sabato 25 luglio 2026

Il-jum tas-Sibt

 

Issa ilni numru mhux żgħir ta’ snin nikteb artikli f’dan il-ġurnal. Dawn l-aħħar snin l-artikli tiegħi dehru dejjem fil-jum tas-Sibt. Ġie f’moħħi dan il-fatt u ħsibt li nikteb xi ħaġa propju dwar il-jum li fih naqsam magħkom kitbieti u ħsibijieti.

Ismu


Is-Sibt huwa s-sitt jum tal-ġimgħa u ħa ismu mill-kelma Ebrajka shabbāt, "jum ta' waqfien, u għalhekk ta' mistrieħ". Fil-ġimgħa Lhudija, dan il-jum huwa s-seba' jum u huwa meqjus bħala festa kkonsagrata lil Alla, li fiha x-xogħol u l-attivitajiet kollha, bħal tisjir, kitba, użu tal-elettriku, sewqan, eċċetra ikunu sospiżi. Fl-ilsien Taljan, isem dan il-jum huwa Sabato, li bħal ilsienna ġej mill-isem Ebrajk. L-istess nistgħu ngħidu għal xi ilsna oħra bħalma huwa l-Ispanjol u l-Portugiż – Sábado, il-Franċiż -
Samedi, il-Pollakk – Sobota, kif ukoll ir-Russu li jsejjaħ lil dan il-jum subbota. Iżda fl-Ingliż isem jum is-Sibt, Saturday għandu oriġini oħra. Is-Sibt huwa msejjaħ għal Saturnu, l-alla Ruman tal-agrikultura u ż-żmien. Dan l-isem ġej direttament mill-Latin dies Saturni li jfisser il-Jum ta' Saturnu. L-għeruq ta’ dan l-isem derivat mill-alla Saturnu nsibuhom ukoll fl-ilsna oħra wkoll. Fl-Għarbi jissejjaħ as sabt u hawn naraw il-viċinanza ta’ isem dan il-jum fil-Malti, għax wara kollox, isem in-numri u isem il-jiem tal-ġimgħa aħna ħaddniehom mill-Għarbi.

Is-Sibt fil-fidi

Is-Sibt huwa il-jum qaddis għal-Lhud. Għall-Insara huwa lejlet il-jum qaddis tal-Ħadd u għall-Musulmani huwa l-għada tal-jum qaddis tagħhom. Fil-fidi Lhudija, is-Sibt huwa l-jum qaddisa tal-mistrieħ, li jiġi ċċelebrat minn ftit qabel inżul ix-xemx ta’ nhar il-Ġimgħa sa nżul ix-xemx ta’ nhar is-Sibt. Is-Sibt il-Lhud jiftakru li Alla straħ fis-seba' jum tal-Ħolqien u fil-ħruġ tagħhom mill-eżilju tal-Eġittu. Għalhekk il-Lhud jirritornaw mix-xogħol nhar ta’ Ġimgħa qabel tinżel ix-xemx biex jitolbu, jieklu, u jqattgħu ħin mal-familja. Għall-Insara s-Sibt mhux meqjus bħala jum qaddis iżda interessanti li l-Għasar (it-talb ta’ filgħaxija) tas-Sibt jissejjaħ bħala l-Ewwel Għasar tal-Ħadd, imbagħad il-Ħadd filgħaxija jsir it-Tieni Għasar. Biss lejlet l-Għid il-Kbir, jissejjaħ Sibt il-Għid huwa t-tieni jum mit-Tridu tal-Għid u huwa mħares b’qima kbira. Imbagħad hemm id-devozzjoni ta’ Marija f’jum is-Sibt. Din hija drawwa liturġika antika ħafna ta’ devozzjoni Marjana li tikkonsisti filli l-liturġija tas-sigħat tkun tal-Madonna u tista’ ssir quddiesa tal-Madonna wkoll. Interessanti wkoll li mbagħad il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija tkun dik tal-għada u mhux ta’ dak il-jum stess. Dan minħabba d-drawwa antika li l-jum jibda ma’ nżul ix-xemx u mhux f’nofsillejl. Fl-Iżlam, is-Sibt ma għandux importanza speċjali. Filwaqt li l-Ġimgħa hija l-jum iddedikat għall-qima, is-Sibt jitqies bħala jum normali ta' fost il-ġimgħa.

Jum il-ħasla

Ħafna drabi s-Sibt niddedikawh għall-ħasil tal-ħwejjeġ, imma rridu niftakru li sa ftit għexieren ta’ snin ilu, meta l-kumdità fi djarna ma kinitx dik li hija llum u l-iġene lanqas kienet dik li għandna llum, ħafna kienu jieħdu l-banju nhar ta’ Sibt għax matul il-ġimgħa kienu jiddellku kif jistgħu. Kien żmien ieħor! U dan ara ma naħsbux li kien isir Malta biss. F’kulturi differenti bħal fil-pajjiżi Skandinavi, is-Sibt jissejjaħ lördag, lørdag, jew laurdag, bl-isem li ġej mill-kelma antika laugr jew laug, li tfisser banju. Għalhekk nindunaw li 'lördag' tfisser "jum tal-banju." Dan beda jissejjaħ hekk minħabba l-prattika tal-Vikingi li kienu jinħasslu nhar ta’ Sibt. L-isem għas-Sibt  għall-Maori, ġens indiġenu ta’ New Zealand, huwa Rahoroi, li litteralment ifisser Jum tal-Ħasil. Meta l-Maori kienu kkonvertiti għall-Kristjaneżmu, huma kienu jħallu s-Sibt biex jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom u jilbsuhom indaf għall-knisja nhar il-Ħadd.

U iżjed

F’pajjiżna, elezzjoni ġenerali jew referendum isiru fil-jum tas-Sibt. Din il-ħaġa ma ssirx biss f’Malta imma anke fl-Awstralja kif ukoll fi New Zealand. Is-Sibt ukoll isir il-finali tal-Eurovision Song Contest. Semmejt dawn iż-żewġ avvenimenti għax għalina l-Maltin, kemm l-elezzjonijet kif ukoll l-Eurovision huma ħwejjeġ li nqisuhom “sagri”. Is-Sibt tard filgħaxija u matul il-lejl huma l-ħinijiet li l-biċċa l-kbira tal-bars, pubs, klabbs u ristoranti jkunu mimlijin bin-nies, għax is-Sibt filgħaxija huwa meqjus bħala l-aħjar ħin għall-ħruġ. Fuq kollox is-Sibt huwa l-ewwel jum ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju, 1919 seħħew is-Sibt u l-għeluq tal-bażi Brittanika minn Malta, fil-31 ta’ Marzu 1979 kien is-Sibt ukoll.

Minbarra l-barijiet u r-ristoranti, is-Sibt filgħaxija huwa wkoll popolari għaċ-ċinema. Illum dan id-divertiment reġa’ ħa l-ħajja wara li għal xi snin kien donnu ntemm għal kollox. Fost il-films hemm xi wħud li f’isimhom għandhom il-jum tas-Sibt. Forsi l-aktar popolari huwa Saturday Night Fever, tal-1977, il-film mużikali klassiku taż-żfin b'John Travolta fil-parti ewlenija li ddefinixxa era tad-disco.

U ma’ dan kollu hemm ukoll dawn l-artikli fqajra tiegħi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta; Lulju 2026



Nessun commento:

Posta un commento