lunedì 30 luglio 2018

Bażilika xi tkun?

L-Arċisqof juri d-diġriet li għolla lill-knisja tal-Mosta
għad-dinjità ta' bażilika

Bil-qari tad-digriet li għolla lill-knisja Arċipretali tal-Mosta għad-dinjità ta’ bażilika minuri, li nqara mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna nhar il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018, f’bosta minna nibtu diversi mistoqsijiet. Fost oħrajn kien hemm staqsa: Bażilika xi tfisser eżatt?

Letteralment il-kelma bażilika tfisser “Id-dar tas-Sultan” jew aħjar tal-Mulej. Il-kelma nnifisha ġejja mill-Grieg, βασιλεύς  (Basileus) li tfisser sultan u  οἶκος (Oikos) li tfisser dar.  Għalhekk kull knisja hija fil-verità bażilika,iżda l-Knisja tatribwixxi dan it-titlu lil xi knejjes li jkollhom ċerta importanza fil-funzjoni tagħhom jew li jkollhom ċerta valur artistiku.
Bażilika Rumana (mhux knisja)

F’Ruma tal-qedem, il-bażilika kienet bini pubbliku użat bħala post għal laqgħat pubbliċi u għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-bini kien ikollu forma rettangolari b’navata fin-nofs u sensiela ta’ kolonni li jiffurmaw żewġ navati oħra li bosta drabi kienu jkunu msaqqfin biex minn fuqhom tinħoloq speċi ta’ gallarija fuq in-navata ċentrali. Mela issa nafu li l-bażilika oriġinali ma kellha xejn x’taqsam la mal-Knisja Kattolika u mal-ebda twemmin ieħor.

Knejjes Bażiliċi
Bl-Editt ta’ Milan fis-sena 313, il-Knisja ħadet il-libertà li tant kellha bżonn biex tikber bla xiel ta’ xejn. L-Imperatur Kostantinu u ommu Santa Liena ħasbu biex fil-belt ta’ Ruma, il-kapitali tal-Imperu li kien jaħkem parti kbira mid-dinja ta’ dak iż-żmien, jibnu xi binjiet kbar f’forma ta’ bażilika biex iservu ta’ knejjes. San Giovanni Laterano u San Pietro in Vaticano huma tnejn minn dawn li għadhom magħrufin sal-lum bħala bażiliċi maġġuri.  

U jekk jogħġobkom… il-plural ta’ bażilika mhux bażiliki imma bażiliċi!

Hekk bdew il-bażiliċi fil-Knisja Kattolika.

L-Arma u aktar
Umbrellun
Knisja li jkollha d-dinjità ta’ bażilika minuri (jiġifieri kollha ħlief l-4 ta’ Ruma, Lateran, Vatikan, Santa Maria Maggiore u San Polo fuori le Mura,u ż-żewġ bażiliċi Papali ta’ Assisi) ikollha d-dritt li ġġib l-imbrellun bażilikali fuq l-arma tagħha u billi din tkun affiljata, speċi tkun bint ta’ bażilika maġġuri, tkun tista’ turi l-arma tal-Papa fuq il-bieb ewlieni tal-knisja flimkien ma’ dik tal-isqof tad-djoċesi.

Tintinabru
Minbarra dan knisja li tkun bażilika jkollha wkoll l-umrellun bażilikali. Meta kont nistudja Ruma kont staqsejt wieħed saċerdot intiż fuq dawn l-affarijiet u kien qalli li l-umbrellun ta’ bażilika maġġuri għandu jkun tal-bellus filwaqt li dak ta’ waħda minuri għandu jkun tas-satin. L-oriġini tal-umbrellun ma huwa xejn għajr dak ta’ użu prattiku. Kien jintuża biex jipproteġi lill-Papa mir-raġġi tax-xemx. L-ilwien ta’ dan l-umrellum ikunu isfar u aħmar, l-ilwien tal-belt ta’ Ruma. Iżda f’Malta għandna umbrellun ta’ bażilika li huwa abjad. Dan huwa tal-bażilika tal-Porto Salvu u San Duminku tal-Belt. Jingħad li billi l-Papa sal-1814 kien imġiegħel jgħix fi Franza minn Napuljun, meta huwa ta d-dinjità ta’ Bażilika lill-knisja tal-Belt Valletta l-umbrellum ingħata abjad għax il-papa ma kienx Ruma. Imma l-bażilika tal-Belt ingħatat sentejn wara r-ritorn tal-papa minn Franza, iżda t-talba għaliha kienet saret waqt l-eżilju tal-Papa.

Xi ħaġa oħra li naraw f’bażilika huwa t-tintinabru, (Tintinnabulum) dik il-qanpiena mwaħħla ma’ arblu ċkejken li tindaqq sew waqt l-elevazzjoni tal-Ostja u tal-Kalċi fil-quddiesa kif ukoll fil-purċissjoni. L-oriġini ta’ dan ukoll kien wieħed prattiku. Din il-qanpiena kienet tindaqq fil-kantunieri tat-triq biex tavża li jkun hemm il-papa għaddej minn hemm, ovvjament waqt xi purċissjoni għax il-papa mhux se jmur jippassiġġa fit-toroq ta’ Ruma.
Salib papali

Is-salib ta’ fuq il-bażilika wkoll ikun xi ftit differenti minn dak ta’ knejjes oħra. Dan ikollu tliet mindudin, waħda iżgħar minn oħra, minflok waħda bħal ta’ knejjes oħra. Dan jissejjaħ is-salib papali u ġieli kien jidher fl-araldika biex juri li dak li jkun ikun papa. It-tliet injamiet mindudin ifissru l-istess bħalma keinu jfissru it-tleit kuruniu fit-trirenju tal-Papa, li jfissru li l-papa huwa missier is-salten, gvernatur tad-dinja nu vigarju ta’ Kristu.

U l-mazza?
Bosta jassoċċjaw il-mazza kapitulari ma’ bażilika, iżda l-mazza nsibuha f’kolleġġjata. Hawn knejjes li huma kolleġġjati imma mhux bażiliċi (San Lawrenz il-Birgu, Kunċizzjoni Bormla, San Pawl tal-Belt, San Pawl tar-Rabat). Kolleġġjata jfisser li jkollha l-kanonċi. Insibu mbagħad bażiliċi li huma wkoll kolleġġjata bħal tal-Isla, Santa Liena Birkirkara , San Ġorġ, Xagħra, Nadur u Għarb Għawdex. Il-mazza kellha skop li turi li l-kulleġġ, jiġifieri l-kanonċi, għandhom min jiddifendihom. Allura bażilika li ma hiijiex kolleġġjata ma jkolliex mazza u mill-banda l-oġra mazza nsibuha fi knejjes kolleġġjati anke jekk ma jkunux bażiliċi.

Kemm hawn bażiliċi fid-dinja?
L-akbar numru ta’ bażiliċi jinsab fl-Italja. Hemmhekk insibu 557 waħda. Hemm ħafna pajjiżi li fihom insibu bażilika waħda biss. Pajjiżna, fiż-żewġ djoċesijiet issa bl-aħħar waħda tal-Mosta insibu 10, u 4 oħra li ftit jissemmew. (Nazzarenu Sliema, Għar tal-Madonna Rabat, Duluri Ħaż-Żebbuġ u Madonna tal-Patro1inju Għasri)

Madwar id-dinja kollha hawn 1,692 bażilika, iva elf, sitt mija u tnejn u disgħin bażilika. Fl-Afrika nsibu 19-il waħda, fil-kontinent Amerikan insibu 355 filwaqt li fl-Asja għandna 53 waħda. Fl-Oċeanja, insibu 7 bażiliċi filwaqt li l-akbar numru bla dubju nsibuh fl-Ewropa; 1,258 bażilika.

Nistħajjel li bosta wara li raw dawn iċ-ċifri jgħidu f’qalbhom: U allura la hawn dawn il-bażiliċi kollha madwar id-dinja, waħda jew tnejn oħra hemm lok għalihom!!!

Fr Reno Muscat






Nessun commento:

Posta un commento