venerdì 28 ottobre 2022

Fratell koperatur

Tista’ tgħid li fl-ordnijiet reliġjużi maskili kollha nsibu l-fratelli koperaturi jew kif huma magħrufin aktar il-frajiet jew l-ajkijiet. Il-kelma koperatur turi minnha nfisha li dawn huma reliġjużi li jikkoperaw, jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum tal-kunvent jew monasteru. Dawn għandhom rwol differenti minn dawk tal-patrijiet jew tal-irħieb jew kif jissejħu spiss il-monaċi. Huma aħwa li jagħmlu l-professjoni reliġjuża daqs il-patrijiet jew l-irħieb iżda ma jkunux ordnati saċerdoti. Storikament, il-fratelli koperaturi kienu jwettqu rwol iffukat fuq is-servizzi manwali u xogħlijiet sekulari, u kienu distinti minn patri jew raħeb peress li r-rwol primarju ta’ dawn tal-aħħar kien li jitolbu fil-kor flimkien, jew kif xi drabi jissejjaħ l-Uffiċċju Divin.


L-ilbies

Sal-Konċilju Vatikan it-tieni kien hemm xi ordnijiet reliġjużi li l-frajiet tagħhom kienu jilbsu differenti mill-patrijiet iżda din il-ħaġa spiċċat għax dan il-konċilju għaraf li l-professjoni li jagħmel il-patri u dik li jagħmel il-fratell koperatur hija xorta u l-għan aħħari tal-ordni ma huwiex li membru jkun saċerdot imma li jkollu l-professjoni reliġjuża, jiġifieri li jwiegħed li jgħix il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza. Dawn il-voti huma l-istess kemm għal reliġjuż saċerdot kif ukoll għal reliġjuż koperatur, kemm għal patri kif ukoll għal fra. Pereżempju fl-Ordni Dumnikan, sal-Konċilju Vatikan it-tieni, il-frajiet kienu jilbsu t-tonka bħal tal-patrijiet imma bi skapular iswed minflok abjad. Ladarba l-fra aktarx jagħmel xogħol manwali huwa aktar prattiku li l-iskapular, dak l-ispeċi ta’ fardal li jinżel minn fuq l-ispallejn għal quddiem u wara tal-persuna, ikun iswed billi l-abjad jitħammeġ malajr. Il-Konċilju kien ħalla l-għażla tal-bdil tal-abitu f’idejn l-istess fratelli koperaturi u jingħad li kien hemm frajiet li ppreferew li jibqgħu jibsu skapular iswed. L-istess nistgħu ngħidu għall-Ordni taċ-Ċisterċensi, irħieb jew monaċi li għandhom ir-regola ta’ San Benedettu. Sal-Konċilju l-frajiet ta’ dan l-Ordni Reliġjuż, lienma Ordni ma nsibux membri tiegħu f’pajjiżna, kienu jilbsu tonka kannella filwaqt li dawk l-irħieb saċerdoti kienu u għadhom jilbsu tonka bajda. Il-frajiet fl-Ordni Vallombrosan, li wkoll ma għandux monasteri tiegħu f’Malta, kienu jilbsu kappa bla kapoċċ kontrarjament għall-membri li ħadu l-Ordni Sagri u t-tonka tagħhom kienet iqsar minn dik tal-monaċi tal-istess ordni.

Dan kollu juri li l-fratell koperatur huwa aktar miftugħ għal xogħol manwali u għalhekk biex ma jitħammiġx kien jingħatalu abitu reliġjuż li mhux biss jiddistinwih minn membri oħra tal-ordni imma wkoll ilbies prattiku għax-xogħol tiegħu matul il-jum. Illum din id-differenza fl-ilbies ma għadhiex teżisti.

Ftit storja

Għalkemm il-ħajja reliġjuża bdiet b’komunitajiet ta’ eremiti u patrijiet tad-deżert li fihom ħadd ma kien ikun ordnat saċerdot, maż-żmien il-Knisja bdiet tgħaqqad il-ħajja monastika ma’ ministri ordnati. F'dan il-kuntest, eventwalment ħarġet ġerarkija li fiha l-aħwa kienu ristretti għal rwoli primarji bħalma huma t-tmexxija u l-ekonomija kif ukoll rwoli sekondarji, xogħol manwali u affarijiet sekulari oħra ta’ monasteru. Dawn tal-aħħar għaddew f’idejn il-fratelli koperaturi filwaqt li tal-ewwel ħaduhom l-aħwa li kienu ordnati saċerdoti.

Fis-seklu tlettax nibtet fergħa ġdida fil-Knisja Kattolika. Sa issa kienu jeżistu rħieb, kultant eremiti, li jgħixu f’monasteru. San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gużman waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ patrijiet u fetħu l-ewwel kunventi. X’inhi d-differenza bejn raħeb jew monaku u patri? Ir-raħeb joqgħod ġewwa monasteru, isem li ġej minn Mono Stare wieħed joqgħod waħdu, għax il-ħajja monastika hija ħajja li aktarx fiha ħafna solitudni fejn wieħed jiltaqa’ ma’ sħabu għat-talb iżda jkollu bosta ħin tal-ġurnata waħdu mehdi fix-xogħol. Il-patri joqgħod f’kunvent, li hija kelma wkoll ġejja minn kliem ieħor – Con Vivere, ngħixu flimkien. Hawn hija d-differenza prinċipali bejn il-monaku u l-patri. Intant meta l-qaddis ta’ Assisi u dak ta’ Calaruega waqqfu l-ordnijiet tagħhom huma waqqfuhom bil-patrijiet u bil-frajiet. Eventwalment San Franġisk qatt ma ħa l-Ordni Sagri għax ma kienx iħossu denju filwaqt li San Duminku kien saċerdot u Kanonku qabel ma waqqaf l-ordni tiegħu.

Illum

Aħna l-Maltin imdorrijin naraw il-frajiet fil-knejjes jagħmluha ta’ sagristana, biss ix-xogħol tagħhom huwa ħafna aktar minn dak li jidher. Huma jgħinu fit-tmexxija tal-kunventi tagħhom. Fl-Ordni Dumnikan dawn ma jistgħux isiru superjuri ta’ komunità  biss fl-Ordni Franġiskan l-istorja hija bil-kontra.

Biss il-fratell koperatur ma huwiex marbut biss mal-knisja u ż-żamma tagħha. Barra minn pajjiżna nsibu fratelli koperaturi li saħansitra huma għalliema fl-universitajiet. Il-kunċett li fra ma jsirx patri għax ma jkunx studja huwa kunċett żbaljat, huma żewġ għażliet differenti, huma żewġ vokazzjonijiet differenti. Illum ħafna frajiet jagħmlu xogħol importanti ferm fil-komunitajiet li fihom jgħixu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2022




Nessun commento:

Posta un commento