Visualizzazione post con etichetta Umbria. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Umbria. Mostra tutti i post

venerdì 7 luglio 2023

L-UMBRIA

 

Issib min jgħidlek li l-Italja hija kollha sabiħa, minn fuq nett sa isfel nett. Ngħid għalija naqbel ma’ min jirraġuna hekk għax tmur fejn tmur issib xi ħaġa sabiħa. Biss illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dak ir-reġjun li spiss jissejjaħ bħala “L-qalb li tħaddar tal-Italja.” Qiegħed ngħid għall-Umbria.

L-Umbria hija mdawra minn reġjuni oħra u hija wieħed mill-ftit reġjuni Taljani li ma jmissux mal-baħar.  Ir-reġjun imiss mat-Toskana lejn il-punent u t-tramuntana, mal-Marche fil-lvant u mal-Lazio fin-nofsinhar. L-art Umbra fiha xaqlibiet bl-għoljiet u muntanjużi u fiha oħrajn kważi ċatt għal kollox. Hi x’inhi, hija art mill-isbaħ!

Storja

L-istorja ta’ dan ir-reġjun hija waħda twila li tmur lura għal qabel Kristu, imma ejjew ma mmorrux daqshekk lura. Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża u l-konkwista Franċiża tal-Italja, l-Umbria saret parti mir-Repubblika Rumana (1798–1799) u aktar tard parti mill- Imperu Napoleoniku (1809–1814). Wara t-telfa ta’ Napuljun, il-Papa reġa’ ħa l-Umbria u kienet tagħmel parti mill-Istat Pontifiċju sal-1860.  F’dik is-sena, jiġifieri fl-eqqel tar-Risorgimento Taljan, l-Umbria mar-reġjun ta’ Marche u parti mill-Emilia Romagna ġew meħudin mir-Re tal-Piemonte Vittorio Emanuele II. Ir-reġjun tal-Umbria, bil-kapitali Perugia, sar parti mir- Renju tal-Italja fis-sena ta' wara.

Bħala reġjun l-Umbria tinkludi żewġ provinċji, dawk ta' Perugia u ta’ Terni.

Perugia
Perugia

Perugia hija l-belt kapitali, jew capoluogo tal-Umbria, belt li tinsab madwar 164 kilometru fit-Tramuntana ta' Ruma u 148 fix-Xlokk ta’ Firenze. Il-belt hija magħrufa wkoll bħala l-belt tal-universitajiet , bl-Università ta' Perugia mwaqqfa fl-1308. Il-Katidral ta' dan il-post huwa ddedikat lil San Lawrenz. B'differenza mill-biċċa l-kbira tal-katidrali tal-Italja u tad-dinja kollha wara kollox, il-katidral ta' Perugia għandu l-ġenb tiegħu u mhux il-faċċata fuq il-pjazza ewlenija tal-belt. Il-Fontana Maggiore hija waħda mill-monumenti ewlenin tal-belt u tinsab fil-pjazza ħdejn il-katidral. Hija xempju tal-iskultura medjevali. Hija l-punt fejn jispiċċa l-akwedott medjevali u kienet inbniet biex tiċċelebra l-wasla tal-ilma f’Perugia. Bla dubju anke isem din il-belt ifakkrek fiċ-ċikkulata. Il-festa msejħa Eurochocolate hija avveniment annwali ddedikat għall-kultura taċ-ċikkulata u li jseħħ f'Perugia fix-xahar ta' Ottubru. Dan l-avveniment huwa appuntament iddedikat għat-tradizzjoni taċ-ċikkulata Taljana u internazzjonali.

Terni

Terni
Terni hija belt fin-nofsinhar tar-reġjun tal-Umbria. Huwa qrib il-fruntiera tar-reġjun tal- Lazio. Il-belt hija l-kapitali tal-provinċja ta' Terni. Huwa 104 kilometri fil-Grigal ta' Ruma u 81 kilometru fin-Nofsinhar tal-kapitali reġjonali, Perugia. Il-belt għandha tliet ċentri industrijali importanti: l-ewwel waħda hija ż- Żona tal-Azzar, it-tieni ċentru industrijali huwa magħruf bħala "Żona Polimer", b'erba' industriji multinazzjonali  li jipproduċu kimiċi differenti. It-tielet ċentru industrijali huwa l-Italeaf, li taħdem fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi u tiżviluppa programmi fis- settur tat- teknoloġija nadifa. Wieħed dlonk jifhem li din hija belt industrijali. Madanakollu xorta wieħed jekk iżur din il-belt bħala turist isib x’jara. Il-Katidral ta ' Terni huwa ddedikata lil  Marija Assunta. Hemm insibu wkoll dik li tissejjaħ Cascata delle Marmore, kaskata ta' żmien ir-Rumani b’għoli ta’ 165 metru. Din ma hijiex kaskata naturali u hija l-ogħla kaskata magħmula mill-bniedem fid-dinja.

Art tal-qaddisin

Hawn min isejaħ lill-Umbria bħala l-art tal-qaddisin għax minn dan ir-reġjun insibu ħafna qaddisin u postijiet marbutin magħhom. Assisi, Gubbio, La Verna kollha jfakkruna f’San Franġisk. Assisi tfakkarna wkoll f’Santa Kjara u llum sar post marbut ukoll mal-Beatu Carlo Acutis. Norcia hija belt marbuta ma’ San Benedittu u allura ma’ oħtu Santa Skolastika u meta tisma’ l-isem ta’ Cassia mhux bilfors tiftakar f’Santa Rita? Forsi ftit jafu li l-qaddis patrun ta’ Terni huwa San Valentinu li jingħad li kien minn Terni u li ħa l-martirju fl-14 ta’ Frar tas-sena 273, meta kellu 97 sena. Hemm qaddisin oħrajn li huma inqas popolari magħna bħal Sant Angela ta’ Foligno, Santa Luċija ta’ Narni u San Feliċjan ta’ Foligno. Hemm oħrajn imma mhux ser noqgħod insemmi aktar.

Art ta’ ġmiel naturali

F’din il-kitba semmejt bosta bliet li tabilħaqq wieħed isib x’jara fihom imma ma rridux ninsew li hemm bosta bliet u rħula oħra f’dan ir-reġjun li joffru ġmiel naturali li wieħed mhux ta’ min jitlef kemm-il darba jkun qrib. Orvieto bil-katidral u l-istorja marbuta miegħu, Todi mhux wisq bogħod minn Perugia, Spello, Spoleto, Castiglione del Lago, Torgiano u tant oħrajn li huma kollha bliet medjevali bi ġmiel liema bħalu.

Bosta msaġar jiksu ħafna mill-art tal-Umbria u għalhekk jgħidu li hija l-qalb li tħaddar tal-Italja. U min jgħid hekk għandu elf raġun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Lulju 2023



venerdì 21 dicembre 2018

Festa tal-qaddisin!


Spiss nilmentaw li l-festi tal-Milied saru kollha kummerċ anzi kummerċ żejjed li jtellef minn dak li verament ifisser dan il-jum. Tabilħaqq li llum il-kummerċ sfrenat ħonoq ħafna minn dak li konna niċċelebraw ftit tas-snin ilu. Tkun għadek ġej minn ġurnata l-baħar f’Settembru (biex ma ngħidx Awwissu), tasal id-dar, tixgħel it-televiżjoni u x’tara? Riklamar tas-siġar tal-Milied, ta’ anġli, xemgħat u tiżjin ieħor li jkun fadlilhom tliet xhur biex isibu posthom fi djarna. Allura mhux bil-fors ngħidu li kollox sar kummerċ?

Mhux il-Milied biss
Illum qegħdin nilmentaw dwar il-mod kif qegħdin niċċelebraw il-Milied għaliex ninsabu fi żmienu, imma ejjew naħsbu ftit u naraw kif matul is-sena kull festa ċċapset bil-kummerċ. Il-karnival, il-Ġimgħa l-Kbira, l-Għid il-Kbir, il-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna, Jum l-Omm u Jum il-Missier, għeluq snin dak li jkun, jum San Valentino, l-onomastiku u nistgħu nibqgħu sejrin. U biex il-kummerċ ikompli jiżdied nikkuppjaw u nżidu drawwiet li ma humiex tagħna. Il-haloween, il-baby shower, il-house warming party. Kollox negozju, kollox infieq, kollox kummerċ.

Fi tfuliti għeluq sninna konna niċċelebrawh ma’ sħabna tal-iskola b’xi kejk li kienet tagħmel l-omm id-dar. Il-festa tar-raħal kienet tasal biex nixtru hot dog mingħand tal-gabbana tal-pjazza u l-Ġimgħa l-Kbira sawm u nistennew l-Għid biex naqsmu l-figolla. Fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar dawra bil-karozza mal-familja u nidħlu nieħdu sandwich u flixkun luminata jekk ikun hemm minn fejn. Jekk konna mmorru f’xi post fil-kampanja fejn ma hemmx ħwienet konna nikkuntentaw bil-kafè li kienet iġġib magħha ommi fit-thermos! Illum dan kollu spiċċa ħtija tad-dinja konsumista li qegħdin ngħixu fiha. Biss ngħidha kif inħossha, minkejja li qed ngħixu f’dinja aktar komda, inħoss nostalġija kbira għal dawk is-snin fejn konna kuntenti bil-ftit li kellna.

Żewġ qaddisin
L-ewwel presepju fi Greccio
Is-sempliċità hija s-sigriet ta’ bosta kuntentezza. Forsi ħafna drabi ninsew il-grajja ta’ żewġ qaddisin li nafuhom sewwa u li l-Milied kienu jgħadduh fl-aktar ħwejjeġ sempliċi u ħallew marka fuq dan il-jum tant għażiż.

San Franġisk ta’ Assisi huwa magħruf għall-faqar li fih għex. It-tradizzjoni tgħidilna li kien hu li għamel l-ewwel presepju. Mhux xi presepju lussus imma presepju ħaj ġewwa stalla tal-bhejjem fir-raħal ta’ Greccio ġor-reġjun tal-Umbria fl-Italja. Illum minn dik ix-xena sempliċi u fqira sirna naraw opri tal-arti mill-isbaħ: presepji li trid seba’ għajnejn biex tarahom, imma ma rridux ninsew li l-għeruq ta’ kollox kien fis-sempliċità u l-faqar.

San Ġorġ Preca lanqas kien jgħum fil-liri anzi dejjem ra kif għamel biex jidher fqir. Jingħad li suttana ġdida kien iqabbad lil min jagħmillu xi rqajja fiha għax kien jistħi biha donnu xi dinjitarju tal-Knisja. Dan il-qaddis ta bidu għall-purċissjoni tal-Bambin, drawwa purament Maltija. Bdiet fis-sempliċità kollha madwar il-Ħamrun u spiċċat issir madwar Malta kollha kif ukoll f’xi postijiet lil hinn minn xtutna fejn hemm il-membri tas-soċjetà tal-Museum. Illum, fejn għadha ssir din il-purċissjoni forsi ma għadiex sempliċi bħalma kienet fi żmien tal-bidu, illum hawn fejn tieħu sehem il-banda tar-raħal magħha u ċerti Bambini tal-purċissjoni llum saru patrimonju, ħaġa li kważi mitt sena ilu kienet tiswa ftit xelini.

Dawn kienu żewġ qaddisin umli u fqajra li ħallew marka fuq il-festa tal-Milied. Ma ħallewx marka minħabba l-lussu imma minħabba s-sempliċità u l-umità. Għax il-festa tal-Milied, il-vera festa tal-Milied hija l-festa tas-sempliċità. Il-Milied tista’ tkun festa kbira biss jekk tkun il-festa tal-qaddisin.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Diċembru 2018