Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw
dak li niċċelebraw kull nhar il-25 ta’
Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn
il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.
L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn
kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa
bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt,
ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment
li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent,
fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u
bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax
kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied
jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.
La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied.
Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk:
“L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn
il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu
grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell
għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll
il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti
tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja,
bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’
ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak
li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit
aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier
u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.
L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’
pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel
insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied.
L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex
kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal
fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log,
il-pudina tal-Milied u l- mince pies.
Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull
ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa
tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ.
Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u
għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti
li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.
Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li
jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra
u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw
fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma
jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal
jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti
ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.
Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li
mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom
wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna
imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla
livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma
opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll
għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma,
maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom
tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna
qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi
dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.
Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija
hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa
u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma
tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din
il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni
f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.
Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel.
Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla
flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu
li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.
Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’
ferħ, paċi, hena u saħħa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Diċembru 2019
Nessun commento:
Posta un commento