Nhar it-8 ta’ Diċembru li għadda,
fil-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, li ġiet imwaqqfa bħala kolleġġjata nhar
it-30 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, twaqqaf l-ewwel kapitlu fiha. Fost l-għaxar
kanonċi ġodda kien hemm jiena wkoll.
Minkejja li ma tlabtx jien biex
insir kanonku, ikolli nistqarr li fraħt mhux ftit b’dan l-unur li l-parroċċa
tiegħi tatni. Bosta Qriema kienu jistaqsuni jekk kontx ser inkun mal-ewwel
grupp ta’ kanonċi u jiena dejjem weġibt li ma kontx naf, sakemm kelli d-digriet
tal-Kurja Arċiveskovili f’idejja. Ma nħobbx ngħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu!
Kanonku…. Xi jkun?
Ħafna Maltin żgur li xi darba jew
oħra semgħu bil-kelma kanonku, imma minn meta sirt kanonku, indunajt li ftit
huma dawk li jafu sewwasew xi jkun kanonku.
Nibda biex ngħid li kanonku huwa
dak is-saċerdot li jagħmel parti minn grupp ta’ saċerdoti li jiffurmaw kapitlu.
L-għan tal-kapitlu hu li jitlob flimkien u li jsebbaħ il-funzjonijiet liturġuċi
li jsiru f’dik il-knisja li allura tissejjaħ kolleġġjata. Dan id-dover huwa
wkoll tal-kanonċi tal-katidrali li jissejħu monsinjuri.
Fost il-kanonċi jeżistu dawk hekk
imsejħa effettivi kif ukoll dawk li jissejħu onorarji. Effettivi huma dawk
il-kanonċi li jkollhom dmirijiet u obbligi speċifiċi fil-kolleġġjata, onorarji
ma jkollhomx obbligi imma jkollhom biss l-unur li jiffurmaw parti minn dak
il-kapitlu. Issa billi jiena saċerdot reliġjuż, jew fi kliem ieħor, jiena patri
Dumnikan, diġà nagħmel parti mill-kapitlu tal-kunvent li fih qiegħed assenjat,
fil-każ tiegħi dak tal-Madonna ta’ Fatima tal-Pietà, għalhekk ma nistax inkun
effettiv f’żewġ kapitli. F’dan il-każ jiena kanonku onorarju tal-kolleġġjata ta’
Ħal Qormi.
Jagħmel sens li tkun kanonku?
Xi wħud jistaqsu kemm illum
il-ġurnata dawn it-titli għadhom jagħmlu sens. Illum, meta l-maġġoranza
tal-poplu Malti minkejja li jistqarr li huwa Kattoliku ma jersaqx lejn
il-knisja? Ikolli nistqarr li fl-opinjoni tiegħi il-maġġoranza tal-Maltin
għadhom japprezzaw dawn it-titli l-aktar fi rħula u bliet bi tradizzjonijiet
antiki. Hu għalhekk li l-kapitlu għandu jistudja sewwa kif jista’ jiġbed aktar
Insara lejn il-bankijiet tal-knisja. Dan huwa wieħed mid-dmirijiet tal-kapitlu
u fl-opinjoni tiegħi hawn bosta dawk li qegħdin jippruvaw jagħmlu dan.
Bħalma diġà għidt, jiena ġejt
maħtur kanonku onorarju u allura ma għandix wisq setgħa fil-kapitlu. Allura
jkun hawn min jistaqsi għalfejn ġejt magħżul. Il-kolleġġjata li llum nagħmel
parti mill-kapitlu tagħha, anke jekk biss bħala unur hija dik il-knisja
parrokkjali li fit-territorju tagħha rajt id-dawl. Jien ma twelidx l-isptar
imma xħin xbajt ħabbatt il-bieb u ħriġt bla ma tajt ċans ta’ xejn. Fil-fonti ta’
din il-knisja għammduni, sirt nifforma parti mill-Knisja Universali propju hemm
ġew. Fiha rċivejt l-ewwel sagramenti, l-ewwel tqarbina, l-ewwel qrara, fiha għamilt
il-Griżma tal-Isqof. F’din il-knisja għaddejt ħafna ħin noffri s-servizzi
tiegħi bħala helper u quddiem it-tabernaklu tagħha tlabt għal bosta sigħat biex
il-Mulej jurini t-triq li jridni nieħu. Fiha wkoll professajt fil-ħajja
reliġjuża, hemm wiegħedt lil Alla li nibqa’ tiegħu sal-mewt. Fiha ċċelebrajt
l-ewwel quddiesa solenni tiegħi. F’din il-knisja saru l-funerali tan-nanniet u
l-bużnanniet tiegħi. Hawnhekk iċċelebrajt il-funeral ta’ ommi. Din il-knisja
hija parti minn ħajti, parti mill-istorja tiegħi u l-istorja ta’ familti. Forsi
għalhekk ħafna Qriema stennew li jien inkun kanonku tal-kolleġġjata Ġorġjana.
Kieku sirt kanonku onorarju ta’ xi kolleġġjata oħra, fejn ma għandi l-ebda
rabta, la jien jew tal-anqas il-ġenituri tiegħi, kienet tkun ħaġa teatrali,
azzjoni fażulla, ħaġa kosmetika, hekk biex ngħid “Jien kanonku!”, imma r-realtà
tiegħi hija konkretament marbuta ma’ din il-kolleġġjata. B’dan il-ħsieb biss
ġewwa moħħi llum ngħid li għamluni kanonku tal-kolleġġjata li hija parti minni
u minn ħajti. B’din il-prospettiva biss jagħmel sens li nkun kanonku.
Allura se tħallina?
Minn ċerti mistoqsijiet li
għamluli xi ħbieb indunajt kemm hawn nuqqas ta’ tagħrif dwar dan il-qasam, u għalhekk
ktibt dan l-artiklu llum. Xi ħbieb minn Tal-Pietà staqsewni jekk issa li sirt
kanonku kontx sejjer nitlaq mill-parroċċa tagħhom. Ovvajment weġibthom li le.
Mill-banda l-oħra xi Qormin staqsewni jekk hux ser nibda nagħti servizz
fil-parroċċa b’mod regolari u t-tweġiba kienet l-istess bħalma tajt
lill-Pjetaniżi. Li tkun kanonku onorarju huwa unur mogħtli li xi saċerdot li
aktarx ikun minn dik il-parroċċa jew ikollu xi rabta diretta u speċjali magħha.
Bla dubju, dan l-unur ma jibdel xejn minni, l-ogħla don irċivejtu
fl-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi. L-investitura bħala kanonku hija pass
fil-mixja saċerdotli, huwa unur li ġie mogħti lili imma ma jissuperax
is-sagrament tal-Ordni Sagri.
F’dawn il-ftit ġimgħat indunajt
kemm f’Malta għad hawn interess fejn jidħol tagħrif dwar dawn l-affarijiet. Naħseb
li llum iċċarajt xi ftit mid-diffikultajiet li hawn fejn tidħol il-Knisja.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fIn-Nazzjon - 4 ta' Jannar 2020
Nessun commento:
Posta un commento