Visualizzazione post con etichetta saturday. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta saturday. Mostra tutti i post

sabato 25 luglio 2026

Il-jum tas-Sibt

 

Issa ilni numru mhux żgħir ta’ snin nikteb artikli f’dan il-ġurnal. Dawn l-aħħar snin l-artikli tiegħi dehru dejjem fil-jum tas-Sibt. Ġie f’moħħi dan il-fatt u ħsibt li nikteb xi ħaġa propju dwar il-jum li fih naqsam magħkom kitbieti u ħsibijieti.

Ismu


Is-Sibt huwa s-sitt jum tal-ġimgħa u ħa ismu mill-kelma Ebrajka shabbāt, "jum ta' waqfien, u għalhekk ta' mistrieħ". Fil-ġimgħa Lhudija, dan il-jum huwa s-seba' jum u huwa meqjus bħala festa kkonsagrata lil Alla, li fiha x-xogħol u l-attivitajiet kollha, bħal tisjir, kitba, użu tal-elettriku, sewqan, eċċetra ikunu sospiżi. Fl-ilsien Taljan, isem dan il-jum huwa Sabato, li bħal ilsienna ġej mill-isem Ebrajk. L-istess nistgħu ngħidu għal xi ilsna oħra bħalma huwa l-Ispanjol u l-Portugiż – Sábado, il-Franċiż -
Samedi, il-Pollakk – Sobota, kif ukoll ir-Russu li jsejjaħ lil dan il-jum subbota. Iżda fl-Ingliż isem jum is-Sibt, Saturday għandu oriġini oħra. Is-Sibt huwa msejjaħ għal Saturnu, l-alla Ruman tal-agrikultura u ż-żmien. Dan l-isem ġej direttament mill-Latin dies Saturni li jfisser il-Jum ta' Saturnu. L-għeruq ta’ dan l-isem derivat mill-alla Saturnu nsibuhom ukoll fl-ilsna oħra wkoll. Fl-Għarbi jissejjaħ as sabt u hawn naraw il-viċinanza ta’ isem dan il-jum fil-Malti, għax wara kollox, isem in-numri u isem il-jiem tal-ġimgħa aħna ħaddniehom mill-Għarbi.

Is-Sibt fil-fidi

Is-Sibt huwa il-jum qaddis għal-Lhud. Għall-Insara huwa lejlet il-jum qaddis tal-Ħadd u għall-Musulmani huwa l-għada tal-jum qaddis tagħhom. Fil-fidi Lhudija, is-Sibt huwa l-jum qaddisa tal-mistrieħ, li jiġi ċċelebrat minn ftit qabel inżul ix-xemx ta’ nhar il-Ġimgħa sa nżul ix-xemx ta’ nhar is-Sibt. Is-Sibt il-Lhud jiftakru li Alla straħ fis-seba' jum tal-Ħolqien u fil-ħruġ tagħhom mill-eżilju tal-Eġittu. Għalhekk il-Lhud jirritornaw mix-xogħol nhar ta’ Ġimgħa qabel tinżel ix-xemx biex jitolbu, jieklu, u jqattgħu ħin mal-familja. Għall-Insara s-Sibt mhux meqjus bħala jum qaddis iżda interessanti li l-Għasar (it-talb ta’ filgħaxija) tas-Sibt jissejjaħ bħala l-Ewwel Għasar tal-Ħadd, imbagħad il-Ħadd filgħaxija jsir it-Tieni Għasar. Biss lejlet l-Għid il-Kbir, jissejjaħ Sibt il-Għid huwa t-tieni jum mit-Tridu tal-Għid u huwa mħares b’qima kbira. Imbagħad hemm id-devozzjoni ta’ Marija f’jum is-Sibt. Din hija drawwa liturġika antika ħafna ta’ devozzjoni Marjana li tikkonsisti filli l-liturġija tas-sigħat tkun tal-Madonna u tista’ ssir quddiesa tal-Madonna wkoll. Interessanti wkoll li mbagħad il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija tkun dik tal-għada u mhux ta’ dak il-jum stess. Dan minħabba d-drawwa antika li l-jum jibda ma’ nżul ix-xemx u mhux f’nofsillejl. Fl-Iżlam, is-Sibt ma għandux importanza speċjali. Filwaqt li l-Ġimgħa hija l-jum iddedikat għall-qima, is-Sibt jitqies bħala jum normali ta' fost il-ġimgħa.

Jum il-ħasla

Ħafna drabi s-Sibt niddedikawh għall-ħasil tal-ħwejjeġ, imma rridu niftakru li sa ftit għexieren ta’ snin ilu, meta l-kumdità fi djarna ma kinitx dik li hija llum u l-iġene lanqas kienet dik li għandna llum, ħafna kienu jieħdu l-banju nhar ta’ Sibt għax matul il-ġimgħa kienu jiddellku kif jistgħu. Kien żmien ieħor! U dan ara ma naħsbux li kien isir Malta biss. F’kulturi differenti bħal fil-pajjiżi Skandinavi, is-Sibt jissejjaħ lördag, lørdag, jew laurdag, bl-isem li ġej mill-kelma antika laugr jew laug, li tfisser banju. Għalhekk nindunaw li 'lördag' tfisser "jum tal-banju." Dan beda jissejjaħ hekk minħabba l-prattika tal-Vikingi li kienu jinħasslu nhar ta’ Sibt. L-isem għas-Sibt  għall-Maori, ġens indiġenu ta’ New Zealand, huwa Rahoroi, li litteralment ifisser Jum tal-Ħasil. Meta l-Maori kienu kkonvertiti għall-Kristjaneżmu, huma kienu jħallu s-Sibt biex jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom u jilbsuhom indaf għall-knisja nhar il-Ħadd.

U iżjed

F’pajjiżna, elezzjoni ġenerali jew referendum isiru fil-jum tas-Sibt. Din il-ħaġa ma ssirx biss f’Malta imma anke fl-Awstralja kif ukoll fi New Zealand. Is-Sibt ukoll isir il-finali tal-Eurovision Song Contest. Semmejt dawn iż-żewġ avvenimenti għax għalina l-Maltin, kemm l-elezzjonijet kif ukoll l-Eurovision huma ħwejjeġ li nqisuhom “sagri”. Is-Sibt tard filgħaxija u matul il-lejl huma l-ħinijiet li l-biċċa l-kbira tal-bars, pubs, klabbs u ristoranti jkunu mimlijin bin-nies, għax is-Sibt filgħaxija huwa meqjus bħala l-aħjar ħin għall-ħruġ. Fuq kollox is-Sibt huwa l-ewwel jum ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju, 1919 seħħew is-Sibt u l-għeluq tal-bażi Brittanika minn Malta, fil-31 ta’ Marzu 1979 kien is-Sibt ukoll.

Minbarra l-barijiet u r-ristoranti, is-Sibt filgħaxija huwa wkoll popolari għaċ-ċinema. Illum dan id-divertiment reġa’ ħa l-ħajja wara li għal xi snin kien donnu ntemm għal kollox. Fost il-films hemm xi wħud li f’isimhom għandhom il-jum tas-Sibt. Forsi l-aktar popolari huwa Saturday Night Fever, tal-1977, il-film mużikali klassiku taż-żfin b'John Travolta fil-parti ewlenija li ddefinixxa era tad-disco.

U ma’ dan kollu hemm ukoll dawn l-artikli fqajra tiegħi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta; Lulju 2026



sabato 26 marzo 2016

Is-Sibt - Ħsibijiet għal Sibt il-Għid

Il-jum tas-Sibt huwa għal bosta il-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa, għal dawk li jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, is-Sibt huwa l-jum li fih isir il-qadi u xi xogħol ieħor li ma jkunx jista’ jsir matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa.  Hemm oħrajn li għalihom is-Sibt ifisser aktar xogħol u hemm dawk li jaħdmu b’ roster u għalhekk ġieli jkunu xogħol u ġieli jkunu franki. Hu x’ inhu, is-sibt huwa jum ta’ bosta impenji għal ħafna .

Shabbat – Saturday
Fl-ilsien Ingliż dan il-jum jissejjaħ Saturday. Qatt staqsejt għaliex? Fid-dinja Rumana, qabel it-twelid tal-Kristjaneżmu, dan kien il-jum iddedikat lil Saturnu, l-alla tal-agrikultura, tal-ġid u għana, tal-abbundanza. Kien jissejjaħ Saturni dies, li minnu tnisslet il-kelma Saturday.

Għal-Lhud dan huwa il-jum qaddis li fih ma għandu jsir l-ebda xogħol għaliex anke Alla wara l-ħolqien tad-dinja straħ. Fil-Bibbja nsibu li d-dinja nħalqet f’ sitt ijiem u fis-seba’ jum il-Ħallieq straħ. Nafu li l-Bibbja la hija ktieb tax-xjenza u lanqas tal-istorja imma xorta nżommu mat-tradizzjoni tagħha u naqsmu l-ġimgħa fuq sebat ijiem, bħalma dejjem għamlu l-Lhud. Forsi din hija l-aktar sistema korretta. Fil-fatt fi żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża kienet bdiet sistema ta’ ġimgħa ta’ għaxart ijiem imma ftit li xejn damet. Ix-Shabbat għal-Lhud itemm il-ġimgħa u jiġi osservat is-serħan mix-xogħol.

Il-kelma Shabbat ġejja mill-verb Shabat, li tfisser tieqaf minn xi azzjoni li tkun qed tagħmel. Il-Lhud jemmnu li ladarba fil-Bibbja nsibu li wara l-ħidma tiegħu Alla straħ, anke l-bniedem għandu jimita lill-Ħallieq. Din l-idea ġieli toħloq kontroversji bejn Lhud konservattivi u oħrajn liberali jew persuni ta’ twemmin ieħor. Dawn tal-aħħar isostnu li jekk Alla huwa onnipotenti, jekk Alla huwa spirtu, ma jkollux għalfejn jistrieħ għaliex ma jgħejjiex. Bla ma nidħol fil-kwistjoni ngħid biss li l-argument tal-mistrieħ ta’ Alla huwa frott l-idea li l-bniedem għandu ta’ Alla, il-bniedem li jara lil Alla bħala bniedem bħalu.

Hemm xi setet Kristjani li wkoll iħarsu l-jum tas-Sibt bħala l-jum qaddis u li fih ma għandux isir xogħol. Dawn huma ftit u l-aktar li jinstabu huma fl-Amerika.

Is-Sibt filgħodu
Minħabba r-realtà li qegħdin ngħixu llum, is-Sibt għalina sar il-jum li fih ikollna nlaħħqu ma’ dak li ma nlaħħqux nagħmlu matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Illum bosta nisa u ommijiet jaħdmu barra mid-dar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u għalhekk f’ dan il-jum japprofittaw irwieħom biex jagħmlu x-xiri u l-qadi li ma jlaħħqux jagħmlu. Biżżejjed tgħaddi minn Vjal De La Cruz f’ Ħal Qormi xi darba s-Sibt filgħodu. Hemmhekk jarmaw il-monti u allura bosta jmorru jagħmlu x-xirja tagħhom dakinhar. Mhux Qriema biss  imorru f’ dan il-monti imma tara nies mill-irħula qrib bħal Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, il-Marsa, Santa Venera u l-Ħamrun.

Is-Sibt filgħodu huwa wkoll marbut mal-ħasil tal-art. Minħabba l-problema li semmejna diġà, illum anke l-ħasil tal-ħwejjeġ qed isir is-Sibt filgħodu. Tradizzjonalment il-ħasla tal-ħwejjeġ kienet issir it-Tnejn filgħodu, imma llum il-biċċa l-kbira tan-nisa jkunu fi triqthom lejn ix-xogħol waqt li ommijiethom kienu jkunu jaħslu l-ħwejjeġ. Nisa anzjani għadhom iżommu din id-drawwa. Fil-fatt ninnota li l-attendenza għall-quddiesa tat-Tnejn filgħodu tkun inqas minn dik ta’ jiem oħrajn.

Is-Sibt waranofsinhar
Waranofsinhar aktarx li dak li jkun jistrieħ ftit. Tard waranofsinhar hemm min imur jisma’ l-quddies biex bħala jgħidu ħafna: ‘ikunu bil-lest’. Id-drawwa li l-obbligu tal-quddiesa tal-Ħadd jista’ jsir is-Sibt wara l-4.30pm ġejja mingħand il-Lhud. Għal-Lhud il-jum ma jibdiex mat-tokki ta’ nofsilejl imma ma’ nżul ix-xemx u għalhekk għalihom is-Sibt jibda l-Ġimgħa filgħaxija. Billi l-fidi Nisranija ħarġet minn dik Lhudija, ittieħdet din id-drawwa wkoll u għalhekk is-Sibt filgħaxija jgħodd mal-Ħadd.

Is-Sibt bil-lejl
Is-Sibt fit-tard aktarx li huwa merfugħ għall-ħruġ. Min imur jara film, min imur jiżfen, min imur jiekol min imur jixrob xi ħaġa, min imur iżur lil xi ħadd tal-familja. Skont l-età ta’ dak li jkun jinbidel il-post tal-ħruġ. Tiftakruh il-film Saturday Night Fever, li ħareġ fl-1977 u kellu lil John travolta bħala protagonist? L-istorja tal-film mużikali hija dwar żagħżugħ, Tony, li s-Sibt filgħaxija kien ifittex li jmur jiddeverti f’ diskoteka. Hemmhekk isib min jitfa’ għajnejh fuqu. Storja li min jaf kemm ġrat tabilħaqq, mhux biss fil-film ta’ Trovolta!

Is-sibt filgħaxija kien u għadu, u forsi żdiet ukoll, il-waqt tal-ħarġa. Il-ħaġa hi li biex in-nies toħroġ u tiddeverti trid issib nies oħrajn li jissagrifikaw is-Sibt filgħaxija biex jidħlu jaħdmu fil-postijiet tad-divertiment. Imma dik hi l-ħajja!

Sibt il-Għid
Iżda llum għall-ħafna ma huwiex Sibt bħall-oħrajn. Illum Sibt il-Għid, il-jum bejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, il-jum li fih in-Nisrani jħejji ruħu għall-akbar festa tal-Knisja. Bħal-lum il-katekumeni kienu jiġu mgħammda u milqugħin fi ħdan il-Knisja. Illum il-magħmudijiet isiru matul is-sena kollha iżda fil-bidu tal-Knisja ma kienx hekk, kienu jsiru fil-ġurnata tal-lum. Ovvajment għal min mhux membru fil-Knisja Kattolika ftit li xejn jinteressah dan li qed ngħid, imma għat-tagħrif tiegħu tajjeb li jkun jafu.

Is-Sibt: wieħed mis-sebat ijiem tal-ġimgħa imma kemm għandu karatteristiċi differenti mis-sitta l-oħra!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Marzu 2016