martedì 17 luglio 2018

Il-knisja u Strada Rjali


Bl-isem ta’ dan l-artiklu ma rridx nirreferi għal xi waħda mill-knejjes li nsibu fi Triq ir-Repubblika il-Belt, triq li bosta minna għadna nsejħulha Strada Rjali u lanqas għandi f’moħħi xi knisja minn ta’ Strada Rjali l-Ħamrun. Ħsiebi llum mar fuq kwalunkwe knisja, tkun liema tkun imma fejn in-nies jinsew li jkunu f’post qaddis u jaħsbu li qegħdin f’nofs ta’ triq, Strada Rjali fejn kultant tiltaqa’ ma’ min tkun ilek ma tara.

Diskors u skiet
Bla dubju ta’ xejn il-knisja ma hijiex il-post fejn wieħed jgħid kelma ma’ sieħbu. Min irid jgħid kelma jista’ jmur barra jew f’xi ħanut jieħu kafè u jgħid li jrid u kemm irid. Imbagħad tiskanta kif ġieli tmur quddiesa, aktarx ta’ xi tieġ jew xi funeral u l-assemblea ma tweġibx dak li lituġikament għandha twieġeb u tibqa’ b’ħalqha magħluq! Ovvjament dan huwa frott in-nuqqas ta’ frekwenza għall-quddies. Imma f’tieġ jew funeral dak li jkun jagħmel ikraħ jekk ma jmurx. Li ma tmurx quddies is-sena kollha ma jimpurtax imma f’funeral inħossuna nonqsu bil-kbir jekk ma nkunux preżenti, l-aktar jekk il-mejjet jew il-mejta jkun ħallielna xi ħaġa fit-testment! L-istess f’xi tieġ, jekk xi ħadd mill-għarajjes ikun jaħdem magħna jew ikun iben jew bint ta’ xi ħadd qribna, nagħmlu ikrah jekk ma jarawniex! Il-bqija ma nersqux ’l hemm għax Alla baħbuħ u ma jgħidilna xejn u jekk xi darba mmorru għax ma nistgħux nagħmlu ieħor nibqgħu b’ħalqna magħluq għax ma nafux inwieġbu.

Ġiri
Ħalli issa ngħid għalfejn qabbilt il-knisja ma’ Strada Rjali. Ġieli nzertajt inqaddees xi mkien fejn tibda tara nies telgħin fuq l-artal bla ma tun taf għalfejn, abbatini kbar li jivvintaw minn moħħom is-servizzi liturġiċi li bosta drabi jkunu għal kollox kontra dak li jitlob ir-ritwal. Min iħobb il-liturġija u jara dan il-ġiri fuq l-artal bla ma jrid jibda jaħseb li mhux fi knisja jkun mar iżda jkun qiegħed xi mkien ġewwa Strada Rjali fejn ma hemmx regola, fejn kollox jgħaddi, fejn kollox, jew kważi kollox huwa permess. Għandu jkun hemm aktar rispett lejn dan il-post. Naf li ħafna drabi dawn il-ħwejjeġ isiru bla ebda skop ta’ nuqqas iżda xorta jsiru minkejja li l-intenzjoni tkun tajba. Hemm bżonn aktar serjetà kemm bejn il-lajċi fil-knisja kif ukoll mal-abbatini jew il-ministranti kbar li jieħdu sehem fil-liturġija. Il-liturġija tagħmilha l-Knisja u mhux nivvintawha minn moħħna!

Fis-sajf
Issa li qegħdin fix-xhur sħan tas-sajf kulħadd ifittex rokna friska fil-knisja. Għad li hawn xi knejjes li għandhom l-arja kkondizzjonata, dawn huma waħdiet. Il-maġġoranza tal-knejjes jużaw il-fannijiet. Iżda hawn min għal xi raġuni ma jistax joqgħod għar-riħ tal-fan u għalhekk tajjeb ikun hemm parti f’kull knisja li ma jkolliex fanijiet fiha. Dawk li jistgħu joqgħodu għar-riħ għandhom iħallu din il-parti għal dawk li r-riħ idejjaqhom jew jagħmlilhom il-ħsara. Ma għandniex postijiet fissi fil-knisja, jekk is-soltu npoġġu f’post ma għandniex noħduha bi kbira biex inċeduh lil ħaddieħor u nsibu post ieħor. Illum l-ebda knisja ma għadha tkun imballata bin-nies b’mod li dak li jkun mhux ser isib post fejn joqgħod bilqegħda.

Dawn huma ftit ħsibijiet li ta’ min jaħseb ftit fuqhom u jekk wieħed jagħmilhom jipprova jevitahom għax il-knisja hija post sagru u mhux Strada Rjali!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 15 ta' Lulju 2018





Nessun commento:

Posta un commento