Waħda mill-aktar
bliet magħrufin fil-Majjistral tal-Italja hija dik li ġġib l-isem ta’ San Remo.
Din tinsab ma’ xatt il-baħar fir-reġjun tal-Ligurja, mhux bogħod wisq
mill-fruntiera Franċiża. Żgur li kulħadd sema’ b’din il-belt minħabba l-festival
tal-kant li jsir fiha ta’ kull sena. L-ewwel darba li żort din il-belt kont
għadni daqsxejn ta’ tifel ta’ seba’ snin. Dak iż-żmien fis-sajf missieri kien
joħodna ngħumu x-Xemxija taħt Għajn Rażul. L-ewwel impressjoni li ħadt ta’ din
il-belt sabiħa kienet li stħajjiltha x-Xemxija fil-kobor. Meta tkun għadek tfal
l-immaġinazzjoni tkun fertili ħafna. Niftakar li qabbilt dawk il-yachts lussusi
li kienu sorġuti qrib ix-xatt ta’ San Remo mal-ħafna dgħajjes li kien ikun hemm
marbutin qrib il-passaġġ tal-konkos mal-baħar tax-Xemxija. Intant ejjew nerġgħu
lura lejn San Remo!
Isem
Mill-ewwel
nintebħu li isem din il-belt hu marbut ma’ xi qaddis. Hawn min isostni li dan
l-isem huwa tgħawwiġa ta’ Sant Iermu, il-qaddis Dumnikan patrun tal-baħħara.
Mhux ħaġa kbira għaliex din il-belt hija belt tmiss mal-baħar u fiha wkoll
għexu baħħara. Oħrajn jaħsbu li l-isem ġej mill-qaddis Eramu jew Romolu. Dan
huwa qaddis li kien isqof ta’ Ġenova. Mhux magħruf sewwa ż-żmien li fih għex
dan l-isqof, iżda jingħad li minn Ġenova kellu jaħrab u sab kenn fil-post fejn
illum jissejjaħ San Remo iżda dak iż-żmien kien iġib l-isem ta’ Villa Matutiae
jew Villa Matutiana. Huwa miet hemmhekk u hemmhekk indifen ukoll. Bid-djalet
tal-Ligurja dan il-post beda jissejjaħ San Roemu li maż-żmien sar San Remo.
L-isem San Roemu jidher fuq bosta mapep antiki u baqa’ anke jintuża fi żmien
Mussolini. Id-Duce, kif kien jissejjaħ Benito Mussulini, kien dejjem jipprova
jerġa’ jqajjem is-sens ta’ nazzjonaliżmu u patrijottiżmu fit-Taljani. Kien
għalhekk li isem dan il-post kien jinkiteb sewwasew kif kien jinkiteb fil-Medju
Evu u xi snin wara. Hu x’inhu żgur li isem dan il-post huwa isem ta’ qaddis li
ftit li xejn nafu dwaru.
Turiżmu
San Remo huwa
wieħed mill-aktar postijiet imfittxija mit-turisti. Ix-xatt sabiħ u twil
tal-post isaħħar lil kull min iżuru. Biss dan ma jifssirx li San Remo baħar
biss joffri. Din il-belt hija wkoll magħrufa għall-produzzjoni taż-żejt
taż-żebbuġa. Minbarra dan, San Remo huwa wkoll magħruf għall-fjuri u fil-fatt
ġieli jissejjaħ La città dei fiori. Dan wieħed jarah hekk kif jirfes
il-belt għax kull roqgħa ħamrija tinżera’ kollha fjuri. Ir-residenti tal-post
ukoll jgħinu għax bosta minnhom isebbħu t-twieqi ta’ djarhom bi qsari ta’ kull
tip.
Dan huwa ftit
minn dak li jiġbed it-turist lejn din il-belt. Il-klima wkoll tgħin u l-postijiet
tad-divertiment li toffri l-belt huma numerużi ħafna.
Festival
Bla dubju ta’
xejn din il-belt hija magħrufa l-aktar għall-festival ta’ mużika li jsir fiha
ta’ kull sena. Wara t-tieni gwerra dinjija, wara d-disfatta kbira li kellha
l-Italja, kien jeħtieġ li jibda jsir xi ħaġa biex kemm isem il-belt kif ukoll
il-qagħda ekonomika jerġgħu jieħdu l-ħajja. Kien fis-sajf tas-sena 1950 meta
sid wieħed mill-casinos ta’ San Remo kien qed jitkellem mad-direttur tal-orkestra
tar-Rai. Dawn qabblu li għandu jibda jsir festival ta’ kanzunetti li qabel ma
kienu qatt instemgħu. Uffiċċjalment dan il-festival jismu Festival della
Canzone Italiana iżda kulħadd isejjaħlu Festival ta’ San Remo jew iqsar minn
hekk San Remo. L-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival sar fi tmien Jannar
tal-1951. Kien sar ġewwa l-casino ta’
San Remo u kien ixxandar fuq stazzjon tar-radju. Kien suċċess mill-ewwel u ta’
kull sena baqa’ jsir. Din is-sena qed issir is-sebgħin edizzjoni tiegħu. Illum
dan il-festival sar appuntament ta’ kull sena mhux biss mat-Taljani imma ma’
dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana. Dan sar il-benniena ta’
bosta kantanti Taljani li ddebuttaw fil-kant f’dan il-festival.
Teatru Ariston
Il-festival illum
ma għadux isir fil-casino fejn sar l-ewwel darba imma ġewwa t-teatru Ariston,
l-aktar teatru magħruf fil-belt. Dan it-teatru huwa sala taċ-ċinema. Beda
jinbdena fl-1953 u tlesta fl-1963. Jesa’ elf u disa’ mitt ruħ. Mill-1977
il-festival tal-mużika Taljana beda jsir f’dan it-teatru. F’dan it-teatru wkoll
issir iċ-ċerimonja tal-premju tar-reġija televiżiva, speċi ta’ Oscars fil-qasam
televiżiv. Bosta attivitajiet oħrajn isiru fih matul is-sena għaliex huwa
teatru prestiġġjuż u dak li jitla’ fuq il-palk tiegħu jista’ jgħid li se jikseb
fama mhux biss fl-Italja imma possibbilment lil hinn mill-peninżula.
Belt mal-baħar,
belt ta’ turisti, belt ta’ fjuri, belt ta’ mużika u festivals. Dan kollu u
aktar jagħmel lill-belt ta’ San Remo dak li hi, belt imfittxija minn bosta eluf.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Frar 2020
Nessun commento:
Posta un commento