Bħalma jeżistu postijiet differenti minn xulxin hekk ukoll jeżisti lbies
differenti li jkun adattat għall-post li tkun sejjer fih. Jekk tkun sejjer
il-baħar ħadd ma jistenna li tilbes il-ġlekk u l-ingravata bħalma jekk tkun
sejjer il-knisja ma għandekx tmur bi lbies li jixraq biss għal xatt il-baħar.
Rispett
Tajjeb li nuru rispett lejn il-post li nkunu sejrin fih anke permezz ta’
ħwejjiġna minkejja li ż-żminijiet tal-lum huma aktar pemessivi minn dawk ta’
ftit snin ilu. Pereżempju min qatt kien jobsor li fl-università student imur
b’T shirt? Ftit għexieren ta’ snin ilu l-ingravata u l-glekk kienu kważi
obbligu fil-campus. Insomma llum mhux l-ilbies biss inbidel hemmhekk, inbidel
kollox! U xi ngħidu għall-qorti? L-irġiel kollha bil-ġlekkijiet u n-nisa kienu
obbligati jxiddu l-velu fuq rashom. Illum l-affarijiet inbiddlu u l-velu fuq
ras in-nisa nemmen li hawn min qatt ma rah f’għomru. Madanakollu xorta ċerti
postijiet ma jixraqx li jintlibes ilbies mhux adattat fihom, u wieħed minn dawn
il-postijiet huwa l-knisja.
X’nilbes fil-knisja?
Il-knisja ma huwiex il-post fejn fix-xitwa nuri kemm għandi ħwejjeġ lussużi
fil-gwardarobba u daqstant ieħor ma huwiex il-post fejn fis-sajf nitperreċ.
Hemm ilbies u lbies. Hemm ilbies li għad li jkun diċenti xorta waħda lanqas
huwa postu fil-knisja. Flokkijiet jew gerijiet ta’ timijiet tal-futbol posthom
jixraq fi grawnd u mhux taħt is-saqaf tal-knisja. Minkejja li la jkunu skullati
u lanqas indiċenti inaqqsu mid-dekor tal-post. L-istess ngħid għall-flokkijiet
tal-każini tal-banda. Fi żmien il-festa naraw bosta minn dawn il-flokkijiet.
Huma immirati biex jintlibsu fil-marċijiet imma sfortunatament naraw lil min
jilbishom anke fil-knisja. Biex ngħid id-dritt, nippreferi żgħażagħ bil-flokk
tal-festa fil-knisja milli knisja mingħajr żgħażagħ. Immaġina bniedem li jmur il-knisja b’ T Shirt
ta’ partit politiku, żgur li jġib l-istmerrija mhux biss ta’ min ma jaqbilx
miegħu politikament imma anke ta’ dawk li jissimpatizzaw mal-partit. Ngħid is-sewwa
qatt ma rajt lil ħadd bi lbies ta’ xi partit politiku fil-knisja imma
b’gerijiet tal-futbol u b’T Shirts tal-festa rajt ħafna.
Mhux vetrina
Diġà ktibt li l-knisja ma huwiex il-post fejn nuru xi lbies għandna. Fejn
jidħol ilbies tajjeb ukoll insemmu il-ġojjellerija. Kemm jistona raġel b’katina
tad-deheb tiżen xi żewġ kili imdawra ma’ għonqu. U kemm tistona mara li tmur
il-knisja armata donnha vetrina minn ta’ ħanut tad-deheb li nsibu fi Strada
Santa Lucija l-Belt. Li mara jkollha ħajta deheb fuqha hija ħaġa aċċettata imma
ż-żejjed kollu żejjed.
U xi ngħidu għax-xidd fir-riġlejn. Karkur pulit ma jistonax fil-knisja
matul ix-xhur tas-sajf, imma flip flop
ma jixraqx għal hemm. Il-flip flop
ħallih għal meta tmur tgħum. U l-istess ngħidu għall-flokkijiet taċ-ċingi. Biex
ngħid id-dritt rari kienu l-każi fejn rajt xi raġel bi flokk taċ-ċingi
fil-knisja u meta dan seħħ aktarx li kien xi barrani. Fejn jidħlu n-nisa tajjeb
li dawn iżommu f’moħħom li t-tperriċ u l-kxif ma jmurx fil-knisja għalhekk
tajjeb jaħsbu sewwa qabel jitilqu mid-dar, speċjalment jekk ikunu sejrin xi
tieġ. Hawnhekk tajjeb inħeġġu aktar knejjes jipprovdu bċejjeċ tad-drapp ħdejn
il-bibien biex dak li jkun jixtieq jidħol il-knisja u ma jkunx liebes diċenti,
isib biex jitgħatta.
Fuq kollox tajjeb inżommu f’moħħna li post sagru jixraqlu rispett u
komportament tajjeb anke fil-mod li nilbsu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 8 ta' Lulju 2018
Nessun commento:
Posta un commento