Niftakar lill-bużnanna tiegħi issejjaħ ix-xhur skont xi qaddis jew devozzjoni. Għaliha u għal bosta oħrajn ix-xahar ta’ Ottubru kien iddedikat lir-Rużarju. Interessanti wieħed ikun jaf kif evolviet din it-talba.
Bla dubju ta’ xejn waħda mill-aktar talbiet Marjani popolari hija t-talba tar-rużarju. Bosta ngħiduh kuljum imma forsi ftit li xejn nafu l-istorja tiegħu.
Hemm diversi fehmiet
dwar l-istorja tar-Rużarju. L-oriġini eżatta tar-Rużarju bħala talb ma huwa ċar
xejn u dan huwa suġġett għal dibattitu fost l-istudjużi. Fil-Kristjaneżmu l-użu
ta’ ħbula bl-għoqod biex jgħinu lil dak li jkun jitlob imur lura għall-irħieb
tad-deżert fis-seklu tlieta u fil-bidu tar-raba’ seklu. Dan l-apparati
tal-għadd kienu jintuża fil-monakiżmu Kristjan għat-talb bħat-Talba ta’ Ġesù. It-Talba
ta’ Ġesù hija din: Mulej Ġesù Kristu Iben ta’ Alla jkollok Ħniena minni jiena
midneb. Wara l-Ewwel Konċilju ta’ Efesu li
sar fl-431 beda jiżdied it-talb Marjan. Skont xi tradizzjonijiet Kattoliċi,
ir-Rużarju kien mogħti lil San Duminku f’dehra tal-Madonna li kellu.
Il-meditazzjoni
waqt ir-reċitar tas-Sliema u l-Qaddisa, jew kif tafhom id-dinja kollha l-Ave
Maria, kien attribwit lil Duminku tal-Prussja, raħeb jew monaku Ċertożin li fl-
1458 kiteb ktieb bl-isem Liber Experientiae imma li huwa kien isejjaħ Vita Christi
Rosarium (Il-Ħajja tar-Rużarju ta’ Kristu). Iżda fl-1977, it-Teologu minn
Trier Andreas Heinz skopra Vita Christi Rosarium ieħor bid-data 1300,
għalhekk huwa jinsisti li l-oriġini tar-Rużarju kif nafuh illum tmur lura
għall-inqas għal dak iż-żmien. Dan ma jfissirx li r-Rużarju beda dik is-sena,
ifisser li dik is-sena r-Rużarju kien diġà stabbilit. San Duminkun ta’ Gużman
kien ilu madwar 80 sena mejjet għalhekk jista’ jkun li it-tradizzjoni li tgħid
li dan il-qaddis ingħata r-Rużarju hija minnha.
Ftit storja
Talb biż-żibeġ
bħar-rużarju għandu mnejn beda mil-lajċi biex jimitaw l-irħieb Insara. Dawn
l-irħieb waqt il-Liturġija tas-Sigħat kienu jitolbu l-150 Salm kuljum. Peress
li ħafna mil-lajċi u anke frajiet fil-monasteri ftit li xejn kienu jafu jaqraw,
biddlu l-150 salm ma’ 150 Missierna jew
kif jafha kulħadd: Pater Noster. Huma kienu jużaw qafla bl-għoqod fuqha biex
iżommu l-għadd preċiż ta’ Pater Noster li jgħidu.
Żvilupp storiku
Sas-seklu sebgħa
t-talb lil Marija kien qed isir aktar komuni. L-ewwel talba magħrufa lil Marija
hija s-Sub tuum praesidium, li bil-Malti tiġi hekk: Omm qaddisa
tal-kbir Alla, taħt il-mant tiegħek nistkennu, tirruftax it-talb minn tagħna,
waqt li lilek aħna ntennu. Fil-bżonn kbir li fih ninsabu, mill-periklu int
ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Magħna kun dejjem pjetuża, Verġni
mbierka u Glorjuża. L-ewwel forma tas-Sub tuum praesidium tinstab fil-liturġija
Ortodossa Kopta u kopja tagħha bil-Grieg tmur lura għal madwar is-sena 250 wara
Kristu.
Matul il-Medjuevu
aktarx li kemm il-Pater Noster kif ukoll l-Ave Maria kienu jingħadu biż-żibeġ.
Fis-seklu XIII f’Pariġi, kienu jeżistu erba’ ħwienet tax-xogħol li kienu
jsenslu l-kuruni biż-żibeġ. Dawn kienu jissejħu paternosteri, isem li ġej
mit-talba tal-Missierna bil-Latin, Pater Noster.
Kittieb li ktieb
il-ħajja ta’ San Ajbertu ta’ Krespin, raħeb Benedittin li miet fl-1140, qal li
dan il-qaddis kien ta’ kuljum jgħid 150 Sliema u Qaddisa, 100 minnhom
għarkupptejh u 50 minnhom mindud għal tulu fl-art. San Luwiġi Re ta’ Franza li
miet fl-1270 jingħad li ta’ kull filgħaxija kien jinżel 50 darba għarkupptejh u
kull darba li jqum kien jgħid Sliema u Qaddisa bil-mod. Fis-seklu 12, ir-regola
tal-Ankoriti Ingliżi (gruppi ta’ lajċi li kienu jħallu d-dinja biex jgħidu
ħajja solitarja ta’ talb u meditazzjoni), speċifikat kif il-ħamsin Ave Marija
kellhom jinqasmu f’ħames deċennji jew posti ta’ għaxar Ave Marijiet kull waħda.
Bil-mod il-mod, l-Ave Maria ħadet post il-Missierna li kienu jingħadu fil-bidu,
iżda qabel kull għaxar Sliema u Qaddisa tingħad Missierna. Issa r-rużarju sar jirrifletti aktar l-istruttura
tal-Uffiċju Divin monastiku.
Billi hemm aktar wieħed
x’jgħid dwar din it-talba, illum nieqfu hawn u nkomplu ngħidu aktar il-ġimgħa
d-dieħla.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Ottubru 2022
Nessun commento:
Posta un commento