F’Ottubru tas-sena 2016 kont ktibt artiklu bl-isem: “Imwaħħlin fit-traffiku” (In-Nazzjon 15/10/2016) u sewwasew sena wara ktibt artiklu ieħor bl-isem: “Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku” (In-Nazzjon 7/10/2017). F’dawn l-artikli kont issuġġerejt li t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn biex forsi tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Dan l-argument kont ktibt dwaru wkoll f’Ottubru tas-sena 2015 (In-Nazzjon 17/10/2015) bl-isem: “Emerġenza traffiku” F’Marzu ta’ dik is-sena wkoll kont ktibt artiklu bl-isem: “B’tal-linja jaqbillek?” (In-Nazzjon 21/3/2015) F’dan l-artiklu kont ktibt hekk: “Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja minn dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.” F’dawn l-artikli dejjem xerridt il-ħsieb tiegħi li jekk tal-linja tkun b’xejn il-Malti jerġa’ jibda jużaha. Issa li tabilħaqq tal-linja saret b’xejn qed niddubita kemm kelli raġun fl-argument tiegħi. Illum bdejt nemmen li l-Malti mhux talli ma jużax tal-linja kemm-il darba tkun b’xejn imma lanqas jekk tħallsu ma jirkibha!
X’inhi l-problema
Biex it-trasport pubbliku f’Malta jerġa’ jibda jintuża mill-Maltin hemm għadd ta’ problemi li jridu jiġu solvuti. L-ewwel waħda hija l-effiċċjenza. Bniedem li sejjer għax-xogħol, jew sejjer l-isptar, jew student li sejjer l-iskola jrid ikun moħħu mistrieħ li ser jasal fil-ħin. Jiddispjaċini ngħid li mill-ftit esperjenza li għandi, ġieli aktar kien jaqbilli nimxi sa fejn inkun sejjer milli noqgħod nistenna tal-linja. Kont fuq l-istage ta’ ħdejn il-kappella tal-Museum il-Blata l-Bajda. Ridt immur Ħal Qormi. It-tabella kienet turi li kellha tasal karozza fi tliet minuti. Stennejt u ma waslitx. Bqajt nistenna. Karozzi tal-linja għar-Rabat jgħaddu u lejn Ħal Qormi jew Ħaż-Żebbuġ xejn. Wara xi tliet kwarti kien hemm persuna li qaltli li mhux qed jgħaddu minn hemm għax hemm triq fil-Ħamrun magħluqa! Iva allura t-tabella tad-dawl li tindika l-wasla tal-karozzi tibqa’ tindika li se tasal karozza? Mank daqsxejn ta’ avviż? Bħal ħmar ċempilt ħabib tiegħi u tlabtu jiġi għalija u jwassalni.Din hija problema waħda. Min jaf kemm hemm aktar.
Qabel u llum
Spiss nisma’ garr dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u ħafna jgħidulek kemm konna aħjar meta konna agħar.X’differenza mill-karozzi li għandna llum! Imma naħseb li ħafna jippreferu dawk il-karozzi minn dawn tal-lum. Jekk xejn inisslu fina nostalġija.
Issa li s-servizz tal-linja sar b’xejn, nispera li jiġu rranġati xi nuqqasijiet biex tassew is-servizz pubbliku jkun għall-pubbliku kollu u kulħadd jerġa’ jibda jużah.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento