Dawn il-laqgħat ma humiex biss frott it-tul li hija għamlet
fuq it-tron imma huma wkoll frott tal-qima li hija kellha lejn il-fidi ta’
Kristu. L-ewwel papa li ltaqgħet miegħu kien il-Papa Piju XII fl-1951 meta hi
kienet għadha prinċipessa. Tajjeb ngħidu li din li dini ż-żjara saret meta din
il-monarka kienet tgħix f’Malta. Din tista’ titqies bħala sinjal
tal-evoluzzjoni li kellha sseħħ bejn ir-Renju Unit u l-Knisja Kattolika fi
żmien modern. Għaddew għaxar sin minn dik il-laqgħa u fl-1961, issa mhux akar
prinċipessa imma reġina, żaret lill-Papa San Ġwanni XXIII. Hija mill-ġdid
reġgħet iltaqgħet ma’ dan il-papa fl-1965.
Ksur tar-relazzjoni
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Knisja ta’ Ruma u
l-pajjiżi li jiffurmaw il-Gran Brittanja spiċċaw bir-Riforma Protestanta.
Fl-Ingilterra, ir-Re Enriku VIII kiser kull relazzjoni mal-Knisja Kattolika
fl-1534 u waqqaf iċ-Church of England. Minkejja li wara dan ir-re kien hemm
tentattivi biex jerġgħu jiġu sabiliti relazzjoni mas-Santa Sede, ir-Reġina
Eliżabetta I, li mexxiet lill-Ingilterra u lill-Irlanda mill-1558 sal-1603,
kompliet kabbret din il-firda. Din kienet ipprojbiet kull relazzjoni uffiċċjali
mal-Istat tal-Papa wara li fl-1570 il-Papa Piju V kien skomunikaha.
Fl-Ingilterra kienet sar att illegali li bniedem jipprattika l-fidi Kattolika bejn
is-snin 1559 u l-1791. F’dan il-perjodu kien hemm biss tliet snin li dak li
jkun seta’ jħaddan il-Knisja Kattolika, bejn l-1686 u l-1688 meta l-Kuruna
Ngliża kienet fuq ras ir-Re Ġakbu II li kien hu stess Kattoliku.
Paċi mill-ġdid
Ir-Renju Unit żamm ftit li xejn kuntatt mal-Vatikan u
nistgħu ngħidu li dawn reġgħu ġew stabbiliti f’Diċembru tas-sena 1914 meta
faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Madanakollu ir-Renju u s-Santa Sede ma
kellhomx ambaxxaturi sal-1982 wara li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar ir-Renju
Unit fuq żjara pastorali u kien iltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta II. Din kienet
l-ewwel żjara ta’ papa fil-Gran Brittanja minkejja li ma kinitx żjara
organizzata mill-gvern Brittaniku iżda mill-Knisja Kattolika. Sentejn qabel,
jiġifieri fl-1980 Eliżabetta II kienet żaret lill-papa f’Ruma. Il-Maestà Tagħha
iltaqgħet mill-ġdid ma’ dan il-papa fis-sena 2000. Kien fl-2010 li papa żar
formalment ir-Renju Unit. Dik is-sena r-Reġina Eliżabetta II ltaqgħet ma’ Papa
Benedettu XVI fil-palazz ta’ Holyroodhouse fl-Iskożja.
Ir-Reġina Eliżabetta II żaret Ruma fl-2014 u minkejja li din
ma kinitx żjara statali fil-Vatikan, iltaqgħet ma’ Papa Franġisku biex jitfakkar
il-mitt anniversarju minn meta reġgħu bdew ir-relezzjonijiet diplomatiċi bejn
il- pajjiżi li jmexxu dawn iż-żewġ mexxejja.
Illum
Bosta osservaturi jsostnu li r-relazzjonijiet bejn il-Gran Brittanja u l-Vatikan huma tajbin ħafna u dan grazzi għar-rispett li l-mexxejja tagħhom għandhom lejn xulxin. L-Ambaxxatur Brittaniku għall-Vatikan, Christopher Trott, qal li r-rispett li l-papiet kellhom lejn il-Maestà Tagħha għamluha faċli biex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jitjiebu. Huwa sostna li l-qima li r-Reġina kellha lejn il-Kristjaneżmu għen ħafna wkoll. Sostna li l-poplu Brittaniku jaf kemm kienet Kristjana ferventi r-Reġina. Mill-mewt tagħna il-Knisja Kattolika fl-Ingilterra faħħritha għall-mod eżemplari li hija għexet il-fidi tagħha fi Kristu. Il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales, il-Kardinal Vincent Nichols qal li: “l-għerf, l-istabilità u s-servizz li hija dejjem ħaddnet, kultant f’ċirkostanzi ferm diffiċli, huma leġġendarji u xhieda tal-fidi tagħha.”
Fit-telegramm li Papa Franġisku bagħat lir-Re Karlu III
fil-mewt ta’ ommu huwa fissirha bħala mara: “xhud soda tal-fidi f’Ġesù Kristu u
b’tama qawwija fil-wegħdiet tiegħu.” L-ambaxxatur Trott qal li l-papiet li
ltaqgħet magħhom, irrispettawha bħala bniedma ta’ fidi, anzi ta’ fidi
Nisranija.”
Għada
Il-mistoqsija ta’ ħafna issa hija kemm din ir-relazzjoni ser
tibqa’ soda. Xi wħud isostnu li omm
ir-Re Karlu III għaddietlu mhux biss ix-xettru tat-tmexxija iżda wkoll valuri
sodi ta’ fidi. Dan deher biċ-ċar fl-ewwel stqarrija tiegħu bħala re meta qal:
“il-Knisja li hija l-fidi tiegħi, għandha għeruq fondi fija.” Dan is-sentiment
ġieli lissnu anke qabel ma laħaq re. Fil-fatt fl-2015 huwa kien qal li
l-Monarkija Brittanika għandha pedamenti Kristjani u qal ukoll: “Dejjem deherli
li, filwaqt li fl-istess ħin li tkun ‘Difensur tal-Fidi,’ tista’ tkun ukoll
protettur tal-fidi,”
Minkejja li l-awtorità tal-monarka Ngliża fuq il-Knisja
Anglikana hija fil-biċċa l-kbira tagħha simbolika, is-slaten u l-irġejjen ħadu dan
ir-rwol tagħhom ta’ "Mexxejja Supremi tal-Knisja tal-Ingilterra"
bis-serjetà, u r-Re Karlu esprima l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ miexi l-istess.
Jidher li kien messaġġ qawwi ħafna għan-nies, ta’ kull twemmin, fir-Renju Unit
li jaraw lill-Maestà Tagħha r-Reġina, u issa l-Maestà Tiegħu r-Re, b’dan il-ftuħ
għad-djalogu bejn it-twemmin, partikolarment id-djalogu bejn il-Knisja
Anglikana u l-Knisja Kattolika.”
Jidher li dak li nżera’ snin ilu ser jibqa’ jikber u jagħti
l-frott fejn jidħlu relazzjonijiet diplomatiċi bejn ir-Renju Unit u l-Knisja
Kattolika.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2022
Nessun commento:
Posta un commento