Visualizzazione post con etichetta spirtu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta spirtu. Mostra tutti i post

lunedì 23 dicembre 2019

L-ispirtu tal-Milied


Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw dak li niċċelebraw kull  nhar il-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.

L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt, ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent, fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.

La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied. Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk: “L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja, bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’ ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.

L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’ pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied. L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log, il-pudina tal-Milied u l- mince pies. Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ. Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.

Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.

Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma, maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.

Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.

Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel. Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Diċembru 2019






domenica 4 novembre 2018

Novembru: ix-xahar tal-erwieħ


Aħna l-bnedmin nafu dak li nafu għaliex xi darba nkunu staqsejna u skont it-tweġibiet li ġejna mogħtijin aħna bnejna bagalja ta’ tagħrif li biż-żmien jinbidel f’għerf.

Minn meta nibdew nużaw il-fakultà tar-raġuni hija ħaġa normali li nibdew nistaqsu: x’inhi dik il-ħaġa, għalfejn dak l-oġġett, min hu dak il-bniedem, x’jagħmel dak it-tali, kif dik u kif l-oħra. Bil-mod il-mod it-tagħrif li nkisbu jgħallimna bosta ħwejjeġ li l-ebda skola jew università ma tgħallimhom, imma nitgħallmuhom mill-università tal-ħajja. Għalhekk ngħidu spiss li l-aqwa għalliema hija l-ħajja stess.

Aħna nikbru u ninbidlu. Ma nibqgħux aktar tfal żgħar imma nsiru adolexxenti, imbgħad żgħażagħ, adulti sakemm insiru xjuħ. U qed nuża l-kelma xjuħ mhux anzjani għax minbarra li hija l-kelma tabilħaqq Maltija, fiha wkoll sens ta’ wieħed għaref. Fi żmien Kristu konna nsibu ix-xjuħ tal-poplu, dawk li saru għorrief permezz taż-żmien u forsi gradwaw mill-università tal-ħajja. Il-kelma xiħ ma hijiex kelma dispreġġjattiva, lanqas xejn imma fiha sens ta’ rispett u gratitudni lejn min laħaq mexa ftit sewwa fit-triq tal-ħajja.

Il-ħajja hija vjaġġ
San Pawl jgħidilna li “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20). Mela fi kliem ieħor postna mhux f’din id-dinja. Mela allura fejn? F’waħda mid-diski tas-snin tmenin, jidhirli tal-grupp Aerosmith, kien hemm il-kliem “Life is a journey not a destination”, toqgħodux fuqi dwar il-grupp imma ħudu s-sens ta’ din is-sentenza u qabbluha ma’ dak li qalilna San Pawl. Jidher li kemm il-qaddis kif ukoll il-kittieb tad-diska jaqblu bejniethom li bħalma jgħid il-Malti, b’riħ jew b’riefnu minn din id-dinja rridu nsiefru! Irridu jew ma rridux xi darba trid tmissna din ix-xorti wkoll. Imma fejn sa mmorru? Din hija mistoqsija li nagħmlu aħna l-kbar u li ħafna drabi nippruvaw insibu tweġiba għaliha aħna stess. Il-bniedem huwa maħluq biex jgħix u allura l-mewt tidher bħala kontradizzjoni, imma billi l-bniedem huwa annimal superjuri għax għandu parti spiritwali ġewwa fih, meta l-ġisem jintemm, dik il-parti spiritwali ma jistax ikun li tintemm, għax hija spirtu. Dik il-parti spiritwali tagħna tibqa’ tgħix għal dejjem u għalhekk min jgħid li l-bniedem jintemm fix-xejn mal-mewt, ikun qiegħed ipoġġi lill-bniedem fuq l-istess livell ta’ annimal irrazzjonali bħall-kelb, il-qattus, il-ħmar u l-qasqus. Iżda l-bniedem għax għandu parti spiritwali ġewwa fih huwa bil-wisq aqwa minn dawn l-annimali. Biss biss il-fatt li inti qed taqra dak li ktibt jiena diġà jpoġġik fi grad bil-wisq superjuri għall-annimali. Liema annimal kapċi jaqra l-gazzetta? L-ebda wieħed. Aħseb u ara jitla’ fuq il-qamar, itawwal il-ħajja bil-mediċini li jiskopri, joħloq intelliġenza artifiċali…. U nistgħu nibqgħu sejrin.

Mhux it-tmiem
Għalhekk fix-xahar ta’ Novembru niftakru fil-mejtin tagħna għax nemmnu li l-parti spiritwali li kellhom issa ħarġet mill-ġisem li kien iżommu fih u sab il-qofol, il-milja tal-eżistenza tiegħu. Ma rridx nuża kliem bħal “ruħ, ġenna, sema, salvazzjoni” eċċetra għaliex dawn huma termini purament reliġjużi, iżda l-mewt ma tmissx biss lil min jemmen, dak huwa pass li kulħadd irid jagħmlu. Temmen jew ma temminx ikollok tammetti li inti aqwa minn annimal kwalunkwe u dan għax għandek ir-raġuni li hija l-parti spiritwali ġewwa fik. Kulħadd isejħilha li jrid lil din il-fakultà, imma ħadd ma jista’ jinnega li teżisti.

Għalhekk niftakru fil-mejtin tagħna fix-xahar ta’ Novembru u nsejħulhom “erwieħ”għax nafu li minkejja li l-ġisem jitmermer u jsir trab, l-ispirtu ta’ ġol-ġisem jibqa’ għal dejjem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 4 ta' Novembru 2018