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Kienu xil-ħamsa ta’ filgħaxija. Ridt nieqaf il-Blata l-Bajda u nimxiha sa Tal-Pietà. Wasalt fejn kelli nasal ftit wara s-sebgħa. Kien beda jroxx id-dlam! Qabel f’għoxrin minuta minn Ħal Qormi kont tasal il-Belt, illum bid-daħla fil-park and ride tal-Marsa il-ħin twal wisq. Allura min ilumu lil dak li jkun li juża l-karozza privata u tal-linja lanqas iħares lejha?

 Tal-linja l-antiki

Minkejja li l-karozzi tal-linja l-antiki kienu dawk li kienu, għadhom inisslu fina bosta memorji u nostalġija. Titla’ u ssib il-kunduttur bil-basket tal-ġild imdendel minn fuq spalltu għal ma’ ġenbu, jagħtik il-biljett, kultant ibill sebgħu f’ħalqu biex ixarrbu ftit għax il-biljett ikun weħel mal-ieħor ta’ warajh! Iġene ta’ xejn. Inti u tiela’ ssib il-kaxxa għall-biljetti użati u r-rokna tax-xufier magħluqha għaliha. Fuq din ir-rokna tax-xufier xi niċċa bis-sagra familja jew b’xi ktiba bħal ngħidu aħna Verbum Dei Caro Factum Est jew In God We Trust. Daqsxejn ta’ bozza dejjem tixgħel quddiem dik in-niċċa jew kitba. Tpoġġi bilqegħeda fuq seats xejn komdi, tiftaħ it-tieqa jew tagħlaqha jekk tħoss il-bard. Titlob lil Alla li ssib fejn tpoġġi bogħod mill-makna għax jekk ikollok tpoġġi fis-sitijiet ta’ ħdejn ix-xufier għid li se tmut bis-sħana tal-magna. Kultant jitla’ l-inspector u jitolbok il-biljett. Iqatta’ biċċa minnu biex jindika li kollox sew. Meta tasal ma kellek xejn x’jindikalek, trid tkun taf int fejn trid tieqaf, allura tqum u tiġbed l-ispaga li jkun hemm mas-saqaf tax-xarabank biex iddoqq il-qanpiena li hemm ħdejn ix-xufier. Jekk tinzerta fuq wara tal-karozza u din tkun mimlija, tiftaħ il-bieba ta’ wara, li suppost kienet tkun għal xi emergenza u taqbeż minnha.

X’differenza mill-karozzi li għandna llum! Imma naħseb li ħafna jippreferu dawk il-karozzi minn dawn tal-lum. Jekk xejn inisslu fina nostalġija.

Issa li s-servizz tal-linja sar b’xejn, nispera li jiġu rranġati xi nuqqasijiet biex tassew is-servizz pubbliku jkun għall-pubbliku kollu u kulħadd jerġa’ jibda jużah.

 

Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ottubru 2022



sabato 19 settembre 2015

Ikona

Meta nisimgħu l-kelma ‘Ikona’ l-ewwel li tiġi f’moħħna hija dik il-pittura sagra li tirrappreżenta lil Kristu, lill-Madonna jew xi qaddis ieħor, aktarx naħsbu fil-Knisja Biżantina jew Ortodossa, xbieha mpittra fuq l-injam fuq sfont indurat bid-deheb. Ma nkunux qegħdin niżbaljaw meta naħsbu hekk għax fil-fatt il-kelma stess ġejja mill-Grieg  εἰκών  (ekon) li tfisser xbieha.

Biss illum din il-kelma għandha aktar minn sens wieħed, Min hu midħla tal-komputers jaf li l-kelma ‘Icon’ fl-informatika ma tfissirx xbieha sagra imma stampa ċkejkna li meta tagħfas fuqha tiġi esegwita ordni li tkun trid li ssir. (Min mhux midħla tal-komputers niddubita kemm fehem imma ma nafx kif nibda nfehmek aħjar sieħbi.. ħu naqra paċenzja bija!)

Ikona Mużikali 

Ikona tista’ tingħad ukoll għal xi post partikolari – dak li bl-Ingliż jissejjaħ landmark. It-torri Eiffel huwa ikona ta’ Pariġi bħalma l-Kolosew huwa ikona ta’ Ruma, jew il-Big Ben huwa ikona ta’ Londra u l-Opera House hija l-ikona ta’ Sidney. Malli tara stampa tagħhom dlonk ifakkruk fil-pajjiż bla ma jkun hemm ħtieġa ta’ kitba oħra jew spjegazzjoni.

Ikona tista’ tkun ukoll persuna. Elvis Presley u l-grupp The Beatles kienu żewġ ikoni mużikali tas-snin sittin bħalma fl-istess żmien Martin Luther King kien ikona politika. Dawn huma kollha ikoni minkejja li ma humiex xbiehat sagri.

Semjoloġija
Din il-kelma ġejja mill-kelma Franċiża sémiologie li tfisser l-istudju tas-sinjali. Bosta ħaddiema fil-qasam tar-reklamar jistudjaw din id-dixxiplina għax hija importanti ħafna biex xogħolhom ikun suċċess u jħalli l-frott mixtieq. Meta reklam tal-fwieħa jrid jagħtik l-impressjoni li dak il-prodott jintuża mill-isbaħ nisa Pariġini allura fl-isfont jurik it-torri Eiffel jew l-Arc de Triomphe – żewġ ikoni famużi tal-kapitali Franċiża. Jekk ir-reklam ikun tal-ikel aktarx li tara l-kuluri aħmar, abjad u aħdar – per eżempju riklam tal-għaġin ikun fih il-ħabaq aħdar, it-tadam aħmar u l-mozzarella bajda. Malli wieħed jara reklam bħal dan mill-ewwel jassoċja dak il-prodott mal-Italja, pajjiż magħruf għat-tjubija tal-ikel li jsir fih, fejn il-platt huwa arti – fejn il-mejda hija ikona. Rajt reklam tal-ġelat li fih kien hemm raġel bi qmis bajda bil-kaxxi ħodor riekeb mutur bil-fardal u mara riekba warajh liebsa blouse aħmar. Raġel riekeb mutur ma jistax ikun qed jiekol il-ġelat madanakollu il-kuluri tal-qmis u l-blouse flimkien mal-mutur tal-fardal (kif ukoll id-ditta tal-mutur) dlonk  ifakkruk fl-Italja u fit-tjubija tal-ġelat li nsibu f’ dan il-pajjiż.

Ikona ta' Londra
Londra
Fil-belt kapitali Ingliża insibu żewġ ikoni magħrufin mad-dinja kollha. Le ma humiex il-kaxxi tal-ittri u l-kabini tat-telefon pubbliċi għax dawk anke f’ pajjiżna nsibuhom. Qed nirreferi għal-London Cab u l-London Bus. It-taxi ta’ Londra ilha għexieren ta’ snin bl-istess forma. Il-karozzi nbiddlu imma l-forma inżammet u kull meta inbiddlu t-taxis kienu ordnati oħrajn bl-istess għamla. Illum insibu karozzi minn dawn anke b’ aċċess għal nies fuq siġġu tar-roti – u hekk għandu jkun wara kollox. Imma l-fatt hu li l-forma tat-taxi saret ikona u għalhekk baqgħet dejjem l-istess u minkejja l-esiġenzi tal-ġurnata tal-lum baqgħet xi ħaġa unika li tagħti identità lit-toroq tal-belt ta’ Londra.

Ikona oħra f’ din il-belt huma dawk il-karozzi tal-linja b’ żewġ sulari, miżbugħin ħomor, li titla’ fihom minn fuq wara tat-trakk u ssib garigor li jtellgħek fis-sular ta’ fuq. Illum karozzi double decker ma nsibuhomx biss f’ Londra. F’ pajjiżna għandna minnhom ukoll, biss xorta waħda il-London Bus hija ikona ta’ din il-belt u għalhekk l-Ingliżi ikkonservaw id-dehra tagħha.

Malta
Ikoni Maltin għandna wkoll, minkejja li ma humniex magħrufin daqs dawk li semmejt aktar  ’il fuq. Siluwett tal-Imdina hija l-isbaħ ikona ta’ Malta. Is-salib tal-Kavallieri huwa magħruf madwar id-dinja bħala s-salib ta’ Malta, għad li ma huwa Malti xejn u nsibuh f’ postijiet li m’ għandhom x’ jaqsmu xejn ma’ Malta bħall-arma tal-flotta militari Taljana.

Ikona mitlufa ta' Malta
Ikona Maltija kienu l-karozzi tal-linja antiki li kienu jaqduna sa ftit aktar minn erba’ snin ilu. Dawn insibu minjaturi tagħhom fil-ħwienet tas-souvenirs, insibu kartolini bi stampi tagħhom. Imma t-turist li jiġi Malta llum ma jafx li dawn il-karozzi kienu ikona ta’ pajjiżna u għalhekk la s-souvenir u lanqas il-kartolina ma jagħmlu sens għalih.

Ladarba kienu ordnati karozzi tal-linja ġodda, ngħid jien ma setgħux saru fuq il-forma tal-karozzi tal-linja l-antiki? Dan ma jfissirx li ma jkunux karozzi ta’ ċertu livell. Minix ngħid li l-karozzi l-ġodda jkollhom il-ħġieġ jiġri minflok l-arja kkondizzjonata. M’inix nippretendi li ma jkunx hemm post għal persuna fuq is-siġġu tar-roti imma qiegħed ngħid li l-forma ta’ barra tkun bħal dawk li kellna qabel imma b’ livell ta’ dawk li għandna llum. Forsi xi ħaġa kbira dan li qed ngħid? Londra żammew il-forma tat-taxi u tal-bus għax huma ikona ta’ belthom. Aħna li għandna mentalità ftit jew wisq Brittanika ma stajniex inżommu l-forma tat-trakkijiet tal-linja l-antiki, dawk li kienu l-ikona tagħna?


Fr Reno Muscat





Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' settembru 2015