venerdì 20 luglio 2018

Il-ħolqien ta’ Adam


Għalina l-Maltin il-belt ta’ Ruma hija l-ewwel għatba lejn il-kumplament tad-dinja. Inħossuna bħal obbligati li tal-inqas darba f’ħajjitna mmorru nżuru lil din il-belt meraviljuża, belt li tiġbor fiha eluf ta’ snin ta’ storja, belt li jkun hemm min jivjaġġa eluf ta’ kilometri biex iżurha, hemm min imur min-naħa l-oħra tad-dinja biex jara x’toffri din il-belt hekk imsejħa “Eterna”. Għalina Ruma hija waħda mill-eqreb destinazzjonijiet li nistgħu nżuru; titjira ta’ siegħa u minn din id-daqsxejn ta’ ġżira nispiċċaw fil-belt li hija r-reġina tal-arti tal-istorja u tal-kultura.

Ladarna nkunu Ruma naraw il-Papa! Hekk ngħidu aħna l-Maltin u tassew huwa hekk għaliex bosta Maltin iżuru Pjazza San Pietru nhar ta’ Ħadd għall-Angelus tal-Papa ladarba jkunu hemm, imma Ruma mhux il-Papa biss hemm x’tara, hemm ħafna aktar minn hekk u kull min iżur din il-belt ma jibqax lura milli jara kemm jista’ minn dak li nsibu fil-belt kapitali Taljana.

Mużew
Ruma fiha nnifisha hija mużew u kull pass li tagħmel tkun qed tagħmlu fuq art mimlija storja, imma barra minn dan kollu, din il-belt toffri għadd kbir ta’ mużewijiet li fihom insibu bosta opri ta’ arti jew ħwejjeġ ta’ storja. Wieħed mill-aktar mużewijiet imfittxijin mit-turisti huwa dak tal-Vatikan. Biex ngħidu s-sewwa hawn insibu għadd ta’ mużewijiet magħqudin flimkien u għalhekk nistgħu insejħulhom il-mużewijiet tal-Vatikan u mhux il-mużew! Meta wieħed iżur dan il-post iżur ukoll il-kappella famuża mad-dinja kollha magħrufa bħala l-Kappella Sistina.

Il-Kappella Sistina. Inbniet bejn l-1475 u l-1481 fi żmien il-Papa Sistu IV (1471 – 1484). Fil-fatt isimha  ħaditu minn isem il-Papa li fi żmienu nbniet. Hija kappella magħrufa mad-dinja kollha kemm għax fiha jsiru l-konklavi għall-għażla tal-Papa kif ukoll għax fiha nsibu xi wħud mill-opri tal-arti l-aktar sbieħ. L-affreski li nsibu hawnhekk jitqiesu bħala teoloġija mpittra, imsejħa bosta drabi il-Bibbja tal-foqra. Biex titpitter din il-bibbja tal-foqra intgħażelu l-aħjar artisti tal-epoka fosthom Michelangelo (1475 -1564). Sewwasew fin-nofs tas-saqaf insibu l-pittura tal-ħolqien ta’ Adam, pittura magħrufa mad-dinja kollha u li fiha bosta x’wieħed jgħid fuqha.

Il-moħħ
L-isfond juri bħal moħħ
Il-pittura tal-ħolqien ta’ Adam hija maqsuma f’żewġ partijiet, fuq naħa nsibu lill-Missier Etern fuq sfond ħamrani skur u fuq in-naħa l-oħra nsibu lill-Adam fuq blata. Is-sebgħa l-werrej tal-id il-leminija ta’ Alla qiegħed kważi jmiss mas-sebgħa l-werrej tal-id xellugija ta’ Adam, sinjal li se jingaħta l-ħajja. L-id ix-xellugija ta’ Alla qegħda sserraħ fuq persuna li bosta jsostnu li tirrappreżenta is-Sapjenza, jew aħjar l-Għerf ta’ Alla l-Ħallieq. Jidhru għadd ta’ persuni oħra, donnhom anġli li bħal qed idawru dawra mejt lill-Ħallieq.

Jekk wieħed jifli sewwa l-isfod ta’ din il-parti jinduna li l-forma ħamra skura li nsibu wara din ix-xena għandha forma ta’ moħħ uman. Hemm min isostni li Michelangelo ried juri li Alla ħalaq kollox bl-għerf u li l-akbar opra tal-għerf tiegħu kien il-ħolqien tal-bniedem, ippersonifikat f’Adam. Xejn ma hu ddokumentat dwar dan il-ħsieb, imma min jgħid hekk ma nistgħux inlumuh li jaħseb din il-ħaġa għaliex Alla huwa l-moħħ li jaħlaq.

Il-blata ta’ Adam
Il-blata ta' Adam
Il-figura ta’ Adam tidher mixħutha fuq blata. Xejn speċjali nistħajjilkom tgħidu; hija ħaġa minn għawl id-dinja li persuna titpinġa fuq blata. Imma l-blata li fuqha jidher impitter Adam hija blata partikolari, hija blata li teżisti tassew.

Għal xi żmien missier Michelangelo kien jgħix ġo dar fir-raħal imsejjaħ Chiusi Della Verna, fit-Toskana, sewwasew fil-provinċja ta’ Arezzo. Quddiem din id-dar hemm il-blata li hija mpittra taħt Adam fil-Kappella Sistina. Anke fl-isfond jidher dak li kien jidher u għadu jidher sal-lum, mid-dar ta’ missier l-artist il-muntajna La Verna, il-post fejn San Franġisk ta’ Assisi rċieva l-pjagi. Michaelangelo ma tant huwa magħruf għall-paesaġġi imma l-isfond ta’ Adam f’din l-opra tal-arti huwa tabilħaqq ċar li wieħed jistħajjel li l-artist kien fuq il-post meta kien qiegħed ipitter. Ovvajment nafu li dan ma seta jkun qatt għaliex l-affresk sar fil-post, iżda l-memorja ta’ Michelangelo f’dar missieru u dak li kien jara minn quddiem id-dar jew forsi minn xi tieqa, baqgħu mwaħħlin f’moħħu bid-detallji kollha. Hemm xi każi oħra fejn dan l-istess artist pinġa xena li kien familjari magħha bħala sfond imma llum nibqgħu fuq din l-opra biss.

Illum il-post fejn tinsab din il-blata sar magħruf bħala La Roccia di Adamo, il-blata ta’ Adam u bosta turisti saru jżuru din id-daqxejn ta’ blata. Biex ngħidu d-dritt dak li jkun ma joqgħodx imur biex jara l-blata, imma billi ftit kilometri bogħod hemm il-bażilika ta’ La Verna, post imfittex għall-pellegrianġġi, bosta japprofittaw ruħhom u jżuru din il-blata wkoll.

Jekk tkun ’l hemm titħajjar tmur taraha din il-blata?

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Lulju 2018





Nessun commento:

Posta un commento