sabato 3 ottobre 2026

Ix-xahar tar-Rużarju - Ottubru

 Ottubru huwa xahar marbut mat-talba tarRużarju. Imma qatt staqsejt x’rabta hemm bejn dan ix-xahar u din it-talba? Kollox beda sewwasew 455 sena ilu u beda minn Battalja, l-hekk imsejħa Battalja ta’ Lepanto.

Il-Battalja ta’ Lepanto

Il-Battalja ta’ Lepanto seħħet fil-7 ta’ Ottubru 1571 fil-Golf ta’ Patras, fil-Greċja. Kienet waħda mill-aktar battalji navali importanti fis-seklu sittax.


Il-ġlieda seħħet bejn il-Lega Mqaddsa, alleanza ta’ pajjiżi Kattoliċi mmexxija prinċipalment minn Spanja u Venezja, u l-Imperu Ottoman. Il-Lega Mqaddsa kienet iffurmata biex kemm jista’ jkun twaqqaf il-preżenza tal-Ottomani fil-Baħar Mediterran. Il-flotta tal-Lega Mqaddsa kienet immexxija minn Don Juan tal-Awstrija, filwaqt li l-flotta Ottomana kienet immexxija minn Ali Pasha. Iż-żewġ naħat kellhom mijiet ta’ vapuri u eluf ta’ suldati u baħrin. Il-battalja kienet ħarxa ħafna. Il-flotot resqu lejn xulxin u bdew jiġġieldu mill-qrib. Il-vapuri tal-Lega Mqaddsa kellhom vantaġġ kbir mill-użu tal-kanuni u mill-qawwa tal-armi tan-nar li kellhom. Wara diversi sigħat ta’ ġlied, il-flotta Ottomana ġiet megħluba.

Ir-rebħa tal-Lega Mqaddsa kienet importanti ħafna għax kienet waħda mill-akbar telfiet navali tal-Imperu Ottoman f’dak iż-żmien. Għalkemm l-Ottomani komplew ikunu qawwa kbira fil-Mediterran, Lepanto waqqfet il-progress tagħhom lejn aktar kontroll tal-baħar.

Il-Battalja ta’ Lepanto baqgħet magħrufa wkoll minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Malta u l-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-ġlieda kontra l-Ottomani. Ma rridux ninsew li sitt snin qabel, jiġifieri fl-1565, dawn l-istess Ottomani keinu assedjaw lil Malta, li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Il-battalja saret simbolu importanti tal-oppożizzjoni bejn il-qawwiet Kristjani Ewropej u l-Imperu Ottoman.

San Piju V

Il-Papa li kien fit-tmun tal-Knsija Kattolika fiż-żmien li seħħet il-Battalja ta’ Lepanto kien San Piju V. San Piju V kien Papa Dumnikan li kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u lejn ir-Rużarju. Huwa twieled bl-isem ta’ Antonio Ghislieri u sar Papa fl-1566. Matul il-papat tiegħu ħadem ħafna biex isaħħaħ il-ħajja spiritwali tal-Knisja. Intant meta seħħet il-battalja li qegħdin insemmu huwa talab lill-Insara kollha sabiex jitolbu t-talba tar-Rużarju sabiex il-qawwiet Insara joħorġu rebbieħa fuq dawk Ottomani. Qabel il-battalja, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu r-Rużarju u jitolbu l-għajnuna tal-Madonna. Wara r-rebħa, San Piju V attribwixxa din ir-rebħa lill-interċessjoni tal-Verġni Marija. Bħala tifkira ta’ din ir-rebħa u bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, San Piju V waqqaf il-festa ta’ Santa Marija tal-Vittorja fis-7 ta’ Ottubru. Aktar tard, il-Papa Girgor XIII bidilha u saret il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju kif għadha sal-lum.

San Piju V kellu wkoll sehem importanti fl-iżvilupp tar-Rużarju. Fl-1569 approva b’mod uffiċjali d-devozzjoni tar-Rużarju, u aktar tard ir-Rużarju ġie ppreżentat bħala talba li tgħinna nimmeditaw fuq il-ħajja ta’ Ġesù Kristu flimkien ma’ Marija.

Ir-Rużarju f’pajjiżna

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju għandha għeruq profondi fl-istorja reliġjuża tal-Gżejjer Maltin. Matul is-sekli, ir-Rużarju sar wieħed mill-aktar talbiet Marjan għażiż għall-poplu Malti, u b’devozzjoni twaqqfu fratellanzi u altari, saru vari u bdew isisru purċissjonijiet u festi f’diversi parroċċi. Kellhom sehem importanti ħafna fit-tixrid ta’ din id-devozzjoni l-Patrijiet Dumnikani. Fil-fatt, sorsi storiċi dwar il-kult tar-Rużarju f’Malta jorbtu t-tixrid tiegħu b’mod qawwi mal-preżenza Dumnikana fil-gżejjer tagħna. Maż-żmien, il-festa bdiet tieħu forma aktar solenni. Inħadmu kwadri u statwi tal-Madonna bil-Bambin Ġesù, ħafna drabi bil-kuruna tar-Rużarju f’idejhom. Dawn il-vari saru ċ-ċentru tal-purċissjonijiet, akkumpanjati mill-fratelli, il-kleru u għadd kbir ta’ devoti. Għadd ta’ dawn l-istatwi għandhom storja artistika importanti u huma parti mill-wirt reliġjuż u kulturali Malti.

L-ewwel statwa

Hawn tajjeb insemmu l-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta. Ser nerġgħu nirreferu għall-Patrijiet Dumnikani. L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, Malta, hija vara storika importanti ħafna. Sorsi akkademiċi jattribwixxuha lill-iskultur Malti Melchiorre Cafà (Gafà) u jindikaw li ġiet skolpita fl-injam fil-Belt ta’ Ruma madwar is-sena 1660 u miġjuba Malta fl-1661. Fuq din l-istatwa mxew bosta artisti oħrajn sabiex ħadmu statwi kemm tal-Madonna tar-Rużarju kif ukoll taħt titli oħrajn, pereżempju l-Madonna tal-Karmnu tal-Imdina tal-1761 hija bla dubju ispirata mill-Madonna tar-Rużarju ta’ Gafà.  Dokument tal-1773 dwar l-statwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ħal Balzan, maħduma minn Vincenzo Dimech, isemmi li għandha ssir bħal “dik tad-Dumnikani tar-Rabat xogħol Melchiorre Gafà.”

U San Duminku

F’dan l-artiklu semmejt ħafna lid-Dumnikani, għalix it-talba tar-Rużarju jingħad li ġiet mogħtija lil San Duminku u l-patrijeit imwaqqfa minn dan il-qaddis għandhom il-missjoni li jxerrdu d-devozjoni lejha. San Duminku ta’ Guzmán kien saċerdot Spanjol li għex bejn l-1170 u l-1221. Huwa waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, magħrufa bħala d-Dumnikani. Skont tradizzjoni antika, waqt li San Duminku kien qed jipprietka fi Franza u jiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet, talab lill-Madonna biex tgħinu. Jingħad li Marija dehritlu tatu r-Rużarju bħala mezz ta’ talb u predikazzjoni. Għalhekk ma jistax jonqos li d-Dumnikani jkun marbutin mar-Rużarju.

Għalhekk fil-knejjes Dumnikani fejn issir purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju toħroġ ukoll l-istatwa ta’ San Duminku ma’ dik tal-Madonna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2026