Il-Konċilju Vatikan it-Tieni ħeġġeġ għal sehem akbar mill-assemblea
fil-quddiesa. Sehem dirett mil-lajċi waqt il-quddiesa beda jkun il-kant.
Il-quddiesa bdiet tiġi animata b’innijiet li l-poplu jaf ikanta. Iżda hemm
regoli, hemm ordni x’wieħed irid isegwi minkejja li sfortunatament ġieli naħsbu
li la hemm ordni u lanqas limiti f’dan il-qasam.
Mhux obbligu
Għalkemm hija ħaġa sabiħa li l-quddiesa tkun animata bil-kant, ma jfissirx
li quddiesa bla kant ma tgħoddx jew hemm xi obbligu li kull quddiesa trid issir
bil-kant. Għalhekk wieħed ma għandux iħossu indispensabbli jekk ikollu
t-tmexxija tal-kant ta’ xi quddiesa. Jekk ma jkunx jista’ jmur xi darba ma
għandux jaħseb li se taqa’ d-dinja.
Hemm mumenti li l-liturġija titlob skiet u għalhekk ma għandux isir la kant
u lanqas mużika bħala sfond fihom. Imbagħad hemm waqtiet oħrajn li l-mużika jew
il-kant jistgħu jkunu ta’ għajnuna lill-miġemgħa biex tinġabar aktar fi spirtu
li jkun adatt għal-lok u għall-waqt. Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent
x’tip ta’ mużika ssir ġewwa l-knisja. Mhux kull tip ta’ mużika tixraq
fil-knejjes. Pesonalment jogħġobni ħafna l-orgni fil-knisja biss dan ma
jfissirx li huwa l-istrument waħdieni li jista’ jintuża fil-liturġija. Kien hemm
żmien fejn konna nisimgħu b’ħafna quddies rock jew folk, għandi l-impressjoni
li llum dawn naqsu, bħalma naqsu dawk li jmorru jisimgħu l-quddies wara kollox.
Ma jogħġobni xejn l-istil ta’ ċerti movimenti fi ħdan il-Knisja li jużaw
il-kitarri. Mhux il-kitarri jdejquni
imma l-għajat jew aħjar it-twerżieq li jagħmlu xi wħud mill-membri ta’ dawn
il-movimenti relattivamet ġodda fil-Knisja. Kitarra tista’ tindaqq bil-ħlewwa
wkoll. Kellhom bżonn jifhmuha din il-ħaġa dawk li jdoqqu l-kitarri fil-knejjes
jew aħjar fis-swali fejn jiltaqgħu dawn il-movumenti.
Mużika Sagra
Hemm fergħa fil-mużika li tissejjaħ sagra, għalhekk tajjeb nifhmu li mhux
kull mużika hija tal-knisja. Sagra fiha nnifisha tfisser qaddisa, ta’ Alla,
traxxendentali. Min imexxi l-kant fil-knejjes għandu jkun midħla ta’ dawn
l-affarijiet biex jevita żbalji ħoxnin. Il-mużika sagra sewwasew hija dik miktuba
għal okkażjoni liturġika, bħal xi quddiesa jew xi ċelebrazzjoni tal-kult divin.
Iżda fil-knejjes ma jindaqqux dawn biss. Ġieli smajna diski popolari li jiġu
adattati għas-sagru. Kemm-il darba smajna l-Missierna titkanta fuq il-mużika
tad-diska Streets of London ta’ Ralph McTell? Dan huwa każ fejn mużika profana
ma tistonax waqt il-liturġija.
Bla kliem mibdul
Dejjem innutajt li l-Innu tal-Kungress Ewkaristiku li sar Malta fl-1913,
Malta jitkanta mod u Għawdex tinbidillu kelma. Fl-innu “Ghidtilna Kelma”
il-Maltin ngħidu: aħna rridu lil Ġesù Ibnek, isaltan dejjem fost il-Maltin.
L-Għawdxin jgħidu: fost il-bnedmin. Tabilħaqq li l-Għawdxin jiftħu bil-kbir
l-orizzonti fix-xewqa tas-saltna ta’ Kristu, imma liema hija l-verżjoni
oriġinali?
l-innijiet ma għandhomx jinbidlilhom il-kliem l-ewwel ħaġa b’rispett lejn
l-awtur u t-tieni biex ma nispiċċawx inkantaw xi ħaġa li tmur kontra t-tagħlim
tal-Knisja. Niftakar darba smajt innu l-Italja li kien jgħid li Alla sar ħobż
għalina. Alla sar bniedem għalina u mhux ħobż. Anke l-isem tal-innu kien
żbaljat; Verbum Panis. Le Verbum
Caro u mhux panis. Il-kelma saret laħam u mhux ħobż. Għalhekk anke meta
wieħed jikteb għadnu joqgħod attent u qabel jispiċċa x-xogħol jitlob lill-kurja
tara li dak li ktieb ma jkollu xejn kontra l-veritajiet tal-fidi.
Dawn kienu ftit ħsibijiet oħra dwar il-kant u l-mużika fil-liturġija, ħaġa
li jixraq nifhmuha u nagħmluha sewwa
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento