Fost l-annimali
kollha li nsibu fid-dinja, il-kelb kien l-ewwel wieħed li l-bniedem ħa miegħu
lejn daru u ddomestikah. Il-kelb ġej mir-razza tal-lupu u skont stħarriġ
xjentifiku li sar ftit tas-snin ilu minn Olaf Thalmann, fl-Università ta’ Turku,
fil-Finlandja, dan l-annimal ilu li kien
iddomestikat fl-Ewropa bejn 19-il elf u 32 elf sena. Dan it-tagħrif ma jaqbilx
ma’ dak li jsostnu xi studjużi oħrajn li dejjem qalu li l-kelb kien iddomestikat
fl-Asja orjentali madwar 15-il elf sena ilu. Iżda l-fdalijiet l-aktar antiki
ta’ annimal li jixbaħ il-kelb domestiku nstabu fl-Ewropa u fis-Siberja u jmorru
lura madwar 30 elf sena. Ejjew ma nidħlux f’ dawn il-polemiċi, hu x’inhu kien
hemm żmien biżżejjed biex bejn il-bniedem u l-kelb titrabba ħbiberija kbira.
Intelliġenza jew xiex?
Bosta drabi
nisimgħu min jgħid kemm għandu kelb intelliġenti. Biex inkunu preċiżi dan huwa
żball għaliex l-intelliġenża hija fakultà tal-bniedem biss. Allura l-kelb x’għandu?
Il-kelb u kull annimal ieħor għandu stint u mhux intelliġenza. Biss l-istint
tal-kelb huwa tant żviluppat li kapaċi jitgħallem malajr u kapaċi jagħmel atti
li jgħaġġbu lill-bniedem. Billi l-kelb ilu jgħix mal-bniedem dawn l-eluf ta’
snin kollha, ġie f’kuntatt ma’ miljuni ta’ nies u għalhekk moħħu dara sewwa l-attitudnijiet
u l-ħtiġijiet tal-bniedem. Illum il-kelb domestiku jifhem dak li jgħidlu l-bniedem minkejja li
ma għandux intelliġenza u jaf jirrispondi jew bl-inbieħ jew bl-għemil tiegħu.
Fil-films
Billi l-kelb
jitgħallem malajr, huwa annimal li spiss narawh f’xi film, anzi kien hemm xi
sensiliet jew films u cartoons li l-kelb kien il-protangonist. Lassie, Rin Tin Tin, Inspector Rex, Beethoven,
101 Dalmations, Turner and Hooch, Oliver and Company, Eight below, Lady and the
Tramp u nistgħu nibqgħu nsemmu.
Ma nistgħux ma
niftakrux ukoll fi Pluto u f’Goofy, iż-żewġ karattri klieb maħluqin minn Walt
Disney li fi tfulitna ma konna nixbgħu qatt narawhom u nistqarr li anke llum ma
niddejjaqx jekk ninzerta xi film qasir tagħhom. U dan mhux jien biss, sħabi
bħali jgħidu li l-cartoons ta’ Walt Disney għad għandhom seħer fuqna li
twelidna fis-snin sittin.
Klieb u qaddisin
Max-xbihat ta’ xi
qaddisin ġieli naraw ukoll xi kelb. Santu Rokku jidher dejjem bil-kelb ħdejh.
Jingħad li Rokku qassam ġidu lill-foqra u għex ħajja ta’ pellegrin fqajjar.
Huwa marad bil-pesta u mar jgħix ġewwa għar, bogħod mid-dinja. Hemmhekk kien
kelb li salvah u żammu ħaj. Fieq mill-pesta u kompla l-ħidma tiegħu ġewwa
l-Italja. San Duminku ta’ Ġużman ukoll narawh bil-kelb ħdejh. Jingħad li meta ommu
kienet tqila bih ħolmot b’kelb b’torċa f’ ħalqu, jiġri madwar id-dinja. Din
l-omm marret għand saċerdot ta’ fama qaddisa u qalilha li ser ikollha iben li
jiġri d-dinja u jdawwalha. San Franġisk ta’ Assisi ma jidhrix mal-kelb imma ma’
lupu iżda bosta jaħsbu li dan huwa kelb tal-wolf, iżda jkunu żbaljati.
F’reliġjonijiet
oħra jew f’xi mitoloġiji wkoll insibu l-kelb. Għall-Eġiżjani antiki l-kelb kien
simbolu reliġjuż u għaċ-Ċiniżi l-kelb huwa wieħed mit-tnax-il annimal onorati
fl-astroloġija.
F’xogħol u sport
Il-kelb huwa
wkoll għodda f’xi xogħol partikoalri bħal fit-tfittxija. Il-pulizija, anke dik
Maltija, għandha sezzjoni tal-klieb. Dan is-sezzjoni għandha l-ħidma li tħares
l-ordni pubblika bl-għajununa ta’ dawn l-annimali. Il-klieb ta’ din is-sezzjoni
huma wkoll mgħallmim biex ixommu d-drogi u huma strument imprezzabbli
fil-glieda kontra d-droga. Il-klieb tal-pulizija huma wkoll imħarrġin għal
ħidmiet ta’ salvataġġ u spiss jagħtu wkoll wirjiet.
Jeżistu wkoll
it-tlielaq tal-klieb.Dan huwa sport popolari mal-Ingliżi, biss ma nsibuhx biss
fl-Ingliterra. Sfortunatament il-klieb ġieli jiġġelldu. Dan ma nistgħux inqisuh
bħala sport, l-ewwel ħaġa għax huwa att illegali u t-tieni għax fih krudeltà
kbira fejn ġieli l-kelb tellief jispiċċa mbiċċer jew maqtul.
Ħabib ta’ sidu
Li l-kelb isir
iħobb lil sidu u li għalih lest jagħmel kollox hija xi ħaġa li lkoll nafuha. B’hekk
dan l-annimal ħa t-titlu tal-akbar ħabib tal-bniedem. Fatt klassiku ta’ din
il-ħbiberija nsibuh fl-epika ta’ Omeru, l-Odissea. Argo, il-kelb tal-kaċċa ta’
Odisse, baqa’ jistenna lil sidu li mar Troja. Il-qraba ta’ Odisse kollha nsewh,
ħasbu li ma kienx sejjer jerġa’ lura lejn daru iżda meta dan mar lura wara
għoxrin sena, kien il-kelb tiegħu biss li għarfu u mar jifraħ bih.
Tiskanta kif dan
l-annimal huwa daqstant marbut mal-bniedem. Forsi minħabba l-eluf kbar ta’ snin
li ilu qrib tagħna l-bnedmin. Annimal li sar ħabib kbir tagħna. Imbagħad aħna
l-Maltin għal bniedem kattiv ngħidu li huwa kelb – hawnhekk żgur li niżbaljaw!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento