sabato 18 luglio 2026

Ħsieb mill-Ukrajna

Żgur li qatt qabel daqs dawn l-aħħar erba’ snin u nofs ma konna nisimgħu bl-Ukrajna. L-Ukrajna hija nazzjon sovran fl-Ewropa tal-Lvant u t-tieni l-akbar pajjiż tal-kontinent skont id-daqs wara r-Russja. Strateġikament pożizzjonata fuq il-Baħar l-Iswed u għandha fruntieri mar-Russja, il-Belarus, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Moldova. Minn Frar 2022, l-Ukrajna qed tiddefendi ruħha kontra invażjoni li saret fuqha mir-Russa. Il-popolazzjoni tal-Ukrajna bħalissa hija stmata bejn 35 u 40 miljun persuna. Madankollu, il-gwerra li għadha għaddejja, ikkawżat spostament intern massiv u emigrazzjoni internazzjonali, u ħalliet biss madwar 30 jew 35 miljun resident jgħixu f'żoni kkontrollati mill-gvern.

Dan kollu nafuh jew kważi kollu. Allura x’wassalni biex illum nikteb xi ħaġa li għandha x’taqsam ma’ dan il-pajjiż?

Wara attakk

Aħna, l-Patrijiet Dumnikani tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema, ma niċċelebrawx il-festa ta’ San Duminku f’Awwissu, kif isir fil-Belt Valletta u fil-Birgu, imma niċċelebrawha fl-24 ta’ Mejju, it-tifkira ta’ meta l-fdalijiet ta’ San Duminku nqalgħu mill-qabar u tpoġġew f’dik li tissejjaħ “Arca di San Domenico” li nsibu fil-knisja tagħna d-Dumnikani fil-belt ta’ Bologna, l-Italja. Din is-sena, billi l-24 ta’ Mejju ħabat il-Ħadd, iċċelebrajna din il-festa fis-26 tax-xahar. Lejlet il-festa waslitilna aħbar xejn sabiħa mingħand ħutna d-Dumnikani ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. L-għada, minflok ritratt ta’ San Duminku, tellajt post fuq facebook b’ritratt tal-kunvent Dumnikan ta’ Kiev u b’dan il-kliem:

“Matul il-lejl, Kiev sofriet attakk qawwi minn drones u missili Russi. Missila laqtet bini residenzjali li jinsab quddiem il-kunvent tagħna l-Patrijiet Dumnikani u kkawżat ħsara lill-kunvent. Wieħed mill-patrijiet, il-pirjol Jarosław Krawiec iddeskriva dan l-attakk bħala <<l-aktar attakk orribbli minn kemm ilha li bdiet il-gwerra.>> F'dan il-kunvent jgħixu 8 patrijiet, 6 Pollakki u 2 mill-Ukrajna. Ħadd minnhom ma weġġa' f'dan l-attakk imma l-kunvent ġarrab ħsarat kbar.”

Ftit jiem wara kellimni l-Provinċjal tagħna u qalli li l-Provinċjal Dumnikan tal-Ukrajna, talbu jekk hux possibli li wieħed mill-patrijiet tiegħu jiġi għal xi ġimgħat Malta sabiex jistudja l-Ingliż. Il-Provinċjal tiegħi staqsieni jekk hux possibbli li nospitawh fil-kunvent ta’ Tas-Sliema. Huwa qalli wkoll li b’dan l-att dan il-patri se jeħles xi ftit mill-gwerra u l-ħoss tal-bombi. Jiena bejn b’ċajta u bejn b’serjetà għidtlu li billi ġej Malta  fis-sajf, ser jeħles mill-ħoss tal-bombi u jisma’ l-ħoss tal-murtali. Żgur li hemm differenza enormi bejn dak li jwassal il-ħoss tal-bomba tal-gwerra u dak li jwassal il-ħoss tal-murtal tal-festa, wieħed iġib il-qorda u l-mewt, l-ieħor iħabbar il-ferħ.

Jasal Oleksandr

Intant il-jum li fih kellu jasal dan il-patri Dumnikan Malta wasal ukoll. Mort nilqgħu l-ajruport, għax ma kontx naf liema livell ta’ Ingliż kellu u jekk ma jsibx xi ruħ tajba titkellem bl-Ukren ma kontx naf kif kien ser jasal Tas-Sliema. Ġie b’titjira minn Krakovja l-Polonja għax kif qalli hu, bħalissa mill-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna, ajruplani militari biss jistgħu jittajru. Vjaġġ ta’ kważi 900 kilometru. Patri Oleksandr qalli wkoll li biex joħroġ mill-Ukrajna kellu bżonn permess speċjali mingħand il-gvern peress li bħalissa l-pajjiż għaddej minn gwerra. Qalli li kien beda jitgħallem l-Ingliż fil-Polonja imma mbagħad bdiet il-gwerra u kellu jwaqqaf kollox, imma issa s-superjuri tiegħu bagħtuh Malta għax hawn anke waqt li ma jkunx il-ħin tal-lezzjonijiet ikollu bil-fors jitkellem bl-Ingliż. Komplejna nitkellmu u sirt naf li hu kien wieħed mill-patrijiet fil-kunvent ta’ Kiev meta ġie milqut mill-missili u d-drones Russi.

Trawma

Wasalna l-kunvent għal ħin l-ikel. Tajtu l-kamra u nżilna nieklu mal-komunità, introduċejtu u nsomma s-soltu storja tagħna l-patrijiet, ruxmata mistoqsijiet u nistennew tweġiba għal kollox. Filgħaxija dawwartu ftit l-inħawi tagħna u l-għada l-Ħadd filgħodu ħadtu miegħi għall-quddeisa tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Filgħaxija ħadtu sal-Imdina. Wara li dorna din il-belt antika, ħadna te u ħsibna biex nerġgħu lura lejn il-kunvent, Tajna ħarsa minn fuq is-swar biex naraw lil Malta mixgħula. Ħin minnhon dan Oleksandar dar fuqi u qalli: “Dan ħoss ta’ drone!” Ngħid id-dritt jien lanqas kont tajt każ tal-ħoss imma hu dlonk induna. Għidtlu li aktarx li xi ħadd kien qed jiġbed xi biċċa film. Hawn dlonk indunajt bit-trawma li dawn in-nies għandhom minħabba l-gwerra, dak li għalina huwa oġġett ta’ ftit jew wisq sinifikat, għalihom ifisser terrur. U dan kien li daħħal il-ħsieb f’moħħi li nikteb dak li ktibt illum. Patri Oleksandr qalli l-biċċa l-kbira ta’ suldati Ukreni li tilfu ħajjithom, mietu minn attakki tad-drones. Qalli li hu għandu ħuh suldat. Min ilumu li jinħasad meta jisma’ drone?

Il-gwerra kif tibdlu lill-bniedem! Kemm hu sew li ngħożżu s-sliem u naħdmu għalih. Jalla ma ddumx ma tieqaf din il-gwerra, li bħal kull gwerra oħra ma fihiex rebbieħ imma kulħadd ikun tellief fiha.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Lulju 2026


 

Nessun commento:

Posta un commento