Visualizzazione post con etichetta sena ġdida. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta sena ġdida. Mostra tutti i post

venerdì 8 gennaio 2021

Ħarsa lura u oħra ’l quddiem

 Ħsibijiet fil-bidu ta’ sena ġdida

Hekk kif tintemm sena u tibda oħra bla ma rridu nagħtu ħarsa lura biex naraw kif morna fis-sena li tkun intemmet u fl-istess waqt nibdew inħarsu lejn is-sena li tkun għadha kemm bdiet, bit-tama li dik li jkollna quddiemna tkun aħjar minn dik li nkunu għadna kif ħallejna warajna.

Fil-bidu ta’ din is-sena, din ir-riflessjoni żgur li kulħadd sejjer jagħmilha, tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u xjuħ. Is-sena 2020 kienet waħda li ħadd minnha ma jiftakar waħda bħalha, kienet sena li ma nistgħux insejħulha “tajba”, imma minkejja kollox għadna għaddejjin. Żgur li x-xewqa ta’ kull wieħed u waħda minna hija li s-sena 2021 tkun differenti għal kollox minn dik li tnemmet ftit jiem ilu.

X’tgħallimna?

Kien fl-ewwel ġimgħat tas-sena 2020 li bdejna nisimgħu b’virus ġdid li beda jinfirex fiċ-Ċina. Billi llum id-dinja kollha saret donnha raħal wieħed, sewwasew kif bassar il-Kanadiż Marshall McLuhan fil-kotba tiegħu The Gutenberg Galaxy: The Making of Typographic Man tas-sena 1962 u Understanding Media li ħareġ sentejn wara, din il-marda ma kinitx inkwetanti biss fiċ-Ċina imma spiċċat biex kiddet id-dinja kollha. Mal-“Global Village” ta’ McLuhan inżid it-teorija ta’ Zygmunt Bauman li titkellem dwar soċjetà likwida, jiġifieri soċjetà mhux stabbli f’post wieħed, umanità li dejjem tiċċaqlaq sewwasew bħal element likwidu li ma jibqax stabbli bħalma jibqa’ wieħed solidu. Mela bit-teoriji ta’ McLuhan u ta’ Bauman nistgħu nikkonkludu li billi d-dinja saret qisha raħal wieħed u dak li jkun faċli jivjaġġa minn post għal ieħor bla bosta xkiel żejjed u għax is-soċjetà tad-dinja kollha saret likwida, timxi minn post għal ieħor il-ħin kollu, dan il-virus inxtered mad-dinja kollha tant li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, (WHO) iddikjarat pandemija.



Kellna nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna. Bniedem li tafu ma bqajtx toħodlu b’idu u persuna għażiża ma bqajtx tgħannaqha u tħaddanha miegħek. Dawk il-ġesti li kienu jfissru mħabba jew għaqda dlonk spiċċaw ifissru l-kuntratju tat-tifsira oriġinarja tagħhom. Imma x’tgħallimna? Kellna ħin nitgħallmu jekk irridu. Indunajna li biex isir ix-xogħol ma hemmx bżonn li wieħed iħalli daru. Hemm ħidmiet li jistgħu jsiru mid-dar. Ovvjament mhux kull xogħol jista’ jsir minn darna, imma iva, hemm xogħol li tista’ tagħmlu minn kamartek bla ma tħalli darek. Dan huwa eżempju wieħed biss. Kien hemm bosta okkażjonijiet oħra li stajna nitgħallmu  minnhom is-sena l-oħra.

Il-widnejn

Is-sena li għaddiet indunajna li l-bniedem għandu par widnejn mhux biex jisma’ minnhom biss, mhux biex ikollu fejn ipoġġi n-nuċċali biss, mhux biex intaqqbuhom għall-misluta. Widnejna bdew ikollhom magħhom il-lasktu tal-maskra. Kemm qalulna l-awtoritajiet tas-saħħa biex il-maskra nilbsuha sewwa, li trid tgħatti l-imnieħer il-ħalq u l-geddum. Madanakollu xorta bqajna naraw ħafna jilbsu l-maskra mhux kif suppost. F’dawn il-każi widnejna servew biss għal-lasktu tal-maskra, widnejna kienu hemm biss bħala ornament għax ma smajniex.

Żewġt iqwiel

Il-qwiel ma huma xejn għajr għerf missirijietna, għerf li aħna writna mingħandhom, għerf li bnew huma mill-esperjenza tal-ħajja. Matul din il-pandemija bdew jiġu f’moħħi żewġ proverbi Maltin. L-ewwel wieħed huwa: “Tgħoddx il-flieles qabel ma jfaqqsu.” Dan il-proverbju għandu ħuħ bil-kontra tiegħu li wkoll jgħidlek biex tkun prudenti: “Tinfaxxax rasek qabel taqsamha!” Fil-pandemija naħseb li kien hemm fejn għoddejna l-flieles qabel ma faqqsu u rasna ħallejniha tinqasm bla ma nfaxxajniha.

Qawl ieħor li ġie f’moħħi f’dawn ix-xhur huwa dan: “Il-paroli fil-vojt lanqas għall-avukati mhu tajjeb!” Kemm smajna u kemm qrajna ħmerijiet, dwar il-virus, dwar il-vaċċin u dwar elf ħaġa oħra. La bdejna bil-qwiel insemmin ieħor: “il-ħobż tih lil min jaf jieklu u x-xogħol lil minn jaf jagħmlu.” Minn wara t-tastiera tal-kompjuter tista’ tgħid jew aħjar tikteb li trid, u jkollna ngħidu li kien hawn min kiteb il-ħmerijiet.

Il quddiem

Imma l-ħajja tibqa’ għaddejja. Il-ħajja tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma tieqaf jew tieħu xi waqfa qasira. Irridu nħarsu lejn dak li ġej mingħajr ma ninsew dak li għaddejna minnu. Jekk ninsew x’seħħ fis-sena 2020, din tkun sena moħlija, sena li għaddiet minn fuqna u ħlitilna ammont ta’ ġimgħat minn ħajjitna. Irridu nħarsu il quddiem b’ottimiżmu, b’tama li ser inkunu aħjar milli aħna bħalissa. Il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta lid-dinja kollha, lil kulħadd, lil kull settur fid-dinja. Kellna nagħmlu sagrifiċċju, kellna nwarrbu dak li xtaqna nagħmlu, dak li kellna programmat. Imma sakemm għad għandna l-ħajja nistgħu inwettqu dak li pjanajna aktar il quddiem. Dawk li ħallewna biss ma jistgħux jibdlu l-ħolm tagħhom f’realtà. Aħna għadna hawn minkejja kollox. Aħna xxurtjati aktar minn dawk li matul is-sena 2020 temmew il-vjaġġ tagħhom fuq din id-dinja. It-tama hija l-aħħar li tmut.

Jalla s-sena 2020 tkun waħda li minnha tgħallimmna xi ħaġa u l-2021 tkun waħda aħjar minn ta’ qabilha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Jannar 2021




venerdì 4 gennaio 2019

Elfejn u dsatax


Min jaf kemm hawn minna li għandhom tamiet sbieħ għas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna, min jaf kemm hawn min ilu jistenna din is-sena għaliex matulha għadnu xi avveniment importanti f’ħajtu; ser jigradwa, ser jiżżewweġ, min ħaġa u min oħra.

Imbagħad hemm min ma jkunx daqstant ħerqan meta jħares il quddiem lejn din is-sena għaliex forsi matulha jkun qed jistenna xi ħaġa mhux wisq sabiħa.

Din hija s-sena li fiha fost ħafna aktar, ser ikollna l-elezzjoni għall-membri parlamentari Ewropej, ser tkun is-sena fejn isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar Malta kollha. Sena ta’ min jaf kemm aktar avvenimenti u ġrajjiet.

Il-ħin psikoloġiku
Għal dawk li qed jistennew xi ħaġa sabiħa u tajba matul din is-sena, il-ħin donnu ma jgħaddi b’xejn, il-jum mixtieq jidher wisq il bogħod. Għal min ikun fuq ix-xwiek l-arloġġ donnu jieqaf. Jgħidulek dawk l-irġiel li jkunu ser isiru missirijiet li waqt li jkunu jistennew lill-omm teħles u huma jkunu barra, kull minuta jarawha daqs li kieku tkun siegħa. Mill-banda l-oħra meta bniedem ikun qed jistenna xi bxara ħażina jkun jixtieq li ma jasalx il-waqt li jisma’ dik il-ħaġa iżda l-ħin donnu  jgħaġġel aktar mis-soltu. Itir ukoll il-ħin waqt id-divertiment. Wara xi vaganza li nkunu ħadna gost fiha ngħidu kemm għaddiet malajr. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, jiġri meta ma rriduhx u jieqaf meta rriduh ifittex isir il-ħin.

Min jaf matul din is-sena kemm sejrin ngħaddu minn sitwazzjonijiet fejn il-ħin psikoloġiku ma jimxix l-istess bħal dak tal-arloġġ! Hu x’inhu xorta waħda ġurnata dejjem fiha 24 siegħa u siegħa tibqa’ b’60 minuta. Imma moħħna ma jaħdimx bħall-arloġġ tal-polz!

Sena Internazzjonali
Is-sena 2019 ġiet iddikjarata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala s-sena internazzjonali tal- Tavla perjodika tal-elementi kimiċi (Periodic Table of Chemical Elements). Ikolli nistqarr magħkom li kull tip ta’ xjenza ma hijiex ħobż għal snieni. Naf li x-xenja tax-xjenzi, il-filosofija, tat  bidu għal bosta mix-xjenzi moderni imma llum tant żviluppaw li nfirdu kontempletament minnha. Għandi naħseb li matul din is-sena sejrin ikollna opportunità nisimgħu u nifhmu xi ftit dwar din it-Tavla perjodika. Għandha tkun ħaġa interessanti jekk tiġi mfiehma lin-nies b’lingwaġġ li jifhmu Ċikku l-poplu. Jekk spjegazzjoni tkun xjentifika aktar mill-isem il-parti l-kbira tan-nies tibqa’ ma tifhimx.

Ċentinarji f’pajjiżna
Il-qabar tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar anniversarju jew aħjar ċentinarju li sejrin niftakru matul din is-sena f’Malta huma l-irvellijiet li kienu qamu  fl-1919 sewwasew fis-7 ta’ Ġunju. L-Assemblea Nazzjonali ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Filippo Sciberras kienet qegħda tiltaqa’ ġewwa l-Belt Valletta biex tfassal kostituzzjoni għal Malta u tgħaddiha lill-Gvern Ingliż. L-ewwel laqgħa dwar dan is-suġġett saret fi Frar, it-tieni waħda saret fis-7 ta’ Ġunju. Dakinhar inġabret folla kbira fil-kapitali tagħna. Il-poplu kien mgħaddab minħabba l-għoli tal-ħajja, l-aktar tal-qamħ u d-dqieq. Xi rjus saħnu u attakkaw xi ħwienet li kellhom fil-vetrini jew fuq il-bjut tagħhom il-bandiera tal-Imperu Ingliż. Kienet attakkata l-Bibljoteka kif ukoll stamperija li kienet tistampa gazzetta favur l-Ingliżi. Inqala’ inkwiet kbir. Il-forzi tal-ordni Ingliżi ħarġu fit-toroq tal-Belt Valletta u sparaw fuq il-Maltin. Inqatlu tlieta dakinhar. L-għada Malta ġarrbet ir-raba’ vittma u martri ta’ dan l-avveniment imdemmi. Din hija l-istorja, din hija paġna kerha fl-istorja ta’ Malta, paġna miktuba bid-demm ta’ ħutna Maltin.

L-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar

Kienet is-sena 1919 ukoll li l-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar bdew jipproduċu nbid bi kwantità kummerċjali. Waqqfu kumpanija bl-isem ta’ A&G Cassar. Biż-żmien l-isem inbidel imma l-kumpanija kibret u baqgħet tipproduċi nbejjed għas-suq Malti. Illum il-kumpanija jisimha Marsovin, isem li ilu li ngħata lill-kumapnija sa mill-1956. Ilna mitt sena ngawdu dan l-inbid!

Semmejna żewġ Qriema, ejjew nibqgħu Ħal Qormi fejn ukoll qed ikun iċċelebrat ċentinarju ieħor. Din id-darba dan huwa tal-Kumitat Festi Esterni li jieħu ħsieb il-festi ta’ barra li jsiru f’ġieh San Ġorġ Martri. Fl-1919 Ħal Qormi kien għadu parroċċa waħda. Hemmhekk twaqqaf kumitat biex jibda jieħu ħsieb il-festi esterni tal-qaddis. Li huwa interessanti f’dan iċ-ċentianrju hu li dan kien l-ewwel kumitat tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Illum insibu bosta kumitati bħalu jew tal-inqas li għandhom l-istess funzjoni tiegħu, imma dan kien l-ewwel wieħed. Dan il-kumitat huwa ikona għax juri pass li kienet ħadet il-Knisja. Minn mitt sena ilu l-lajċi ingħataw inkarigu ġdid fi ħadnha, ħaġa li ftit li xejn kienet tinħolom, imma l-Qormin kienu għall-avangwardja, kienu ewlenin. Għalhekk dan iċ-ċentinarju huwa importanti.

Sena ġdida, pjani ġodda, stejjer ġodda, tliet mija u ħamsa u sittin jum ġdid li ħamsa minnhom diġà telqu u ħallewna! Kif ser ikunu dawn ix-xhur li ġejjin? Tgħid ser jiġru jew ser jgħaddu bil-mod.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Jannar 2019