Bosta qaddisin għandhom assoċjat magħhom xi simbolu u fost
is-simboli ġieli nsibu xi annimal. Hekk pereżempju ma’ San Ġorġ u Santa
Margerita hemm marbut l-annimal mitoloġiu tad-dragun, ma’ San Ġiljan kif ukoll
ma’ San Ewstakju naraw ċerv filwaqt li ma’ San Duminku kif ukoll ma’ Santu
Rokku dejjem naraw daqxejn ta’ kelb ħdejhom. Lil San Franġisk ta’ Assisi ġieli
narawh b’lupu ħdejh filwaqt li lil San Martin de Porres ġieli narawlu ħdejh xi
qattus kif ukoll anke xi ġurdien. Imbagħad hemm dak il-qaddis li fejnu naraw
qażquż żgħir. Dan huwa Sant Anton Abbati jew kif insibuh aħna l-Maltin, Sant
Anton tal-ħanżira.
Anton u Antnin
Ħaġa żgħira biex min ma jkunx midħla tal-istejjer
tal-qaddisin jitfixkel żewġ qaddisin billi jisimhom kważi l-istess. Qed ngħid
għal Sant Anton Abbati u Sant Antnin ta’ Padova. Anzi bil-Malti huma żewġ ismijiet
differenti għax fl-Italja t-tnejn li huma jissejħu Antonio. San Anton twieled fl-Eġittu u għex lejn
in-nofs tas-seklu IV filwaqt li Antnin twieled f’Lisbona imma għex ħafna minn
ħajtu fl-Italja u jinsab midfun f’Padova, il belt li rabat ma’ ismu.
Il-qaddis li jġib miegħu l-ħanżira huwa l-Abbati. Abbati
mhux dak it-tifel li jgħin lis-saċerdot waqt il-quddiesa imma huwa dak li
jmexxi monasteru jew abatija, għalhekk abbati.
Monasteru huwa l-post fejn jgħixu numru ta’ rħieb. X’inhuma dawn
l-irħieb? Huma speċi ta’ patrijiet tal-klawsura– eremiti jew le, li matul
is-snin sawru l-fenomenu tal-monakiżmu.
Monakiżmu
Il-monakiżmu kien fenomenu f’bosta reliġjonijiet. Hemm
dejjem il-problema tal-oriġini tal monakiżmu. Kemm tassew twieled għal
raġunijiet spiritwali? Huwa tassew espressjoni tal-Kristjaneżmu? Le,
għax l-irħieb insibuhom ukoll fil-Ġudaiżmu, fil-Buddiżmu u f’reliġjonijiet
Eġizzjani. Nafu li l-Lhud kellhom komunitajiet ta’ rħieb, jissejħu Esseni, bħal
dik ta’ Qumran. Hemm dawk li jgħidu li l-monakiżmu Kristjan huwa
imitazzjoni ta’ monakiżmu ieħor aktar antik. Imma fil-monakiżmu Kristjan hemm
il-motiv, l-imitazzjoni ta’ Kristu, ħaġa li ma tinstabx f’monakiżmu ieħor u
hija propju dil-ħaġa li tagħmel il-monakiżmu Kristjan uniku.

L-akbar persunaġġ fejn jidħlu l-irħieb fl-ewropa huwa San
Benedettu ta’ Norċja. Dwar dan il-bniedem ftit li xejn nafu u hemm min jgħid li
mhux vera kien jeżisti. Il-Papa Gregorju l-Kbir fil-ktieb tiegħu ‘Libro
dei Dialoghi’, li kien jiġbor il-ħajjiet ta’ qaddisin Taljani, kiteb
il-ħajja ta’ San Benedettu. Il-ħajja ta’ dan il-qaddis kif miktuba minn
dal-Papa tixbaħ ħafna l-ħajja ta’ San Anton Abbati miktuba minn Atanasju.
U l-ħanżira fejn
tidħol?
Sa issa semejna lill-qaddis u ma semmejna xejn dwar
il-ħanżira li tant hija marbuta ma’ dan il-qaddis.

Tberik tal-annimali
Mal-festa ta’ dan il-qaddis, li taħbat fis-17 ta’ Jannar,
hemm ukoll marbuta d-drawwa li jitbierku l-annimali. Illum sirna nsibu bosta
annimali domestiċi li qabel lanqas biss konna noħolmu li nżommuhom id-dar.
Pereżempju l-fenek kien jidħol id-dar biex jispiċċa moqli jew stuffat. Illum
le.
Malta ssir il-festa ta’ dan il-qaddis fir-Rabat u Għawdex
fix-Xagħra fejn hemm kappella ddedikata lilu. Fil-Mosta, fejn issirlu festa wkoll u fil-palazz
tal-Buskett insibu kappelli ddedikati lil San Anton tal-ħanżira filwaqt li dik
tal-Għammieri, limiti tar-Rabat hija ddedikata lill-Kunċizzjoni u San Anton
Abbati.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Jannar 2020

Nessun commento:
Posta un commento