sabato 29 agosto 2026

Punt ħjata

 

Fi ċkuniti, allura madwar nofs seklu ilu, il-ħajja tagħna kienet għal kollox differenti minn dik tal-lum. Tradizzjonijiet u drawwiet, snajja u ħidmiet li llum jew twarrbu u spiċċaw jew qegħdin fl-għafja tal-mewt, agunija. Fost dawn is-snajja nistgħu nsemmu s-sengħa tal-ħjata. Illum kulħadd jixtri l-ħwejjeġ meħjutin lesti, mhux bħal fi ċkuniti, li tibdila ġdida kienet tfisser żjara għand il-ħajjata biex toħodlok il-qies, imbagħad wara li t-tibdila titfassal u tingħaqad bit-tixlil, tmur iġġarrab. Illum mhux biss is-sengħa tal-ħjata qed tgħib minn fostna imma anke t-terminoloġija, il-kliem użat mill-ħajjata, ħafna lanqas jafu xi jfisser.  Nistħajjilkom tgħidu allura jien kif naf b’dawn il-kliem u naf ukoll xi jfissru? Le, jien qatt ma kelli s-sengħa ta’ ħajjat, imma fil-familja kelli min iħit u għalhekk fi ċkuniti kont spiss nisma’ dan il-kliem tekniku u isma’ llum u isma’ għada fl-aħħar titgħallem int ukoll. Kelli z-zija Tonina, xebba tieħu ħsien in-nannu u n-nanna, li kienet tħit għaliha, għalina u għan-nies. Ommi wkoll kienet tagħmel xi punt ħjata, bħala kważi n-nisa tad-dar kollha ta’ dak iż-żmien. Niftakar il-magna tal-ħjata bla mutur u taħdem bil-pedala tas-saqajn. Il-magna tal-bużnanna hekk kienet, u Alla jbierek għadha taħdem sal-lum. Għax tajjeb ngħidilkom li anke l-bużnanna kienet taf tħit u jingħad li kienet tħit l-għonnelel. Illum hawn min lanqas iwaħħal buttuna ma jaf kif. X’differenza!

Ma nafx kif ġietni l-kurżità dwar l-ilbies u l-ħjata u dak li skoprejt nixtieq naqsmu magħkom għaliex veru interessnti.

Ftit storja

Ħadd ma jaf meta l-bnedmin bdew iħitu u jagħmlu l-ħwejjeġ, iżda l-eqdem labra tal-ħjata fid-dinja tmur lura madwar 50,000 sena. Filwaqt li llum tidher qisha għodda sempliċi, il-labra tal-ħjata dak iż-żmien  kienet invenzjoni kbira, tal-għaġeb, kważi kważi miraklu.


Ħafna xjentisti jemmnu li l-bnedmin bdew jilbsu l-ħwejjeġ bejn 100,000 u 500,000 sena ilu. L-ewwel bnedmin probabbilment bdew jilbsu l-ħwejjeġ billi jgħaqqdu u jorbtu l-ġlud tal-annimali u wara bdew iħitu dawn il-ġlud flimkien permezz ta’ labar tal-għadam. Kellhom jgħaddu bosta eluf ta’ snin qabel ma l-avvanzi fit-tessuti għamlu possibbli l-invenzjoni tal-magna tal-ħjata.

Meta mqabbla mal-istorja twila tal-labar tal-ħjata, l-istorja tal-magni tal-ħjata hija relattivament waħda qasira, iżda mhijiex inqas minn miraklu. Mill-invenzjoni tal-magna tal-ħjata matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali, madwar 250 sena ilu, saru avvanzi inkredibbli. Il-bniedem komuni għadda minn ħwejjeġ mhux raffinati għal ħwejjeġ ta’ kwalità għolja li jkunu maħdumin bil-kwantità fi żmien relattivament qasir.

Il-magna tal-ħjata

Il-magni tal-ħjata ġew ivvintati matul l-ewwel Rivoluzzjoni Industrijali. L-ewwel Rivoluzzjoni Industrijali seħħet bejn l-1760 u l-1840. Bdiet fil-Gran Brittanja u kienet waħda miil-ewwel bidliet kbar u effettivi fis-soċjetà umana li bidlet l-industriji mill-produzzjoni bl-idejn għall-produzzjoni bil-magni.

Din ir-Rivoluzzjoni Industrijali ħolqot ukoll ħtieġa għal bidla fl-industrija tat-tessuti, li bbenefikat bil-kbir mill-magni l-ġodda li ġew ivvintati. In-newl tal-qedem twarrab biex bdew jiġu minsuġa drappijiet b’magni elettriċi ġodda, u l-magni tal-insiġ tal-qoton żiedu l-produzzjoni tal-ħaddiem tal-fabbriki tat-tessuti b’madwar 500 darba.

F'daqqa waħda, id-drappijiet u t-tessuti saru abbundanti. Hekk kif il-produzzjoni tad-drappijiet kompliet taqbeż il-manifattura tal-ħwejjeġ, il-ħażniet tad-drappijiet kibru. B’lingwaġġ tekniku llum ngħidu li l-produzjoni kienet akbar mit-talba. Peress li l-ħjata bl-idejn kienet teħtieġ ħafna xogħol u ħin, il-magni kienu r-risposta għall-problemi tal-produzzjoni, il-kunċett tal-magna tal-ħjata kien inevitabbli.

Min ivvintaha?

Fl-1755, Charles Weisenthal kien l-ewwel persuna li kiseb rikonoxximent relatat ma’ magna tal-ħjata. Weisenthal, inventur u tabib Ġermaniż, irċieva dan ir-rikonoxximent għal-labra ta’ magna tal-ħjata, li allura kien ifisser li kien hemm magna għaliha. Il-fatt li kiseb rikonoxximent għal-labra juri li n-nies xorta taw importanza konsiderevoli lil-labra, li l-bnedmin kienu ilhom jużaw għal żmien twil.

Filwaqt li Weisenthal spiss jingħata l-kreditu għall-idea ta’ magna tal-ħjata, Thomas Saint mill-Ingilterra ddisinja l-ewwel magna tal-ħjata. Thomas Saint huwa aktarx meqjus bħala l-inventur tal-magna tal-ħjata, u huwa ġab id-disinn tal-magna tal-ħjata eqreb lejn ir-realtà.

Fl-1790, Saint ħoloq tpinġijiet dettaljati ta’ magna tal-ħjata, għalkemm m'hemm l-ebda evidenza li turi li huwa bena xi tip ta’ magna tal-ħjata. Ma kienx qabel l-1874, kważi seklu wara, li William Newton Wilson sab it-tpinġijiet ta’ Saint u uża dawk id-disinji biex jibni l-ewwel magna tal-ħjata li taħdem bi mratt manwali.

Fl-84 sena bejn iż-żmien li Thomas Saint ħoloq id-disinn tal-magna tal-ħjata u meta William Newton Wilson bena magna, kien hemm diversi tentattivi biex tinħoloq magna tal-ħjata. Xi wħud minn dawn l-isforzi ma rnexxewx, iżda dawn kienu l-oriġini tal-magni tal-ħjata li wasslu għat-twelid tal-ewwel magna tal-ħjata fl-1846. Ma nidħolx fil-mertu ta’ min ivvintaha għax l-idea riedet tkun imma riedet titħażżeż fuq karta u minn tħażżiż fuq karta ried ikun hemm min jirrealizza dik l-idea mpinġija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiku deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Awwissu 2026




venerdì 21 agosto 2026

Id-dulliegħ

Bla dubju ta’ xejn fost il-frott kollu tas-sajf, id-dulliegħ huwa wieħed mill-aktar popolari għax bla dubju minbarra t-togħma tajba tiegħu, fih ħafna meraq u felli dulliegħa kiesaħ jaqta’ l-għatx żgur fil-jiem sħan tas-sajf. Id-dulliegħa hija pjanta annwali b’weraq kbar u frott kbir, tond jew ovali. Il-pjanta hija rikonoxxibbli mill-weraq distintivi tagħha u l-għadd kbir ta' frott li tipproduċi, saħansitra kultant sa mitt waħda kull pjanta. Il-frott huwa disponibbli esklussivament fil-perjodu tas-sajf, bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Settembru.

Oriġini

Aktarx li l-ewwel kultivazzjoni tad-dulliegħ saret fl-Eġittu tal-qedem. Hemm leġġenda li tgħid li kien f'dan il-post stess li d-dulliegħa oriġinat miż-żerriegħa ta’ Set, l-alla Eġizzjan tal-qedem tad-deżert, maltempati, kaos, vjolenza u l-barranin. Spiss kien ikun impitter b’ġisem ta’ bniedem iżda b'ras misterjuża ta' annimal. Dan l-alla kien magħruf għall-qtil ta' ħuh Osiris. Għalhekk, l-Eġizzjani kienu jpoġġu għadd ta’ dulliegħ fl-oqbra tal-Fargħuni, bħala mezz ta' sostenn għall-ħajja ta' wara. 

It-tabib Skoċċiż, missjunarju u l-esploratur famuż tal-Afrika David Livingstone, li għex bejn l-1813 u l-1873, kien qal li l-pjanta tad-dulliegħ tikber b'mod abbundanti fid-Deżert ta’ Kalahari, minn fejn jidher li oriġinat. Hemmhekk, il-frott jikber selvaġġ u huwa magħruf bħala tsamma. Id-Deżert ta’ Kalahari jestendi fuq żona ta’ aktar minn disa’ mitt elf kilometru kwadru u huwa mifrux fi tliet nazzjonijiet, Il-Botswana, in-Namibja u l-Afrika ta’ Isfel. Dan id-deżert huwa xott ħafna u għal din ir-raġuni l-frotta tad-dulliegħ hija sors regolari ta' ilma għall-abitanti taż-żona, kif ukoll isservi bħala ikel kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali.

Fis-seklu 10 AD , id-dulliegħ beda jkun ikkultivat fiċ-Ċina, biex illum dan il-pajjiż sar l-akbar produttur fid-dinja ta’ din il-frotta bnina. Huwa kkalkulat li f’dan il-pajjiż ikunu prodotti 63,960,353 tunellata ta’ dulliegħ kull sena. Fl-Ewropa, il-pjanta ta’ din il-frotta ġiet introdotta mill-Għarab fis-seklu tnax.

Forma, lewn u varjetà

Bħalma għidt, u ovvjament tafu, id-dulliegħ ikun tond jew ovali, biss xi snin ilu fil-Ġappun bdew jibdlu l-forma ta’ din il-frotta. Dan isir billi meta titfaċċa l-frotta fix-xitla, din jitpoġġielha kontenitur kwadru madwarha biex meta tikber tieħu l-forma tiegħu. Dulliegħa kwadra tkun aktar faċli biex tinġarr u jinħela anqas spazju fil-ġarr.

Fejn jidħol il-lewn tad-dulliegħ aħna ngħidu li hija ħadra minn barra u ħamra minn ġewwa, iżda ġieli naraw dulliegħ li jkun isfar minflok aħmar. Il-dulliegħ isfar huma naturali. Fil-fatt din hija varjetà antika li kienet teżisti qabel id-dulliegħ aħmar komuni, u tmur lura għal aktar minn 5,000 sena. Il-kulur safrani mhuwiex riżultat ta' modifika ġenetika imma sempliċement iseħħ għax ma jkunx fiha il-lycopene, l-antiossidant li jagħti lid-dulliegħa l-ħamra l-kulur distintiv tagħha. Spiss id-dulliegħ isfar ikun aktar ħelu minn dak aħmar.

Il-varjetajiet tad-dulliegħ jaqgħu primarjament f'erba' kategoriji ewlenin: dawk biż-żerriegħa, dulliegħ mingħajr żerriegħa, dulliegħ minjatura, u frotta bil-qalba safra jew tagħti fl-oranġjo. Il-bdiewa Maltin normalment ikabbru l-varjetà tradizzjonali jiġifieri dulliegħ biż-żerriegħa b'żrieragħ peress li din il-varjetà  għandha togħma aqwa minn varjetajiet oħra.

 Festival

Id-dulliegħa daħlet ukoll fl-arti u hawn artisti li joħolqu skultura minnha. Fl-2006, beda jsir il-Festival imsejjaħ Melounovy fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka. Dan il-festival iġib flimkien xi wħud mill-aqwa artisti tad-dulliegħ minn madwar id-dinja ta’ kull sena. Din l-arti qegħda kulma jmur issir aktar popolari u anke f’pajjiżna ġieli naraw xi skultura fid-dulliegħa. L-isfortuna hija li din hemm żmien limitat kemm tkun tista’ titgawda għax il-frotta tispiċċa.

Benefiċji

Id-dulliegħa hija frotta idratanti ħafna u b'kaloriji baxxi, mimlija antiossidanti, il-vitamini A u Ċ, u l-aċidu amminiku li jgħin ħafna lis-saħħa tal-qalb billi fost oħrajn ibaxxi l-pressjoni, inaqqas l-infjammazzjoni, u jgħin fl-irkupru mill-eżerċizzju u l-vitalità tal-ġilda. Id-dulliegħa fiha 92% tagħha ilma u għalhekk kull felli (medju mhux kbir ħafna) fih madwar 45 kalorija. Għalhekk dan il-frott huwa tajjeb ħafna għal min irid jagħmel dieta biex inaqqas mill-piż. Mill-banda l-oħra, id-dulliegħa fiha ammont sostanzjai ta’ zokkor naturali allura wieħed irid joqgħod attent l-aktar jekk ikun diabetiku. Imma ammonti moderati ma jagħmlu ħsara lil ħadd.

Ħaġa moħġaġa

Id-dulliegħa daħlet ukoll fil-folk Malti u missirijeitna kienu jgħidu ħaġa moħġaġa hekk: "Ħamra nar, nar mhijiex, ħadra ħaxix, ħaxix mhijiex, tnixxi l-ilma, għajn mhijiex". Kien hemm min iżid ukoll: “Tonda bħad-dinja, dinja mhijiex”. Ikollna nammettu li din il-ħaġa moħġaġa llum tilfet ftit mis-sens tagħha għax mal-ħmura nsibu l-isfar u l-forma tad-dinja tibqa’ tonda imma d-dulliegħa minbarra ovali nistgħu nsibuha kwadra wkoll.

Hi x’inhi, din il-frotta hija waħda mill-itjeb li nistgħu nduqu matul is-sajf, sew fuq il-mejda tal-ikel id-dar kif ukoll fejn il-baħar. U xi ngħidu għal felli dulliegħa friska wara xi barbeque?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Awwissu 2026




sabato 15 agosto 2026

Awwissu u Santa Marija

Niftakar lill-bużnanna tiegħi, li l-Qriema kienu jafuha bħala Anni Galluwa, kienet issejjaħ ix-xhur bl-isem ta’ xi qaddis li jkun iċċelebrat f’dak ix-xahar partikolari. Pereżempju jekk kont tgħidilha li ġejja oħtha taraha minn Tuneż f’April kienet issaqsik April jekk hux ix-xahar ta’ San Ġorġ. U hekk il-bqija tax-xhur l-oħra tas-sena. Meta kienet tirreferi għal Awwissu kienet issejjaħlu “Ta’ Santa Marija”, u bir-raġun għax propju f’nofsu niċċelebraw is-solennità t-tlugħ ta’ Marija Santissa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Minkejja s-sekularizazzjoni kollha li teżisti madwar id-dinja kollha, din il-festa timmarka żmien partikolari, bħalma huma l-vaganzi u l-mistrieħ mix-xogħol, dak li jissejjaħ shut down u bit-Taljan Ferragosto. Ejjew naraw xi ħaġa żgħira dwar din il-festa.

Domma ta’ fidi

L-Assunzjoni ta' Marija hija domma tal-Knisja Kattolika maħruġa fl-1950 mill-Papa Pju XII, li tgħid li l-Verġni Marija, fl-aħħar ta' ħajjitha fid-dinja, ġiet imtellgħa fis-sema kemm bil-ġisem kif ukoll bir-ruħ. Din il-festa tkun iċċelebrat kull sena fit-15 ta' Awwissu. Din id-domma hija bbażata fuq it-twemmin li Marija, li ġiet ippreservata mid-dnub oriġinali (Immakulata Kunċezzjoni), ma kinitx suġġetta għall-korruzzjoni li sseħħ permezz tal-mewt. Id-dokument uffiċjali li ta’ din id-domma jġib l-isem ta’ Munificentissimus Deus, jiġifieri “Alla l-Iktar Ġeneruż” u kien mogħti lill-Knisja nhar l-1 ta’ Novembru tal-1950.

Is-7 Santa Marijiet u aktar

Spiss insemmu s-seba’ Santa Marijiet għax seba’ parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta nhar il-15 ta’ Awwissu. Insibu sitta minnhom f’Malta u waħda f’Għawdex. Dawn huma: Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħ'Attard, il-Mosta, l-Mqabba, il-Qrendi u r-Rabat Għawdex, li ta’ min jgħid li din mhix biss parroċċa imma wkoll il-katidral tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Intant ma’ dawn irridu nżidu erba’ parroċċi oħra li l-Assunta hija t-titular tagħhom: Ħad-Dingli, l-Imġarr, Birkirkara l-knisja l-qadima u ż-Żebbuġ Għawdex.

Minbarra dawn insibu wkoll numru sabiħ ta’ kappelli li wkoll huma ddedikati lil Santa Marija. B’kollox insibu 29 kappella madwar Malta u Għawdex li l-Assunta hija titulari tagħhom. Hemm xi rħula li għandhom żewġ kappelli ddedikati lilha bħall-Għargħur, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, ir-Rabat Malta, Ħaż-Żabbar, in-Naxxar u ż-Żejtun imbagħad Ħal Qormi nsibu tlieta: tal-Ħlas, tal-Qrejqċa u tal-Blat. Skont l-istoriku Ġan Franġisk Abela, il-katidral tal-Imdina oriġinarjament kien iddedikat lill-Assunta wkoll. Ma nafx ngħidilkom sew għax dan l-istoriku Malti kiteb hekk fl-1647. Ma nistax ma nsemmix forsi l-aktar santwarju għażiż għalina l-Maltin, il-Knisja ta’ Pinu f’Għawdex, li wkoll hija ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema.

Mela mhux 7 biss għandna. Jissemmew 7 għax fl-imgħoddi kien ikun hawn min iżur dawn is-seba’ parroċċi fl-14 ta’ Awwissu, lejlet l-Assunta. Illum faċli żżurhom bil-karozza imma meta bdiet din id-drawwa t-trasport kien differenti, biż-żiemel, bil-bagħal jew b’xi ħmar, jew inkella b’ta’ San Franġisk kif kienu jgħidu dak iż-żmien jekk kont titlaq bil-mixi.

Il-konvoj

Waħda mill-operazzjonijiet navali l-aktar kruċjali li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija b’relazzjoni ma’ pajjiżna hija dik bl-isem ta’ Operation Pedestal imma mal-Maltin magħrufha bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija. Din seħħet bejn il-11 u l-15 ta' Awwissu 1942, megħjun minn flotta Ingliża, dan il-konvoj wassal provvisti essenzjali ta’ ikel li salvaw lill-poplu Malti mill-ġuħ u li b’konsegwenza gżiritna setgħet taqa’ f’idejn l-għadu.  Kienet sitwazzjoni ddisprata. Fl-1942, Malta kienet f'mument kritiku ħafna minħabba nuqqas kbir ta' ikel, petrol u żjut oħra kif ukoll munizzjon għall-gwerra. Il-gżira kien fadlilha biss ftit ġimgħat qabel ma jkollha ċċedi. Minn flotta ta' 14-il vapur tal-merkanzija, 5 bastimenti biss irnexxielhom jaslu fil-port ta’ Malta, wara li ffaċċjaw attakki kontinwi minn sottomarini u ajruplani Ġermaniżi u Taljani. It-tanker Amerikan SS Ohio kien l-aktar vapur importanti għax kien qed iġorr il-pitrolju u l-petrol għall-ajruplani. Wara li ntlaqat u ġarrab ħsarat kbar, l-Ohio ddaħħal fil-Port il-Kbir fil-15 ta' Awwissu, miżmum f'wiċċ l-ilma bejn żewġ distrojers Ingliżi, l-HMS Penn u l-HMS Ledbury. Il-provvisti taw nifs ġdid lill-poplu u żammew lil Malta fil-gwerra bħala bażi strateġika f'nofs il-Mediterran. Il-wasla tiegħu f'jum il-festa ta' Santa Marija saħħet il-fidi u l-moral tal-Maltin f'perjodu daqstant ikrah. Sal-lum dan il-konvoj għadu magħruf bħala dak ta’ Santa Marija.

Festa kbira

Rajna xi rabtiet bejn din il-festa u pajjiżna. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa hija festa kmandata, jiġifieri n-Nisrani huwa obbligat jisma’ l-quddies. Tabilħaqq li l-ebda qaddis jew qaddisa oħra f’pajjiżna ma jgawdi daqstant devozzjoni, imma mhux ta’ b’xejn u mhux ta’ bxejn lanqas li Santa Marija hija l-patruna speċjali tal-gżejjer tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Mhux ta’ b’xejn li l-bużnanna, u min jaf kemm oħrajn li għexu fi żmienha, kienu jsibu lil Awwissu bħala x-xahar ta’ Santa Marija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  ta' Awwissu 2026



 

sabato 8 agosto 2026

Sentiment ta’ rabja

 

Nemmen li ħafna minnkom, bħali tużaw il-midja soċjali u bħali taraw dak li jkun qed iseħħ. Dawn l-aħħar ġimgħat dehru bosta kummenti dwar nuqqasijiet li qed iseħħu f’pajjiżna u li qed itellfu l-paċi ta’ dak li jkun. Rajna filmati ta’ żgħażagħ jgħajtu u jagħtu fastidju lir-residenti, oħrajn iħabbtu l-bibien tan-nies matul il-lejl, koppja fil-gallarija lebsin bħal Adam u Eva qabel kielu t-tuffieħa u agħar minn hekk ukoll, ġuvintur jaqbżu fuq il-karozzi pparkjata fit-triq, ġlied u storbju, tfajla mperrċa fit-taraġ li jwassal għall-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt u biex tgħaxxaq kollox, waqt mewġa qalila ta’ sħana beda jinqata’ d-dawl. Dan kollu, u min jaf kemm aktar, iwassal biex fil-bniedem jitnissel sentiment ta’ rabja. Ma nagħtix tort lil min wara dan kollu jaġixxi b’mod mhux normali. Ma naqbilx ma’ min jieħu l-liġi b’idejh, imma rridu naraw xi jkun wassal li dak it-tali jaġixxi kif ikun aġixxa.

Mal-lista tal-emozzjonijiet insibu l-istat ta’ rabja. It-tfittxija għal definizzjoni xjentifika tat-terminu “rabja” mhix faċli. Hawn min isostni li r-rabja hija stat tal-moħħ ta’ xi ħadd li ma jaċċettax li l-affarijiet iseħħu mingħajr il-kunsens tiegħu li ma jseħħuh kif ikun pjanahom hu jew kif jixtieqhom hu.

Effetti interni u esterni

Persuna li spiss tħoss rabja ġewwa fiha aktarx tesperjenza effetti fiżiċi, bħal żieda fir-rata tal-qalb, pressjoni tad-demm għolja u livelli ogħla ta’ adrenalina. Ir-rabja mbagħad issir is-sensazzjoni predominanti fl-imġieba tal-persuna bir-riżultat li din taġixxi b’mod differenti minn meta l-istess persuna tkun fi stat ta’ kalma. Ir-rabja jista’ jkollha ħafna konsegwenzi fiżiċi u mentali. L-espressjoni esterna tar-rabja tista’ tinstab fl-espressjonijiet tal-wiċċ bħalma huma il-lingwaġġ tal-ġisem bħal ngħidu aħna tixjir eċċessiv tal-idejn jew tas-saqajn. Ir-rabja tista’ twassal biex ir-reazzjonijiet fiżjoloġiċi tal-persuna xi drabi jinbidlu f’atti ta’ aggressjoni. Filwaqt li ħafna minn dawk li jesperjenzaw ir-rabja jgħidu li ħafna drabi din tkun riżultat ta’ dak li jkun ġralhom jew effett ta’ ġrajja li jkunu għaddew minnha, il-psikologi jwissu li persuna rrabjata tista' ħafna drabi tiżbalja minħabba li r-rabja tikkawża telf fil-kapaċità li wieħed jikkontrolla l-atti tiegħu.

Normali new le?

Il-psikologi llum iqisu r-rabja bħala emozzjoni normali, naturali u matura esperjenzata minn prattikament il-bnedmin kollha xi drabi jew oħra. Huma jqisuha wkoll bħala xi ħaġa li għandha valur funzjonali għas-sopravivenza. Iżda r-rabja mhux ikkontrollata tista’ taffettwa b'mod negattiv il-benessere personali kif ukoll dik soċjali u ħafna drabi tħalli impatt negattiv fuq dak li jkun u fuq dawk ta’ madwaru. Filwaqt li ħafna filosfi u kittieba wissew kontra l-attakki spontanji u mhux ikkontrollati ta’ rabja, kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-effetti tar-rabja. Il-kwistjoni tat-trattament tar-rabja ilu jinkiteb dwaru minn żminijiet tal-filosfi tal-qedem, iżda psikologi moderni, b'kuntrast ma’ kittieba preċedenti, isostnu wkoll li t-tażżin tar-rabja jista’ jkollu effetti negattivi.

Kontroll jew kura

Fir-rabja dejjem ikun hemm żewġ partijiet tal-inqas. Ġieli bniedem ikun irrabjat miegħu nnifsu u dan iseħħ fil-ġlieda ta’ kif dak il-bniedem ikun jinstab kontra il-perspettiva li dak l-istess bniedem jipproġetta viżjoni tiegħu nnifsu, allura f’dawn il-każi wkoll ikun hemm żewġ partijiet; kif jien u kif nixtieq li nkun. Ir-rabja, bħall-emozzjonijiet kollha, m'għandhiex tiġi ġġudikata sabiex tiġi ttrattata, iżda jeħtieġ li tinftiehem u tinbidel fir-relazzjoni ġdida ta’ fejqan. Il-kura għandha bħala l-prattika tagħha, it-tmiem tal-ħtieġa li parti tiddomina lill-oħra. Il-parti l-oħra għandha tibda tiġi meqjusa bħala interlokutur li m’għandu xejn x’jaħbi u m’għandu l-ebda xewqa li jgħakkes, iqarraq, jaħkem, jikkalpesta jew imur kotra x-xewqa ta’ dak li jkun.

L-aċċettazzjoni tal-istat li tkun fih il-parti rrabajta, it-tama li r-raġunijiet jew skużi tagħha se jkunu mismugħa huma kruċjali biex ir-rabja tisparixxi mill-karattru ta’ dak li jkun. Meta naħsbu fir-rabja nistgħu inġibu quddiem għajnejna maskra: oġġett li ma jħalliniex naraw wiċċ dak li jkun hemm moħbi warajh. Hekk hi r-rabja! Ovvjament, jista’ jkun li hemm tbatija moħbija wara r-rabja. B’hekk nistgħu nħossu rabja lejn persuna jew sitwazzjoni mingħajr ma nifhmu r-raġuni. Nies irrabjati jistgħu jsibu ruħhom mwaħħlin fil-mudelli sterjotipiċi ta’ ħsieb u mġiba, iħossuhom maqbuda u jistgħu jaslu biex jemmnu li d-dinja kollha tobgħodhom, li l-ħajja hija inġusta, u li ħadd ma jagħraf is-siwi tagħhom fid-dinja.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 7 ta' Awwissu 2026