L-ewwel ta’ Jannar huwa
l-jum li kważi d-dinja kollha tqisu bħala l-bidu ta’ sena ġdida, biss dan ma kienx
minn dejjem hekk. Tabilħaqq li l-kalendarju ħolqu l-bniedem wara li osserva
sewwa id-dinja u ntebaħ li hemm ċiklu li jirrepeti ruħu kull 365 jum iżda ma
hemm xejn matul is-sena li jindika bidu. Għalhekk kellu joħloq dan il-bidu hu.
L-ewwel tas-sena hija
festa mill-aktar antika għalkemm mhux minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata
fil-jum li niċċelebrawha llum. Aktarx li t-twelid tad-drawwa li jiġi ċċelebrat
il-bidu ta’ sena ġdida beda fi żmien il-Babiloniżi, bosta eluf ta’ snin ilu.
Dawn kienu jiffesteġġjaw il-bidu tar-Rebbiegħa b’festa li kienet iddum ħdax-il
ġurnata. Sa dak iż-żmien diversi kulturi kienu jużaw kalendarji differenti, xi
wħud isegwu ċ-ċiklu tax-xemx u oħrajn isegwa dak tal-qamar u għalhekk kienu
differenti minn xulxin. Biex inżommu s-suġġett tal-ewwel tas-sena, allura
jkollna ngħidu li lanqas fil-Babilonja, fejn ingħata bidu għaċ-ċelebrazjonijiet
ta’ dawn il-festi, ma kien ikun l-ewwel ta’ Jannar il-bidu ta’ sena ġdida.
L-Imperu Ruman
Il-qawwa ta’ Imperu Ruman
kienet waħda enormi li wasslet biex parti kbira mid-dinja ta’ dak iż-żmien
tgħaddi taħt idejh. Il-Mediterran kien iċ-ċentru tad-dinja u Ruma l-Kapitali.
Minħabba d-diversi kulturi li kien hemm fil-konfini ta’ dan l-Imperu inħasset
il-ħtieġa li ż-żmien jibna jitkejjel l-istess kullimkien għax b’kalendarji
differenti kien faċli ħafna li wieħed jitħawwad. L-Imperatu Ġulju Ċesri fassal
kalandarju ġdid għall-Imperu Ruman kollu. Dan il-kalendaru beda jintuża
fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 45 Qabel Kristu. Issa s-sena bdiet tibda
uffiċjalment kull l-ewwel ta’ Jannar.
Sehem il-Knisja
Il-kalendarju Ġuljan ma
kienx perfett mija fil-mija minkejja li kellu saħansitra sena bisestili kull
erba’ snin. Biex jiġi kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet il-Papa Gregorju XIII
introduċa kalendarju ġdid f’Ottubru tas-ena 1582. F’dik is-sena l-għada tal-4
ta’ Ottubru ma kienx il-5 tax-xaahr imma il-15. Dan irregola aktar il-jiem
ta-sena mad-dawran tax-xemx, li wara kollox magħha jimxi l-kalendarju ċivili
użat minn kważi d-dinja kollha. Qed ngħid kważi għax fadal fejn jintużaw
kalendarjinoħra biss dawn huma ftit u jadattaw ruħhom għall-kalendarju
Gregorjan ukoll.
X’festeġġjamenti
Sa ftit snin ilu
f’pajjiżna ma kinux isiru festeġġjamenti fuq skala nazzjonali fil-lejl li jtemm
sena u jibda oħra. Illum l-istorja hija differenti u ftit ftit daħlet anke d-drawwa
li l-Maltin jiċċelebraw dan il-lejl fil-pjazez fejn qabel konna ngħadduh jew mal-familja
jew f’xi ristorant.
F’pajjiżi barranin din
id-drawwa ilha li bdiet. Ġieli kont barra minn Malta f’dan il-lejl u rajt
drawwiet differenti imma ħafna drabi l-festeġġjamenti ma jkunux neqsin
mil-logħob tan-nar. Fi Sqallija rajt il-festa tan-nar, manifestazzjoni
mill-isbaħ b’għadd kbir ta’ nar differenti. Fl-Albanija rajt il-folla tispara
stoppini żgħar, u kultant ħtija tax-xorb żejjed li spiss jikkaratterizza dan
il-lejl, xi stoppin minflok jitla’ ’l fuq jimxi b’mod orizzontali. Fl-Ungerija
rajt nar flimkien ma’ laser show tal-ġenn, f’kesħa xxoqq il-għadam fejn kelli
nistenna ħames sigħat biex insib taxi twassalni lura għax il-ferroviji kienu
waqfu minħabba l-biża’ tal-millenium bug. U xi ngħidu għall-Italja. Fl-Umbrija
lejl kiesaħ imma mimli ferħ, Ruma nar u xampanja u ma nistax ma nsemmix Napli.
Qatt ħajti ma rajt is-sema b’daqstant ilwien. Kull roqgħa fis-sema ssir
ikkulurita hekk kif idoqq nofsillejl.
Riżoluzzjonijiet
Il-bidu ta’ sena ġdida
huwa wkoll il-jum fejn dak li jkun jiddeċiedi li jibdel xi ħaġa f’ħajtu.
L-aktar riżoluzzjoni li ssir hija dik tad-dieta, imma hija wkoll l-aktar waħda
li ma tinżammx. Hawn min jiddeċiedi li mis-sena l-ġdida ma jpejjipx aktar,
jibda jmur jimxi jew jagħmel aktar eżeċizzji fiżiċi. Mhux għax hija xi ħaġa
ħażina li bniedem jagħmel riżoluzzjoni għax din aktarx tkun biex ittejjeb
il-ħajja ta’ dak li jkun, imma ippermettuli nagħmel mistoqsija: Hemm bżonn
jasal l-ewwel tas-sena biex tieħu deċiżjoni u twaqqaf xi ħaġa li ilha ddejqek
jew li tibda xi ħaġa li tassew għandek bżonnha?
Mhux bil-fors, imma aktarx li bis-saħħa ta’ bidu ta’ sena ġdida dak li
jkun għandu mnejn jagħmel kuraġġ jibda
xi ħaġa mill-ġdid, jibdel xi ħaġa minn ħajtu. Jalla r-riżoluzzjonijiet li
nagħmlu nżommuhom. Ħabib tiegħi qalli li se jagħmel riżoluzzjoni li ma jagħmilx
aktar riżoluzzjonijiet għax qatt ma jirnexxielu jżomm imqar waħda! Affari
tiegħu!
Sena ġdida bidu ġdid.
Tassew li l-ewwel ta’ Jannar intgħażel mill-bniedem biex jimmarka bidu ta’ sena
ġdida għax il-kalanedarju ħolqu wkoll il-bniedem. Sena ġdida ta’ min jaf
kemm-il tama, ta’ min jaf kemm-il xewqa, ta’ min jaf kemm ġrajjiet li sejrin
iseħħu, ta’ min jixtieqhom u jistenniehom u ta’ min lanqas qatt ikun ħolom li
jistgħu jseħħu! Hu x’inhu, nawguralek is-sena t-tajba, mimlija b’dak kollu li tixtieq
qalbek.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Diċembru 2019
Nessun commento:
Posta un commento