Visualizzazione post con etichetta Frankfurt. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Frankfurt. Mostra tutti i post

sabato 17 agosto 2024

Il-Hot Dog

 

Fi ċkunitna waħda mill-akbar stennija fil-jiem tal-festa tar-raħal kienet li jarmaw il-gabbani u mmorru nixtu hot dog, bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u bi ftit fażola biz-zalza fuqu. Għalina kienet tkun xi ħaġa speċjali għax dan it-tip ta’ ikel konna nsibuh biss fil-jiem tal-festa minkejja li huwa xi ħaġa ħafifa ħafna biex tippreparah id-dar. Insomma għalina t-tfal ta’ dawk is-snin kienet tkun l-aqwa ikla li konna nistennewha b’ħerqa minn festa għal oħra, minn sena għal sena. Din ma hijiex xi ħaġa li oriġinat Malta, imma addottajnieha u addattajna r-riċetta tagħha għalina.

Iz-zalzetta u l-bezzun

Il-kelma hot dog tista’ tirreferi għaż-zalzett biss. Iz-zalzett li oriġinarjament kien ikun użat għall-hot dog huwa msejjaħ Wiener, jiġifieri zalzett ta' Vjenna jew inkella Frankfurter jew Frankfurter Würstchen, imsejjaħ ukoll Frank. L-ismijiet ta’ dan iz-zalzett bosta drabi jirreferu għad-dixx magħmul minnhom. Il-preparazzjoni u l-kondimenti tal-hot dog ivarja madwar id-dinja. Kondimenti tipiċi jinkludu mustarda, ketchup, basal fiz-zalza tat-tadam u zalza tal-ġobon. F’xi postijiet il-hot dog ikun jinkludi basal imqatta’  jalapeños, ġobon maħkuk, coleslaw jew bacon. Dawn it-tipi ta’ zalzett kienu jkunu importati fl-Istati Uniti mill-Ġermanja u saru popolari ħafna fil-pajjiżi kollha. Il-hot dog kien sar l-ikel tat-triq tal-klassi tal-ħaddiema fl-Istati Uniti u kien ikun mibjugħ minn gabbani u karettuni armati apposta b’dan l-ikel. Forsi ftit jafu li l-hot dog sar assoċjat mill-qrib mal-baseball u minħabba l-popolarità ta’ dan l-isport, daħal ħelu ħelu fil-kultura Amerikana.

Jekk insemmu l-bezzun nistgħu ngħidu li dan ikun magħmul minn ħobż artab, li fost il-furnara kien magħruf bħala ħobż tal-Franċiż. Dan il-ħobż huwa differenti mill-ħobż Malti u fost l-ingredjenti tiegħu nsibu x-xaħam jew il-butir, ingredjent li ma ssibux fil-ħobża Maltija. Il-proċess ta’ dan it-tip ta’ ħobż huwa wkoll differenti minn dak tal-Malti għax dan għandu bżonn is-sħana u l-fwar qabel ma jiddaħħal fil-forn. Jekk il-ħobża Maltija tinħabeż, jiġifieri tiddaħħal fil-forn biex tissajjar, fuq il-qiegħa tal-forn, il-bezzun tal-ħobż tal-Franċiż jissajjar fi pjanċa.

Frankfurter u Wiener

Il-kelma “Frankfurter” ġejja minn Frankfurt, il-Ġermanja, fejn oriġina z-zalzett tal-majjal simili għal dak li jintuża fil-hot dogs. Dan iz-zalzett, li jissejjaħ ukoll Frankfurter Würstchen, kien magħruf sa mis-seklu 13 u sar aktar popolari meta beda jitqassam lill-poplu fil-festi tal-inkurunazzjonijiet imperjali. Din id-drawwa bdiet fl-inkurunazzjoni ta' Massimiljanu II, Imperatur tas-Sagru Imperu Ruman fl-1564. Il-kelma "Wiener" tirreferi għal Vjenna, il-belt kapitali tal-Awstrija, li bil-Ġermaniż tissejjaħ Wien. Hemm kien hemm ħanut tal-laħam li beda jagħmel zalzett magħmul minn taħlita ta’ majjal u ċanga waqt li z-zalzett ta’ Frankfurt kien ikun fih laħam tal-majjal biss. Johann Georg Lahner, biċċier li għex bejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19 mill-belt ta’ Coburg, jingħad li ġab il-Frankfurter Würstchen fi Vjenna, fejn żied iċ-ċanga mat-taħlita u sempliċement sejħilha Frankfurter. Illum il-ġurnata, fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, ħlief l-Awstrija, iz-zalzett tal-hot dog jissejjaħ Wiener jew Wiener Würstchen.

Iz-zalzetta fil-bezzun

Mhux magħruf sewwa min beda l-prattika li jservi ż-zalzett fil-bezzun. Waħda mill-iktar stejjer kredibbli tgħid li Harry M. Stevens, li kien ibigħ l-ikel imsajjar, waqt li kien qed jaħdem fin-New York Polo Grounds fl-1901, ġiet f’moħħu l-idea li juża bziezen tal-ħobż Franċiż biex iżomm iz-zalzett minħabba li kienet spiċċat il-karta strazza li kienu qed jużaw biex iservi z-zalzett. Storja oħra tgħid li wieħed imigrant Ġermaniż jismu Anton Ludwig Feuchtwanger, minn Frankfurt, kien pijunier fil-ħolqien tal-hot dog li nafu llum. Huwa kien ibigħ iz-zalzett fuq karettun fit-toroq. Billi dan iz-zalzett kien ikun jaħraq, huwa kien jipprovdi ngwanta lil min kien jixtri zalzatta, biss ħafna drabi ix-xerrej kien jibqa’ sejjer bl-ingwanta u kif ngħidu bil-Malti lil dan Feuchtwanger kienet tiġih iz-zalza ogħla mill-ħuta jew biex nibqgħu fl-istess argument kienet tiġih l-ingwanta ogħla miz-zalzetta. Għalhekk martu jingħad li ssuġerietlu li z-zalzett jibda jbigħu f’bezzun tal-ħobż Franċiż. Xi wħud jgħidu li dan Feuchtwanger introduċa z-zalzett fil-bezzun  fl-1904 waqt il-Louisiana Purchase Exposition.

Illum

Il-hot dog tal-lum ma għadux dak li konna nsibu nixtru mill-gabbani tal-festi nofs seklu ilu. Illum inbidel fid-dehra u sirt issibu servut anke fi ħwienet tal-ikel, speċjalment f’menu għat-tfal. Biss ma rridux naħsbu li dan huwa ikel għat-tfal biss. Fl-Amerika, fejn wara kollox oriġina l-hot dog, isiru kompetizzjonijiet tal-hot dogs fosthom Nathan's Hot Dog Eating Contest li jsir kull nhar l-4 ta’ Lulju fi Brooklyn, New York, kompetizzjoni li ilha ssir mill-1972 u li għaliha jkunu l-adulti li jieħdu sehem. Is-sena l-oħra rebaħ din il-kompetizzjoni raġel li kiel 62 hot dog.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Awwissu 2024



sabato 4 marzo 2023

Il-kċina

 

Aktarx li waħda mill-aktar kmamar fid-dar li ngħaddu ħin ġewwa fiha ħija l-kċina, għax fiha mhux biss nippreparaw l-ikel u niekluh imma fiha nistgħu nagħmlu elf ħaġa oħra, u llum aktar minn qabel, billi d-djar tagħna ma għadhomx ta’ dak il-kobor li kienu xi snin ilu u llum kamra waħda tiġbor fiha tlieta jew erba’ kmamar minn ta’ dar ta’ erbgħin jew tletin sena ilu. Bla duju kulħadd jaf li l-kċina hija kamra speċifika f'bini jew f’dar, mgħammra b'mod speċjali għall-preparazzjoni tal-ikel u bosta drabi fejn dak l-ikel jiġi kkunsmat. Ġeneralment fiha jkun hemm ilma ġieri, kemm kiesaħ kif ukoll sħun u apparati domestiċi varji bħal forn , friġġ  eċċetra. Minkejja li nqattgħu tant ħin fiha, għandna mnejn lanqas nafu xi storja kurjuża għaddiet minnha din il-kamra li llum insibuha f’kull dar u f’kull bini ieħor li fih jgħaddu xi tul ta’ ħin in-nies, bħal ngħidu aħna uffiċċju jew ħanut tax-xogħol.

Mal-mixja taż-żmien


Il-kċina bħala post speċifiku fl-abitat uman mhux dejjem eżistiet. Madankollu, hekk kif in-nar beda jkun użat u kkontrollat jiġifieri bla ebda periklu bdejna nsibu l-kċejjen fid-djar. Dan nistgħu nqisuh bħala t-twelid ta' post kollettiv għall-konsum tal-ikel imsajjar.

F'palazzi, f’kastelli jew djar ta’ nies għonja li kienu jħaddmu magħhom għadd ta’ qaddejja, il-kċina kienet tkun f'żona separata mill-parti abitata mill-familja. L-ikel kien jissajjar u mbagħad jinġarr mill-qaddejja jew fuq gabarrejiet jew jekk ikun hemm ammont kbir ta’ platti kien jintuża karru bir-roti li jieħu l-ikel minn fejn jissajjar sal-kamra tal-ikel.

Minn barra għal ġewwa

Fid-djar Ewropej tal-bidu tal-Medjuevu, meta bdejna nsibu djar b’kamra waħda kbira, il-kċina sabet ruħha fid-dar. Kien ikun hemm post għan-nar fil-kenur taħt l-ogħla punt tal-bini. Aktarx li ż-żona tal-kċina kienet tkun bejn id-daħla tad-dar u l-post fejn ikun hemm in-nar. Fi djar għonja ġieli kien ikun hemm aktar minn kċina waħda. F'xi djar kien ikun hemm 'il fuq minn tliet kċejjen. Il-kċejjen kienu maqsuma skont it-tipi ta’ ikel ippreparat fihom.

Il-kċina ta' Margarethe Schütte-Lihotzky



Il-kċina aktarx kienet  tkun separata mis-sala l-kbira minħabba d-duħħan, min-nirien u r-riħa tat-tisjir u biex ikun evitat il-periklu u ċ-ċans li n-nirien kienu jistgħu iqabbadu d-dar kollha. Pass kbir lejn il-kċina moderna mgħammra kif nafuha llum kienet il-Kċina ta' Frankfurt, iddisinjata minn Margarethe Schütte-Lihotzky għal proġett ta' akkomodazzjoni soċjali fl-1926. Din il-kċina kien fiha 1.9 bi 3.4 metri u kienet maħsubha biex tkabbar l-effiċjenza tal-kċina filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż tal-bini. Id-disinn kien ir-riżultat ta' studji dettaljati li wettqet Schütte-Lihotzky kif ukoll ta’ bosta intervisti ma' kerrejja futuri ta’ dawn id-djar biex ġie identifikat eżatt dak li kellhom bżonn mill-kċejjen tagħhom. Il-kċina fitted ta’ Schütte-Lihotzky sabet ruħha f’xi 10,000 appartament fi proġetti ta’ djar mibnija fi Frankfurt fis-snin tletin tas-seklu li għadda.

Illum

Is-snin tmenin raw reazzjoni kontra d-disinn tal-kċina li konna mdorrijin biha, b'nies bdew jippreferu jgħaqqdu flimkien taħlita ta’ spażji li qabel kienu jkunu fi kmamar separati. Il-kċejjen moderni ħafna drabi huma spazju informali li jippermettilek li tiekol mingħajr ma jkollok bżonn tuża l-kamra tal-ikel, li hija meqjusa bħala formali. Dawn iż-żoni jissejħu "breakfast areas," "breakfast nooks," jew "breakfast bars" jekk l-ispazju jkun integrat fil-bank tal-kċina. Kċejjen bi spazju biżżejjed biex fiha jsir l-ikel ukoll kultant jissejħu "living kitchen.”

Il-kċina tan-nanna

Ma nistax nikteb fuq kċina bla ma moħħi joħodni lura lejn il-kċina tan-nanna tiegħi. Il-kċina tan-nanna kienet il-post fejn niltaqgħu maż-żijiet u l-kuġini kollha. Kont tidħol għaliha minn loġġa. L-beda bieb ma kien hemm imma daqsxejn ta’ purtiera fjurita miġbuda mal-koxxa tal-bieb b’lazz. Minn ħajt sa ħajt kien hemm bħal xkaffa tal-ġebel li fuqha kien isir it-tisjir u taħtha jintrefgħu l-borom, it-twaġen u l-platti u dak kollu li ssib fil-kċina. Purtiera fjurita pariġġ dik tal-bieb kienet tgħatti kollox. Fuqu spiritiera ta’ bi tlieta u spiritiera tat-tromba bi stanjata kafè dejjem tnemnem fuqha. Sewwasew fin-nofs kien hemm sink fejn taħsel il-platti.

Fin-nofs mejda u sitt siġġijiet, kuker tal-pitrolju u fridge ċkejkna filwaqt li bejniethom daqsxejn ta’ armarju li kien ikun fih kull xorta ta’ ikel, kif ngħidu bil-Malti kien ikun fih il-barka ta’ Alla.

Illum il-kċina tan-nanna spiċċat bħalma wara kollox spiċċat hi wkoll u l-borom u l-pagni tal-fuħħar li darba kienet issajjar fihom nanti spiċċaw iżejnu l-kċina l-ġdida li ħadet post dik l-antika.

Dawn huma xi ftit ħsibijiet li għaddew minn moħħi dan l-aħħar u xtaqt naqsamhom magħkom. Il-kċina, forsi l-aktar post fid-dar li ngħaddu ħin fiha u forsi l-inqas kamra li ngħożżu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Marzu 2023