Visualizzazione post con etichetta Calabria. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Calabria. Mostra tutti i post

venerdì 14 settembre 2018

Calabria


L-Italja, bħalma bosta jafu, għandha l-forma ta’ żarbuna bit-tromba għolja. Ħafna minna huma familjari ma’ Ruma, Firenze, Milan, Venezja u postijiet oħra li huma min-nofs il fuq tal-Italja. Dawn l-aħħar snin kiber l-interess f’Napli minħabba li f’Malta għandna ħafna dilettanti tal-presepju u hemmhekk isibu l-ġenna tal-art fejn jidħol id-delizju tagħhom. Imma llum tajjeb nitfgħu ħarsitna aktar l isfel, lejn il-Calabria.

Ħalli nerġgħu nsemmu ż-żarbuna tat-tromba; il-Calabria tiġi fil-wiċċ tas-sieq, mill-wiċċ sal-qiegħ imma mhux l-għarqub jew it-takkuna. Dan ir-reġjun ma jagħmilx għajb lill-kumplament tar-reġjuni Taljani għaliex fih ġmiel kbir minkejja li ftit huwa magħruf.

Magna Graecia
Din il-parti tal-peninsola, flimkien ma’ parti mill-Puglia, parti minn Campania, il-Basilicata u Sqallija kienu jgħixu fihom bosta Griegi għall-ħabta tat-tmien seklu qabel Kristu. Minħabba dan il-fatt ir-Rumani kienu laqqmu lil dawn l-inħawi bħala Magna Graecia, li tfisser il-Greċja l-Kbira. Mela nistgħu ngħidu li din il-faxxa kienet tasal sa ftit bogħod minn artna. Billi l-Griegi kienu nies ta’ kultura u għerf kbir, ma jistax jonqos li anke meta telqu pajjiżhom u bdew jgħixu f’dik l-art li llum insibuha bħala n-Nofsinhar tal-Italja, ħadu magħom id-drawwiet kif ukoll l-għerf ta’ pajjiżhom. Sal-Medjuevu dawn il-partijiet kollha ġew Taljanizzati iżda l-bini li kienu bnew baqa’ wieqaf hemm biex ikun xhud ta’ dawk iż-żminijiet tad-deheb.

L-isem
L-isem ta’ Calbria aktarx oriġina fit-tielet seklu qabel Kristu. Dan l-isem kien jirreferi mhux biss għal fejn insibu l-Calabria llum iżda kien jiġbor fih anke l-parti ta’ isfel tal-Puglia, jiġifieri t-takkuna taż-żarbuna wkoll. Dik li llum hija Calabria kienu jsejħulha Bruttium, li ġej mil-laqam li kienu jsejħu bih lin-nies tal-akwati, Brutti! L-Imperu Biżantin ħoloq id-Dukat tal-Calabria li wkoll kien jiġbor fih il-parti tat-takkuna. Biż-żmien il-parti ta’ isfel tal-Puglia ma baqgħetx tagħmel parti minn dan ir-reġjun u l-Calabria sar reġjun kif nafuh illum. Tajjeb ngħidu li l-Griegi din il-parti kienu jsejħulha Italja, dak l-isem li biż-żmien bdiet ntissejjaħ il-peninsula kollha.

Turiżmu
Bħal kull reġjun ieħor, il-Calabria għandha l-kapitali tagħna jew dak li jissejjaħ Capo Luogo. Catanzaro taqsi din il-funzjoni. F’din il-belt fost bosta attrazzjonijiet turistiċi nsibu l-pont magħruf imsejjaħ Il Ponte Bisantis. Dan il-pont li sar wara nofs is-seklu li għadda huwa wieħed mill-itwal pontijiet fl-Ewropa, huwa twil kważi -470 metru u għoli 112-il metru, imma l-ħaġa tal-għaġeb f’din l-istruttura hi li huwa magħmul minn arkata waħda biss minkejja l-għoli u t-tul. Il-katridral tal-post ukoll fih storja interessanti, Kien mibni fuq fdal ta’ katidral Norman u fir-Rinaxximent kien modernizzat, iżda fit-tieni gwerra dinjija ntlaqat mill-bombi u kellu jerġa’ jiġi mibni mill-ġdid. Catanzaro hemm bosta ġonna sbieħ fejn wieħed jista’ jqatta’ ftit ħin ta’ mistrieħ u sliem.

Qaddisin
San Franġisk ta' Paola
Il-Calabria tiftaħar li fiha twieled wieħed mill-qaddisin Taljani, fundatur ta’ordni tal-patrijiet. Dan huwa San Franġisk, mhux dak ta’ Assisi imma ta’ Paola. Paola huwa raħal qrib Cosenza, anzi jagħmel parti mill-provinċja ta’ Cosenza. Fil-Calabria hemm devozzjoni qawwija lejn dan il-qaddis u bosta rġiel iġibu ismu. Francesco mill-Calabria aktarx li jiċċelebra l-onomastiku tiegħu fit-2 ta’ April, jum il-festa ta’ San Franġisk ta’ Paola u mhux fl-4 ta’ Ottubru nhar San Franġisk ta’ Assisi.

La qed insemmu l-qaddisin tajjeb insemmi daqxejn ta’ raħal li jġib l-isem ta’ Soriano. Min hu devot ta’ San Duminku żgur li ġieli sema’ b’dan l-isem minkejja li għandu mnejn ma jkunx jaf fejn hu.  Soriano Calabro insibuh qrib Vibo Valentia. Jingħad li hemmhekk, f’kunvent tad-Dumnikani kienet dehret il-Madonna lil wieħed Fra u ħallietlu pittura ta’ San Duminku għaliex fil-knisja ma kienx hemm sa dak iż-żmien. Din il-pittura għadha tinstab fil-knisja tad-Dumnikani f’Soriano Calabro fejn jiċċelebraw il-festa tal-qaddis nhar il 15 ta’ Settembru.

Baħar u aktar
Żgur li aħna l-Maltin ma għandniex għalfejn insiefru biex nitpaxxew bil-ġmiel tal-baħar għax pajjiżna huwa mogħni b’bajjiet mill-isbaħ. Xejn inqas sbieħ huma l-bajjiet tal-Calabria.
Pizzo Calabro huwa post ma’ xatt il-baħar li fih ġmiel naturali kbir, baħar nadif u sabiħ ħafna. Tropea ma jagħmilx għajb lil Pizzo għax ukoll hemm wieħed fejn jitpaxxa. Dawn iż-żewġ postijiet jinstabu fil-provinċja ta’ Vibo Valentia. Ma’ din il-provinċja wkoll insibu r-raħal bl-isem Capo Vaticano li ta’ min iżuru wkoll. U nsomma nistgħu nibqgħu sejrin.

Imma l-Calabria mhux baħar biss, ma nistgħux ninsew il-kċina ta’ dan ir-reġjun. Kemm l-ikel kif ukoll il-ħelu li jsiru hawnhekk għandhom palat tassew tajjeb. Jekk tħobb l-ikel jaħraq hawnhekk għandek issib il-ġenna tal-art għax il-bżar aħmar jużawh f’kollox. Jien li l-ikel pikkanti ma jdejjaqnix, ma kienx irnexxileix niekol il-peperoncino moqli!

Is-sigriet wara dan il-ġmiel kollu huwa s-sempliċità li għad hemm f’din il-parti mhux tant magħrufa tal-Italja

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Settembru 2018







mercoledì 29 agosto 2018

Natuzza Evolo


Il-mistiċi, jiġifieri dawk il-persuni li jkollhom esperjenza mistika, li tfisser li bniedem ikun qrib Alla b’tali mod li fih jew bih iseħħu għeġubijiet, ma humiex nies li għexu eluf jew mijiet ta’ snin ilu. Sal-lum għadna nsibu minn dawn in-nies iżda minħabba l-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha u minħabba l-ħafna aljenazzjonijiet li għandha, għandna mnejn lanqas nindunaw bihom jew ma nagħtux każ meta jkun hemm xi ħaġa miktuba dwarhom.

Fil-Calabria
Fin-Nofsinhar tal-Italja, sewwasew fir-reġjun tal-Calabria sa ftit snin ilu kienet tgħix waħda mara mistika li kull ma jmur aktar qegħdin nisimgħu dwarha u dwar xi kwalitajiet jew qawwiet li kellha. Din il-mara kien jisimha Fortunata Evolo imma kulħadd kien jafha bħala Natuzza. Hija twieldet qrib Mileto, sewwasew f’ Paravati nhar it-23 ta’ Awwissu 1924 u mietet fir-raħal li twieldet fih fl-1 ta’Novembru tas-sena 2009.

Twieldet f’familja fqira ħafna fejn il-missier kien telaq lejn l-Arġentina u ħalla lil martu u lil uliedu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa bla ebda sold. It-tfulija ta’ Natuzza xejn ma kienet waħda feliċi, anzi nistgħu ngħidu li kienet waħda ta’ tbatija kemm materjalment minħabba l-faqar kif ukoll emozzjonalment. Omm Natuzza, Maria Anġla, minkejja li żewġha kien telaq, xorta baqgħet twelled it-tfal u din il-ħaġa kienet fuq fomm ir-raħħala kollha. Uliedha kienu meqjusin bħala frott id-dnub u għalhekk kellhom ibatu minn ċkunithom minħabba lsien in-nies.

Esperjenzi mistiċi
Natuzza Evolo
Jingħad li Natuzza rat lill-Madonna l-ewwel darba meta kellha madwar 5 snin imma ma ndunatx li kienet Hi. Evolo stess tgħid: “Lanqas kont naf min kienet il-Madonna, imbagħad bdejt naraha spiss meta kelli tmien snin. Tfajla sabiħa, tifla ħelwa.” Il-Verġni mqaddsa kienet tidhrilha bħala tfajla ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, liebsa l-abjad, ftit il fuq mill-art, b’karnaġġjon skur, għajnejn kbar ta’ lewn skur bħal xagħarha.

Waqt li ommha kienet tara kif ser taqla’ xi ħaġa biex titma’ lil uliedha, Natuzza, li kienet għadha daqxejn ta’ tifla, kienet tieħu ħsieb ħutha. Kienet iddur il-fran forsi tiddobba ħobża minkejja li kienet spiss tiġi mgħajra. Aktar ma kienu jkunu koroh jiemha, aktar kien ikollha dehriet minn dik it-tfajla samra. Xi kultant dik is-“Sinjorina” kienet tieħu l-ħajja u tersaq lejn is-sodda ta’ Natuzza u tħares lejha b’dik il-ħlewwa ta’ omm, ħarsa li forsi Marija Anġla qatt ma setgħet tħarsilha.

Ħjiel minn  ħajjitha
Natuzza, fl-14 ta’ Awwissu, 1943, iżżewġet lill-mastrudaxxa Baskal Nicolace, sena akbar minnha, bil-prokura, għax iż-żagħżugħ kien inġabar bil-lieva fl-armata minħabba t-tieni gwerra dinjija u kien jinsab fuq il-front tal-battalja. Minn dan iż-żwieġ twieldu ħamest itfal.

Id-dar ta’ Natuzza laqgħet fiha eluf ta’ nies li fittxew il-mistrieħ tal-qalb u tar-ruħ. Imma dan ma kienx biżżejjed. Hija qalet li x-xewqa tal-Madonna hija li fil-qrib tinfetaħ dar kbira biex min ikollu bżonn isib ftit serħan il-qalb. Fil-fatt twaqqfet għaqda biex tieħu ħsieb twettaq din ix-xewqa.

Tul ħajitha Natuzza kellha ssofri ħafna. Kienu infetħulha l-pjagi u kien hemm bosta manifestazzjonijet sopranaturali oħrajn li seħħew ma’ din il-mara mill-Calabria.

Kienu l-5.15 sewwa, l-1 ta’ Novembru 2009 meta Natuzza Evolo, wara lejl impressjonanti u ta’ tbatija straordinarja, ħadet l-aħħar nifs. Hemm ħafna x’wieħed iżid ma’ dan  li ktibt jien, Dan huwa biss farka.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument -  26 ta' Awwissu 2018