Visualizzazione post con etichetta imperu ruman. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta imperu ruman. Mostra tutti i post

sabato 19 marzo 2022

Aktar dwar it-tislib

It-tieni parti

Il-ġimgħa l-oħra tajna ħarsa lejn is-sentenza tat-tislib fi żmien ir-Rumani u rajna wkoll x’forom ta’ slaleb kienu jintużaw. Illum sejrin naraw it-triq li mill-post tal-kundanna twassal għall-post tal-eżekuzzjoni tas-sentenza. Bħalma ktibt il-ġimgħa l-oħra, dan ma huwiex artiklu ta’ natura reliġjuża imma ser nimxu fuq dak li nsibu fl-Evanġelji dwar il-passjoni ta’ Kristu biex naraw kif kienet tkun l-eżekuzzjoni f’dawk iż-żminijiet.

Wara s-swat

Nara li wara li Ġesù kien iflaġellat, kien imlibbes kuruna tax-xewk mis-suldati Rumani. Aħna mdorrijin naraw din il-kuruna fuq ras Kristu fix-xbihat tal-kurċifiss, imma ma nafux jekk din tħallietx fuq ir-ras jew tneħħietx qabel it-tislib. Nafu li qabel ma Kristu ssallab kien imneżża’ minn ħwejġu u s-suldati Rumani li kienu għassa qatgħu x-xorti għal-libsa tiegħu. Aktarx li biex tneżża’ kellha titneħħa l-kuruna tax-xewk. Naqraw li l-libsa ma ċċartitx għax kieku ma kinux jilgħabu għaliha imma kienu jieħdu biċċa kull wieħed. Jista’ jkun ukoll li l-kuruna nqalgħet mal-libsa hu u jitneżża’. Jista’ jkun ukoll li din reġgħet tpoġġiet wara imma jista’ jkun ukoll li din tħalliet fl-art. L-ebda wieħed mill-Evanelji ma jidħol f’dan id-dettall. Ma nafux jekk din il-ħaġa kinitx issir mal-ikkundannati kollha. Aktarx li le imma lil Kristu libbsulu kuruna tax-xewk biex jiżżufjettaw bih għaliex il-kundanna tiegħu kienet li hu għamel lilu nnifsu sultan.

Umiljazzjoni


L-ikkundannat kien jitneżża’ għarwien. Din kienet drawwa Rumana sabiex l-ikkundannat ikun aktar imżebblaħ. Jista’ jkun li Kristu kienn imsallab għeri fik narawh f’xi pitturi, iżda jista’ jkun ukoll li billi l-ġens Lhudi huwa aktar mistħi minn dak Ruman, xi ħadd li kien fil-post dawwar ċaruta ma’ ġenbejn Kristu. Nafu li ħdejn is-salib ta’ Kristu nkien hem ommu Marija, Marija Madalena, San Ġwann u xi nies oħra għalhekk ma hijiex xi ħaġa kbira li xi ħadd minnhom dawwar velu ma’ ġenbejn Kristu.


Is-Salib


Ma kinitx tingħata importanza ta’ liema njam ikun is-salib u għandna nifhmu li l-importanti għall-poplu kien ikun li jeħilsu mill-ikkundannat u xejn aktar għalhekk kienu jinqdew b’liema zokk isibu. Xi studjużi kienu jsostnu li s-salib ta’ Kristu kien zokk ta’ sigra taċ-ċedru, oħrajn tat-tamar (palma) jew taċ-ċipress. Iżda minn studju li sar mill-Università ta’ Pisa fuq bċejjeċ tas-salib ta’ Kristu li jinsabu Ġerusalemm, Pisa, Firenze u Pariġi, sabu li dan kien zokk ta’ siġra tal-arżnu.

Għall-kuntrarju ta’ dak li naraw u naħsbu, is-slaleb ma kinux ikunu għoljin ħafna imma meta l-ikkundannat kien ikun xi kriminali kbir, f’dak il-każ is-salib kien ikun aktar fil-għoli minn tal-oħrajn. Dwar is-salib ta’ Kristu nistgħu nikkonkludu li dan kien fil-baxx. Nagħmlu riferenza għall-Evanġelju fejn insibu li ħin minnhom Kristu qal: “Għandi l-għatx!” u wieħed waħħal spona bil-ħall ma’ qasba tal-issopo biex tah jixrob. L-issopo hija ħaxixa li l-Lhud jużaw fiċ-ċerimonji tagħhom biex iroxxu l-ilma. Din ma tkunx itwal minn 30 ċentimetru. B’hekk naslu biex ngħidu li ras Kristu kienet tilħaq bejn wieħed u ieħor raġel bi driegħu merfugħ il fuq u tul ta’ qasba. Mela s-salib ta’ Kristu u ta’ dawk li kienu jissalbu bħalu kien ikun ta’ xi żewġ meteri u nofs tul.

It-tislib

L-ikkundannat kien jissammar u jintrabat bi ħbula sabiex ma jkunx jista’ jaqa’ minn fuq is-salib wara li t-toqob tal-imsiemer jitwessgħu.  Dan ix-xogħol kien isir fl-art qabel mal-ikkundannat imwaħħal mal-parti l-minduda tas-salib jittella’ mal-parti l-wieqfa li kienet tkun lesta wieqfa fil-post. Kienu jużaw imsiemer twal b’ras kbira. Kienu jissammar musmar f’kull polz u musmar f’kull pala tas-sieq. Dawn tal-aħħar kienu jidħlu f’biċċa għuda li kien ikun hemm imsammra mas-salib  in-naħa ta’ isfel. Din kienet isservu wkoll biex l-ikkundanant isrerraħ fuqha.

Sakemm l-ikkundannat imut kien ikun mgħasses mis-suldati. It-tul li wieħed ikkundanant kien idum biex imut kien jiddependi mis-saħħa tat-tali u minn kemm swat ikun qala’ qabel it-tislib. Kien hemm min idum jum sħiħ jew anke aktar. Meta l-eżekuzzjoni kienet issir lejlet xi festa kienu jħaffu l-proċess billi jiksru riġlejn l-imsallab u jinfduh b’lanza. Nafu li Ġesù dam tliet sigħat mislub u li miegħu kien hem żewġ ikkundannti oħra. Lil dawn tal-aħħar kissrulhom saqajhom imma lil Ġesù le.

Wara l-mewt

Mal-mewt kien jispiċċa xogħol l-għassiesa u l-ġisem mejjet kien jingħata lill-familjari jew ġieli kien jitħalla fuq is-salib sakemm dan jittiekel minn annimali u tjur selvaġġi. Għandna nżommi f’moħħna li eżekuzzjoni bħal din ma kinitx issir kuljum, u meta kien isir tislib kien ikun hemm aktar  inn ikkundannat wieħed. Nafu lil lil Ġesù niżżluh minn fuq is-salib u difnuh imma xejn ma nafu dwar iż-żewġ ikkundannati li kien hemm imsallbin ħdejh.

Dan kien il-proċess Ruman tat-tislib. F’dawn l-artikli rajna kif kienet issir din l-eżekuzzjoni billi mxejna mal-proċess ta’ Ġesù Kristu

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Marzu 2022




sabato 20 novembre 2021

Istanbul - Belt f’dinja differenti

 

Wara bosta xhur imsakkrin fi gżiritna minħabba l-pandemija li ħakmet lid-dinja aktar minn għoxrin xahar ilu, issa bdejna nippruvaw nerġgħu lura għan-normal – insomma il-kelma ġġib hekk “normal” għax għadna ’l bogħod ħafna biex inkunu nistgħu ngħidu li għadda kollox u l-imxija tal-Covid 19 tkun ħaġa tal-imgħoddi. Biex nippruvaw naqbdu r-rutina ta’ qabel erġajna bdejna nippjanaw xi safra.

Destinazzjoni li kull ma jmur qed issir aktar popolari magħna l-Maltin hija t-Turkija. Sagħtejn u nofs titjira u minn din il-gżira ċkejkna ssib ruħek f’pajjiż enormi, pajjiż li fih jgħixu aktar minn 85 miljun ruħ, art li fiha aktar minn seba’ mija u tmenin elf kilometru kwadru. It-Turkija tinfirex bejn żewġ kontinenti, il-parti l-kbira fl-Asja u biċċa żgħira fl-Ewropa. Minkejja li ma hijiex il-Belt Kapitali, Istanbul hija l-aktar belt popolata f’dan in-nazzjon enormi. Huwa propju Istanbul li jifred l-Ewropa mill-Asja. Fil-fatt din il-belt għandha parti f’kontinent u parti oħra f’kontinent ieħor, belt li jifridha xiber baħar li jgħaqqad il-Baħar l-Iswed mal-Baħar Marmara.

Farka storja

L-ewwel abitanti ta’ Istanbul imorru lura għat-tieni millenju qabel Kristu. Dawn kienu joqgħodu fuq in-naħa Asjatika tal-belt. L-ewwel isem tagħha ġej mir-Re Byzas li għall-ħabta ts-seklu sebgħa qabel Kristu kien waqqaf hemmhekk kolonja bl-isem ta’ Biżanzju (Byzantium). Fis-sitt seklu qabel Kristu l-Persjani ħakmu l-belt u wara Alessandru l-Kbir ħadha f’idejh fis-seklu erbgħa qabel Kristu. Għal żewġ sekli sħaħ f’Biżanzju rrennja s-sliem. Fis-sena 193 wara Kristu l-Imperatur Ruman Septimus Severu rebaħ il-belt u baqgħet taħt il-ħakma Rumana sas-seklu erbgħa meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir għamel Biżanzju l-kapitali tal-Imperu Ruman kollu u taha ismu: Kostantinopli. Wara l-ħames seklu l-Imperu Ruman tal-Lvant kien beda jissejjaħ Biżantin. Il-belt inbniet fuq seba’ għoljiet, sewwasew bħal Ruma. L-Imperaturi Biżantini sebbħu u għanew lil din il-belt b’kull xorta ta’ teżori. Kien hemm żmien ta’ sliem u żmien ta’ nkwiet. Fil-fatt fis-sena 532 din il-belt ġiet meqruda imma nbniet mill-ġdid.

L-istorja ta’ din il-belt minn dak iż-żmien kienet waħda mqallba sewwa. Bejn assedji mill-Għarab, ġlied u kruċjati tellfu bosta minn dak li darba kienet tippossedi Kostantinopli. It-Torok Ottomani mmexxija mis-Sultan Mehmet II rebħu Kostantinopli fl-1453. Il-belt ġiet imsemmija mill-ġdid, din id-darba Islambol u saret il-belt kapitali tal-Imperu Ottoman. Bejn is-sekli 15 u s-16, is-Slaten Ottomani bnew ħafna moskeji u bini pubbliku, u għal darb oħra l-popolazzjoni tal-belt laħqet madwar nofs miljun ruħ.  Sa nofs l-1500, Istanbul kienet ċentru kulturali, politiku u kummerċjali ewlieni tal-Imperu kollu. Il-ħakma Ottomana damet sal-Ewwel Gwerra Dinjija meta Istanbul kienet okkupata mit-truppi tal-alleati. Wara snin ta' taqbid, twieldet ir-Repubblika tat-Turkija fl-1923 u l-kapitali ma baqgħetx Istanbul imma Ankara.

Santa Sofija

Ma tistax titkellem dwar Istanbul u ma ssemmix l-aktar bini famuż li nsibu f’din il-belt. Bosta minna nsejħulha Santa Sofija imma aktar magħrufha bħala Hagia Sophia li wara kollox għandha l-istess tifsira – L-Għerf Qaddis. L-ewwel knisja mibnija fil-post kienet magħrufa bħala Magna Eclesia – il-knisja l-kbira u kienet mibnija mill-Imperatur Kostantinu. Mibnija mill-ġdid bejn is-snin 532 u 537 bħala l-katidral patrijarkali tal-kapitali imperjali ta’ Kostantinopli. Din kienet l-akbar knisja Kristjana tal-Imperu Ruman tal-Lvant jew aħjar l-Imperu Biżantin kif ukoll tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Fl-1453, wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn l-Imperu Ottoman, din il-knisja nbidlet f’moskea. Fl-1935, taħt id-direzzjoni ta’ Mustafa Kemal Atatürk, ir-Repubblika sekulari tat-Turkija bdiet tużaha bħala mużew. Fl-2020, taħt id-direzzjoni ta’ Recep Tayyip Erdoğan, reġgħet infetħet bħala moskea.

X’tara

Ma jistax jonqos li f’belt bħal din hemm bosta u bosta x’wieħed jara. Billi din il-belt tgħaqqad il-Lvant mal-Punent għandna mnejn naħsbu li hija belt orjentali. Tassew li hija hekk biss hija wkoll belt moderna li fiha ssib kollox, dak kollu li ssib fi bliet Ewropej kbar imħalltin ma’ dak li ssib fi bliet Orjentali. Għalhekk din hija belt unika, belt f’dinja oħra!

Wieħed jista’ jmur dawra b’lanċa max-xatt ta’ din il-belt. Filgħaxija dan il-vjaġġ ikun isbaħ għax tidher il-belt mixgħulha. Wieħed jista’ jieħu dawra fuq lanċa li fuqha jkollha l-ikel u l-ispettaklu. Hawn wieħed ikun jista’ jara żfin Tork fosthom minn xi belly dancer. Wieħed jista’ jżur il-Grand Bazaar fejn isib jixtri minn kollox. Attenti għax ladarba tidħol f’dan is-suq faċli ħafna tintilef fih, mhux biss tintilef tixtri imma ma ssibx minn fejn tkun dħalt. Wieħed jista’ wkoll iżur suq ieħor, is-suq tal-ħwawar. Hemm ukoll bosta moskeji li wieħed jista’ jżur kif ukoll knejjes sbieħ li mhux ta’ min ma jittawwalx naqra fihom.

Ma dan kollu hemm il-kċina Torka li hija tajba ħafna. Illum f’Istanbul issib tiekol minn kollox imma dnub tkun hemmhekk u ma tiekolx ikel Tork. Il-kebab huwa l-aktar ikel Tork magħruf magħna imma dan mhux biss. Hemm ikel ieħor li tabilħaqq jinżillek għasel.

Naħseb issa ndunajtu għalfejn dan l-artiklu semmejtu Istanbul- belt f’dinja differenti għax tabilħaqq hija hekk.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Novembru 2021




venerdì 19 febbraio 2021

LUMI u l-użu differenti tiegħu

 

Fosti s-siġar taċ-ċitru l-aktar popolari nsibu s-siġra tal-lumi li l-frott tagħha jintuża f’bosta riċetti ta’ ikel kif ukoll ħelu. Interessanti li minn din il-frotta nistgħu ngħidu li ma jintrema xejn għax bosta drabi jintuża kemm il-meraq kif ukoll il-qoxra tagħha. Minkejja t-togħma aktarx qarsa tagħha, hawn min jiekol lumija donnu qed jiekol larinġa. Jien ngħid għalija nħobb din il-frotta u nikolha bil-qoxra b’kollox.

Oriġini

Ma nafux sewwasew minn fejn oriġinat is-siġra tal-lumi iżda aktarx li din kienet tinstab fl-Asja, lejn iċ-Ċina jew Burma. Aktarx li kienu r-Rumani li daħħlu din il-frotta fl-Ewropa lejn it-tieni seklu wara Kristu. Dawn bdew jikkultivaw din il-frotta fin-Nofsinhar tal-Imperu Ruman, bejn wieħed u ieħor minn Napli ’l isfel. Minn hawn inxterdet lejn il-Persja u l-Eġittu u sa elf sena wara Kristu konna nsibuha madwar il-baħar Mediterran kollu. Fis-seklu XV inbdiet l-ewwel kultivazzjoni fuq skala kbira tal-lumi. Din bdiet fil-belt Taljana ta’ Ġenova. Meta l-Ewropej qasmu l-oċean u sabu l-Amerika, ħadu magħom iż-żerriegħa tal-lumi u kabbru s-siġar ta’ din il-frotta f’dik l-art ġdida. B’hekk nistgħu ngħidu li l-lumija nxterdet mad-dinja kollha u saret frotta li ssibha kullimkien.


Tajjeb ngħidu li jeżistu diversi razez ta’ lumi. Biss biss aħna l-Maltin niddistingwu siġar tal-lumi staġjonali u dawk li nsjeħulhom “ta’ kull qamar” għax jagħmlu l-frott is-sena kollha.

L-użu

Il-lumija tintuża f’ħafna riċetti. Tintuża biex isir ħelu kif ukoll ikel ieħor. Darba kont Turin u offrewli Risotto al limone.  Billi l-lumi nħobbu aċċettajtu iżda ngħid id-dritt nippreferih fil-ħelu.  Mil-lumija sħiħa jsir il-ġamm, il-krema tal-lumi u x-xorb tal-lumi. Il-lumi jisserva wkoll mal-ħut kif ukoll mal-laħam moqli. Xi felli lumija bil-qoxra bkollox jista’ jinstab isebbaħ it-tazza ta’ xi cocktail.

Il-meraq tal-lumi jintuża biex minnu jsir xorb. Fil-fatt il-luminata propjament hija dik ix-xarba b’togħma ta’ lumi iżda bosta minna jsejħu luminata lil kull forma ta’ xorb mhux alkoħoliku. Il-meraq tal-lumi jintuża biex jiġi mamrinat il-ħut u anke l-laħam. Billi dan huwa xi ftit aċiduż, jingħad li jekk ikollok laħam xi ftit xieref, jirtab bil-meraq tal-lumi. Il-meraq tal-lumi jintuża wkoll ma’ frott li għandu t-tendenza li jiswied bħalma huma t-tuffieħ u l-banana, għalhekk meta jkun preparat dan il-frott jitħallat miegħu l-meraq tal-lumi biex jippriservah u jżommu milli jiswied. Il-meraq ġieli jitħallat bl-ilma kiesaħ u ponta ta’ kuċċarina melħ biex jagħmel xarba li tassew taqta’ l-għatx. Ma nistgħux ma nsemmux li l-meraq tal-lumi jintuża wkoll biex issir il-granita, jew is-sorbette.

Il-qoxra wkoll tintuża speċjalment fil-ħelu. Kemm-il darba nsibu riċetti li jgħidulek iżżid qoxra ta’ lumija maħkuka. Ftakru fl-għaġina tal-figolli! Il-qoxra tista’ tiġi wkoll preservata fil-melħ jew inkella ssir konfettura biż-żokkor. Mill-qoxra jittieħed ukoll iż-żejt tal-lumi li jintuża fl-aromaterapiji u jingħad li għandu effett li jirilassa lil dak li jkun.

Minbarra l-użu fil-kċina, l-lumi għadnu użu fil-mediċina minħabba l-ammont għoli ta’ vitamina ċ li fih. Il-lumi jintuża ħafna kontra l-irjieħat u ġieli nħalltuh mal-għasel.

Ma nistgħux ma nsemmux użu ieħor ta’ din il-frotta. Dan ma huwiex użu fejn jidħol l-ikel iżda għandu x’jaqsam mat-tindif. Il-lumija spiss kienet tintuża biex titnaddaf il-fidda. Tassew li din tindaf bil-lumi iżda llum bosta jsostnu li l-aċidu tal-lumi jagħmel il-ħsara lill-kisja protettiva li jkollha l-fidda u għalhekk ħafna jinsistu li ma jintużax. Aktar minn hekk bosta spapen tal-ħasil tal-platti ikollhom riħa ta’ lumi għax wara kollox ir-riħa ta’ din il-frotta hija wħada pjaċevoli.

Fi kliemna

Il-lumija daħlet ukoll fid-diskors tagħna. Isimgħu l-kummenti lejn xi tim tal-futbol tellief! Tisma’ min jgħajjat “Lumi!” Billi l-lumi jintuża mat-te għal kontra l-uġigħ ta’ żaqq, tintuża din il-kelma għat-tellief. Nużawha wkoll b’sens metaforiku meta bniedem jabbanduna bniedem ieħor wara li jkun ħa dak li ried minnu. Ġieli smajna min jgħid: “Għasarni bħal-lumija u mbagħad ramieni!”

Il-limonċell

Illum sar popolari anke f’pajjiżna x-xorb b’togħma ta’ lumi li jissejjaħ limonċell. Dan huwa xorb alkoħoliku li oriġina lejn Napli u Sorrento. Wara beda jsir ukoll fi Sqallija. Meta wieħed iżur dawn il-postijiet dlonk jinduna kemm is-siġar tal-lumi huma abbundanti u għalhekk ġie vvintat dan ix-xorb tant tajjeb. Isir billi titħalla l-qoxra tal-lumi fl-alkoħol u mbgħad jiżdied miegħu l-ilma u z-zokkor. Illum anke f’pajjiżna nsibu min jagħmel dan ix-xorb.

L-aktar pajjiż li jipproduċi lumi huwa l-Indja. Hawn kull sena jikbru fuq tliet miljun tunellata ta’ dan il-frott. Madwar id-dinja kollha kull sena jkollna madwar għoxrin miljun tunellata ta’ lumi li jintuża għall-ikel, ħelu xorb, mediċina u bosta użi oħrajn.

U ħalli nagħlaq b’qawl Malti: Tajba lumija d-dar! U tajba verament għax tista’ tkun ta’ bosta użu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In Nazzjon - 20 ta' Frar 2021 




sabato 19 dicembre 2020

Il-25 ta’ Diċembru

Ftit jiem oħra u nkunu qegħdin niċċelebraw festa li niċċelebraw kull 25 ta’ Diċembru – il-Milied. Dwar dan is-suġġett hemm ħafna x’wieħed jgħid imma l-ħsieb tiegħi llum mar fuq l-għażla ta’ dan il-jum. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li dan il-jum huwa marbut mat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li llum isir minn kollox biex din il-persuna tintesa u titwarrab minn dan il-jum, ma nistgħux niċħdu l-verità tal-fatti. Anke l-isem Ingliż “Christmas” juri xi tkun din il-festa. Iżda tajjeb inżommu f’moħħna li aħna ma niċċelebrawx it-twelid storiku ta’ Ġesù għax kieku nfittxu sewwa l-jum li fih twieled u mhux inżommu l-25 ta’ Diċembru bla ma ninsabu ċerti li twieled fih, anzi bil-kontra, ninsabu ċerti li ma kienx dan il-jum li fih seħħ dak it-twelid fl-Għar ta’ Betlem.

Il-bidu

Kostantinu 


L-Imperatur Kostantinu, li kien u baqa’ ukoll marbut mal-kult ta’ alla Xemx, meta fis-sena 330 ħaddan il-fidi Nisranija, biddel il-festa ta’ Sol Invictus li kienet issir fil-25 ta’ Diċembru f’festa Nisranija. Qabel, sewwasew fis-sena 321 dan l-istess Imperatur kien biddel ukoll l-isem tal-ewwel jum tal-ġimgħa u minn Dies Solis (il-venerabbli jum tax-xemx) għal Dominus, (jum il-Mulej). Dawn il-bidliet mhux dejjem kienu milqugħa tajjeb, tant li fl-Ewropa ta’ fuq baqa’ jintuża l-isem antik tal-jum tax-xemx: Sunday, fost is-Sassoni u Sontag fost il-Ġermaniċi. Id-dinja Semitika ma tużax l-ismijiet Rumani għall-jiem imma tuża l-ismijiet Għarab, bħalna l-Maltin li nsejħu l-ewwel jum tal-ġimgħa: il-Ħadd. Il-jiem f’dawn l-ilsna jikkorrispondu għan-numri, għajr il-jum tal-Ġimgħa fejn id-dinja Musulmana tinġabar f’gemgħa għat-talb.

Dan kien il-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied fil-25 ta’ Diċembru.

Qabel

Bla ma jrid, dak li jkun jibda jistaqsi: “Allura qabel żmien Kostantinu, meta kien jiġi ċċelebrat jum il-Milied?” Tajjeb ngħidu mill-ewwel li fl-ewwel snin tal-Knisja din il-festa ma kinitx tkun iċċelebrata. Kien jiġi ċċelebrat l-Għid il-Kbir iżda mhux it-twelid tal-fundatur tar-reliġjon Kristjana.

Fl-ewwel tliet sekli tal-Kristjaneżmu, it-twelid ta’ Kristu kien jiġi ċċelebrat f’dati differenti. Kien hemm fejn jiċċelebrawh fit-18 ta’ April, oħrajn fid-29 ta’ Mejju. Għal San Ċiprijanu kien fit-28 ta’ Marzu, għal San Ippolitu kien fit-23 ta ’April. Skont San Klement ta’ Lixxandra kien hemm Knejjes li jiċċelebraw il-Milied fl-20 ta’ Mejju, oħrajn fl-10 ta’ Jannar jew fis-6 ta’ Jannar.  Is-6 ta’ Jannar għadu sal-lum il-jum tal-Milied għad-dinja Ortodossa.  Dan l-aħħar jum kien ġie stabbilit fil-Lvant kollu u minn hemm wasal ukoll Ruma sakemm seħħet il-bidla deċiżiva minn Kostantinu u wara kienet affermata mill-Papa Ġulju I. Mela qed naraw li anke fl-Ewropa il-jum tal-Milied ma kienx minn dejjem dak li huwa llum.

Il-Papa Ġulju I u oħrajn

Fis-sena 337 il-Papa Ġulju I għamel  il-jum tal-25 ta’ Diċembru bħala d-data uffiċjali tal-Milied mall-Knisja Kattolika kollha. Hekk kiteb f’waħda mill-kitbiet tiegħu San Ġwann Kriżostomu fl-390: “F'dan il-jum, il-25 ta’ Diċembru, in-natività ta' Kristu kienet finalment iffissata wkoll f'Ruma”. Fil-354, il-festa Kristjana tal-25 ta’ Diċembru tissemma’ għall-ewwel darba f’kalendarju tal-liturġija Rumana. Fl-461 din l-għażla reġgħet kienet ikkonfermata mill-Papa Ljun il-Kbir. Xi awturi ekkleżjastiċi oħra jgħidu li l-ewwel ċelebrazzjoni tal-Milied fil-Punent nhar il-25 ta’ Diċembru kienet fis-sena 354 mal-Papa Liberju. L-għażla tal-Knisja ta’ Ruma biex it-twelid ta’ Kristu jkun jaħbat mal-akbar festa pagana li kienet tkun iċċelebrata, kien tentattiv biex inaqqas il-kult lejn alla xemx. B’hekk il-poplu tal-imperu Ruman baqa’ jiċċelebra festa imma issa kienet adattata għar-reliġjon il-ġdida.

Nuqqas ta’ qbil


L-Imperatur Ġustinjanu, madwar mitejn sena wara, illegalizza din id-data għall-Punent kollu. Ma rridux ninsew li l-Imperu Ruman ma kienx biss il-Punent, kien mifrux mal-Mediterran kollu. Knejjes Insara oħra, bħall-Ortodossi, Kopti u Armeni, ma aċċettawx din il-bidla u komplew jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù fis-6 ta’ Jannar. Fil-Knisja Rumana f’dan il-jum ikun iċċelebrat jum l-Epifanija; id-dehra ta’ Ġesù lid-dinja. Dak iż-żmien, l-Insara tal-Mesopotamja akkużaw lil ħuthom “Rumani” b’idolatrija għax qalu li dawn qed jaduraw lix-xmx minħabba li adottaw il-festa tax-xemx bħala l-festa tat-twelid ta’ Kristu.

Mija u tletin sena wara d-deċiżjoni ta’ Kostantinu, fl-460, il-Papa San Ljun il-Kbir fil-prietka tal-Milied ta’ dik is-sena qal: “Din il-qima lejn ix-xemx hija kbira ħafna tant li xi Nsara, qabel ma jidħlu fil-Bażilika ta’ San Pietru, wara li jkunu telgħu t-turġien, iduru lejn ix-xemx u jbaxxu rashom f’ġieħ dik l-istilla tleqq. Aħna mnikkta u jiddispjaċina ħafna għal dan il-fatt li huwa frott tal-mentalità pagana. L-Insara għandhom joqogħdu lura minn kull kult tal-allat.” Biex ikompli l-argument ta’ Papa Ljun, Sant Ambroġ qal: “Kristu huwa x-xemx il-ġdida tagħna.”

llum rajna ftit kif madwar id-dinja beda jkun iċċelebrat jum it-twelid ta’ Ġesù nhar il-25 ta Diċembru. Storja interessanti ħafna li forsi ftit hawn min jaf biha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Diċembru 2020









venerdì 23 novembre 2018

Monarkija


Minkejja li llum il-ġurnata ftit li xejn għadna nisimgħu b’rejiet, irġejjen, imperaturi jew xi forma oħra ta’ monarkija minħabba s-sistema politika differetni li hawn fil-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja, xorta waħda ma nistgħux ngħidu li ma fadalx monarkiji. Veru li bosta minnhom fadlilhom biss titlu imma sa ftit snin ilu dawn kienu għadhom imexxu huma. Meta ngħid ftit snin inkun qed ngħid in kwantu l-istorja, fejn mija jew mitejn sena huma meqjuzin bħala żmien kontemporanju.

Monakrija hija forma ta’ gvern immexxi minn persuna waħda bħala kap. Din il-persuna ladarba tinħatar mexxej tibqa’ hemm sakemm tmut jew tabdika u warajha jieħu postha binha jew bintha skont is-sistema ta’ dik il-monarkija. Il-kelma “Monarka” ġejja mill-Grieg: μονάρχης, (monarkes) li tgħaqqad żewġ kelmiet flimkien: mono li tfisser wieħed u arkon li tfisser mexxej. Mela fil-monarkija minn dejjem kien hemm mexxej wieħed li jkun assolut, ħaġa li llum hija rari ħafna. Biss dak li għalina llum huwa rari, qabel kien ħaġa normali.

L-Imperatur
Ġustinjan, Imperatur Biżantin
Wieħed mill-modi ta’ kif kien jissejjaħ il-monarka kien “Imperatur”. L-imperatur kien bosta drabi meqjus ukoll bħala divinità. Aktarx li b’din il-kelma moħħna dlonk imur fl-imperatur Ruman li kien imexxi l-imperu li anke artna kienet taqa’ taħtu madwar elfejn sena ilu. Bosta storiċi jqisu monarkiji antiki aktar minn dik Rumana bħala monarkiji mmexxijin minn Imperatur. Il-Persja kellha l-imperatur, il-Biżantini kellhom ukoll l-imperaturi tagħhom. L-istess kellhom iċ-Ċiniżi u poplu tal-Etjopja. Dawn huma imperaturi tal-qedem iżda sal-lum għadna nsibu l-imperatur tal-Ġappun. Dan tal-aħħar ma għadx għadnu poter imma huwa titlu.

Waħda mill-paġni glorjużi ta’ pajjiżna hija r-rebħa tal-Assedju l-Kbir, rebħa li saret mill-Kavallieri u l-Maltin fuq l-armata tal-Imperu Ottoman. Dan l-imperu kien imwaqqaf fl-art li llum tissejjaħ it-Turkija u l-inħawi u ħakem bosta artijiet Ewropej. Dan l-imperu spiċċa uffiċjalment fl-1922.
Karlu Manju kien l-ewwel imperatur tal-Imperu Sagru Ruman li kien inkurunat nhar il-Milied tas-sena 800 wara Kristu, għamel bidliet kbar fl-Ewropa, bidliet li xi wħud minnhom għadna narawhom sal-lum, imma hawn mhux il-post li nitkellmu dwar dan il-bniedem kbir. Napuljun Bonaparti kien iddikjara lilu nnifsu bħala imperatur fit-18 ta’ Mejju 1804.

It-Tżar
Alessandu III Tżar tar-Russja
Sar-rivoluzzjoni Russa tal-1917, dan il-pajjiż kien immexxi minn monarka li kienet tissejjaħ Tżar, jew Kżar. Sewwasew dan it-titlu mhux marbut biss mar-Russja għaliex f’xi pajjiżi Slavi konna nsibu monarkiji li kienu jissejħu Tżar ukoll iżda bla dubju huwa dak tar-Russja l-aktar magħruf. Il-kelma Tżar ġejja minn dik Latina Cesare. Dan it-titlu minkejja li ma kienx mifrux daqs dak ta’ Imperatur, kien jintuża għall-monakra mhux biss fir-Russja imma anek fis-Serbja u fil-Bulgarija.

Maħaraġa
Yadavindra Maħaraġa tal-Punjab
Fl-art enormi tal-Indja kien hemm żmien fejn kien hemm mijiet ta’ monarki. Bosta minnhom kienu jissejħu Maħaraġa. Din il-kelma hija ffurmata minn żewġ kelmiet, Maħant li tfisser kbir u Rajan li tfisser mexxej jew re. Billi fl-Indja hemm bosta ilsna differenti tajjeb ngħidu li dawn iż-żewġ kelmiet huma wżati fl-ilsien Sanskrit u billi dan l-ilsien għandu influwenza kbira fuq l-ilsna l-oħra tal-pajjiż, il-kelma Maħaraġa tintuża fl-Indja kollha. Sal-indipendenza tal-Indja, li seħħet fl-1947, fis-subkontinent Indjan, allura mhux it-teritorju Indjan tal-lum biss imma anke l-Pakistan, is-Sri Lanka, il-Bangladesh, in-Nepal u pajjiżi oħra, kienu jeżistu aktar minn sitt mitt monarkija, li bosta minnhom kienu jissejħu Maħaraġa. Bosta minn dawn il-monarki għadhom jeżistu imma bla ebda poter. Bosta minnhom huma maħbubin ħafna mal-poplu għax kienu huma li għenu lill-poplu li kienu jmexxu biex javvanza xi ftit fil-ħajja. Kienu l-Maħaraġa li wasslu l-ilma u d-dawl fl-irħula li kienu jikkmandaw fuqhom huma. Illum il-palazzi ta’ dawn il-mexxejja saru attrazzjoni turistika u sors ta’ dħul għall-familja rjali li llum ma għadx għandha poter ġuridiku.

Sultan
Il-kelma “Sultan” fiha għadd ta’ tifsiriet storiċi iżda l-oriġini tal-kelma huwa Għarbi, nom li jfisser qawwa, awtorità, tmexxija. Fil-fatt il-parti l-kbira tas-slaten insibuhom fid-dinja Għarbija. Biss f’dan l-ambjent is-sultan kellu bosta aktar titli minkejja li l-ħidma kienet dejjem dik li jmexxi b’mod assolut. F’din id-dinja differetni minn dik tagħna konna u f’xi każi għadna nsibu l-Kalif, is-Shah, l-Emir. Prova ta’ dan huwa l-pajjiż sinjur tal-Emirati Għarab Magħquda. Sal-1971 dan il-pajjiż ma kienx jeżisit imma f’dik is-sena sitt Emiri ngħaqdu flimkien biex iffurmaw dak li llum huwa wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri tad-dinja, l-Emirati Għarab Magħquda! Dawn kienu kollha slaten.
Aħna l-Maltin li għandna lingwa semitika wkoll, ġieli konna nirreferu għall-Gran Mastri li mexxew pajjiżna bħala s-Slaten.

Re
Filippu VI, Re ta' Spanja
Bla dubju ta’ xejn l-aktar monarkija magħrufa magħna l-Ewropej hija r-re u r-reġina. Madwar id-dinja fadal madwar erbgħin familja li huma monarkija, li għandhom it-titlu ta’ re jew reġina. Forsi l-aktar popolari hija dik Brittanika imma fl-Ewropa biss insibu aktar minn din.  Spanja, il-Belġju, id-Danimarka, l-Iżvezja, In-Norveġja u n-Netherlands huma fost il-pajjiżi Ewropej li għad għandhom ir re jew ir-reġina. Monarki oħra ma jsejħux lill-mexxej re imma b’xi isem ieħor bħal Pinċep ġewwa Monaco, Andorra u l-Liechtenstein jew Duka fil-Lussemburgu. Imbagħad hemm re ieħor li għandu l-akbar renju fid-dinja. Qed nirreferi għall-Papa li wkoll jitqies bħala re li minkejja li t-teritorju tar-renju tiegħu huwa żgħir, is-sudditti tiegħu huma ħafna u ħafna.

Kemm hemm x’tikteb aktar dwar dan is-suġġett! Suġġett li jinteressa lil bosta minna. Min jaf għalfejn, forsi għax sa ftit aktar minn ħamsin sena ilu aħna wkoll konna taħt monarkija?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 24 ta' Novembru 2018





venerdì 26 gennaio 2018

Żiemel

Kont għadni mindud fis-sodda xħin smajt it-tektik tan-nagħal ta’ żiemel li kien għaddej mit-triq taħt it-tieqa ta’ kamarti. Kieku kont għadni Ħal Qormi ma kontx noħodha bi kbira. Kieku kont il-Marsa inqas u inqas, imma Tal-Pietà mhux daqstant komuni. Naf li hemm daqsxejn ta’ qatgħa mhux wisq bogħod minna, fejn jinżamm żiemel. Kien l-ewwel lejl tiegħi f’Tal-Pieta u għalhekk skantajt. Illum ngħid li drajtu dan il-ħoss għax spiss sid iż-żiemel jgħaddieh minn quddiemna, imma dalgħodu t-tektik tiegħu ġabli ħsieb ġo moħħi li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kif kienet tkun id-dinja kieku ma jeżistux żwiemel. Mhux qed ngħid kienu jieżistu imma biż-żmien inqerdu bħal ngħidu aħna d-dinosawri, imma kieku qatt ma eżistew!

Għax-xogħol u għall-gwerra
Alessandru l-kbir jimmansa liż-żiemel tiegħu
Ma mmorrux wisq lura fiż-żmien, ma naħsbux fi żmien id-dinosawri imma biżżejjed immorru ftit eluf ta’ snin ilu. Iż-żiemel dejjem kien ta’ għajnuna lill-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa ż-żiemel beda jiġi ddomestikat u użat mill-bniedem madwar sitt elef sena ilu u f’elf sena sab postu sewwa fil-ħajja tagħna. Dan għen sewwa biex tnaqqset it-tbatija. Ħafna mill-ġarr beda jsir mill-bhima u mhux aktar mill-bniedem. Iż-żiemel kellu sehem kbir ukoll fl-armati. Is-suldati bdew jitħarrġu sabiex il-battalji u l-gwerer jissieltuhom minn fuq dahar iż-żiemel u mhux aktar fuq saqajhom. Iż-żiemel kellu sehem fil-gwerrer il-kbar li mexxa Alassandu l-Kbir. Iż-żiemel kien importanti għall-gwerer li kellu l-Imperu Ruman. Iż-żiemel konna nsibuh f’kull gwerra jew battalja li saret matul is-snin u baqa’ jintuża sal-ewwel gwerra dinjija li ntemmet sewwasew mitt sena ilu. Matul it-tieni gwerra dinjija intużaw ukoll iż-żwiemel imma aktar bħala mezz ta’ ġarr ta’ materjal milli għal fuq il-front.

Iż-żiemel għen lill-bniedem iwettaq dak li waħdu kien aktarx impossibbli jwettaq. Ħalli nagħti eżempju wieħed. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna jew żorna il-pjazza tal-Vatikan, pjazza San Pietru. Fin-nofs tal-pjazza hemm obelisk għoli aktar minn 25 metru. Dan ma kienx dejjem wieqaf hemmhekk imma meta nġieb mill-Eġittu kien jinstab ftit mijiet ta’ metru bogħod mill-post li narawh fih illum. Dan tpoġġa fil-post tal-lum fl-1586 u biex tniżżel mill-post l-antik, inġarr u twaqqaf fil-post il-ġdid intużaw mijiet ta’ żmiemel. Min jaf kemm-il żiemel intuża biex inġarr il-ġebel li bih inbniet il-Bażilika maestuża tal-Vatikan u l-kolonnat li hemm idawwar il-pjazza li qed insemmu. Min jaf?

Sport
Iż-żiemel huwa wkoll popolari fl-isports. It-tlielaq taż-żwiemel għadhom popolari ħafna anke f’pajjiżna. Billi Mata kienet kolonja Brittanika, l-Ingliżi għenuna nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-bhejjem. Sewwasew mija u ħamsin sena ilu, fl-1868 saret l-ewwel korsa għaż-żwiemel f’Malta. Sa meta kont għadni żgħir jien, dik il-parti tal-korsa kulħadd kien jafna bħala “L-Marsa tal-Ingliżi”.  Aktar tard il-korsa tkabbret u kienet organizzata sewwa biex għal dabra oħra reġgħet iċċekknet biex illum għandna l-korsa li għandna ġewwa l-Marsa.

Fil-Marsa wkoll għadna naraw sport ekwestu ieħor, il-Polo. Ta’ tifel żgħir kont immur man-nannu Bastjan u dejjem kont nara għadd kbir ta’ nies jilgħabu l-Polo. Ngħid id-dritt qatt ma stajt nifhem ir-regoli tal-logħba imma kont nieħu gost narah. Illum jekk ninzerta għaddej minn qrib il-Marsa u nilmaħ lil min jilgħab din il-logħba tinbet fija ċerta nostalġija.

Qaddisin u mhumiex
Iż-żiemel insibuh ukoll marbut ma’ xi qaddisin. Forsi l-aktar popolari huwa San Ġorġ. San Ġorġ bla żiemel narawh imma fl-ikonografija huwa aktar popolari biż-żiemel taħtu. Qaddis ieħor li spiss insibuh biż-żiemel taħtu huwa San Martin. Lil san Pawl ukoll ġieli nsibuh b’żiemel taħtu jew aħjar qiegħed jaqa’ minn fuqu. Dan juri l-qaddis fi triqtu lejn Damasku.

Il-monument ta' Garibaldi ġewwal-Gianicolo Ruma
Hawn Malta m’aħniex imdorrijin b’monumenti ta’ nies fuq iż-żiemel iżda barra minn pajjiżna naraw għadd bla qies minn dawn. Momument dejjem ifakkar xi persuna prominenti, importanti, kbira, li għamlet isem u unur. Bosta minn dawn il-monumenti juru lil xi ġwerrier, ġeneral jew kmandant t a’ xi armata. Jingħad li meta ż-żiemel ta’ taħt dawn il-persuni jkun jidher bl-erba’ saqajn mal-art ikun ifisser li dak il-bniedem li jidher fuqu jkun miet mewta naturali, meta ż-żiemel ikollu xi sieq jew tnejn ma tmissx mal-art ikun ifisser li miet waqt it-taqbid. Toqgħodux fuqi dwar din it-teorija, smajtha aktar minn darba imma mhux bil-fors li hija teorija tajba.

Illum iż-żiemel ma għadux jintuża wisq għax-xogħol u lanqas għadu jintuża għall-gwerer. Illum dan l-annimal jinżamm biss għad-delizju.

B’dawn il-ħsibijiet kollha bla ma rrid ngħid li kieku ż-żiemel ma kienx jeżisti fid-dinja, illum għandna mnejn għandna dinja differenti, għandna anqas monumenti, għandna inqas x’naraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2018



sabato 3 settembre 2016

Caput Mundi

Ħsibijiet dwar il-belt ta’ Ruma

Minkejja li ma hijiex l-eqreb belt kapitali ta’ pajjiż ġar tagħna, Ruma hija meqjusa għalina l-Maltin bħala l-għatba tagħna għad-dinja. Fil-verità hija Tripli fil-Libja l-eqreb kapitali barranija għalina, imbegħda ftit aktar minn 350 kilometru u warajha hemm il-kapitali tat-Tuneżija, imbegħda madwar 400 kilometru. Ruma hija mbegħda minn Malta ftit anqas minn 700 kilometru, madanakollu aħna l-Maltin aktar inħossuna familjari ma’ din il-belt milli ma’ bliet kapitali oħra li huma eqreb minnha.

It-twaqqif ta’ Ruma
Il-lupa: Simbolu ta' Ruma
It-twaqqif ta’ din il-belt, skont l-istoriku Marco Terenzio Varrone li mexa fuq il-kalkoli tal-astrologo Lucio Taruzio Firmano sar fil-21 ta’ April tas-sena 723 qabel Kristu. Hemm xi kalkoli oħrajn li ma jaqblux ma’ din id-data, iżda llum dan il-jum huwa meqjus bħala t-Twelid ta’ Ruma. Il-leġġenda tgħidilna li it-tewmin Romolus u Remus fi twelidhom kienu meħudin mingħand ommhom u mitluqin fix-xatt tax-xmara Tevere sabiex imutu iżda kienu salvati b’ mod mirakoluż. Kien hemm lupa li kienet treddagħhom sakemm sabuhom koppja bdiewa u ħaduhom u rabbewhom huma sakemm kibru. Meta kibru, it-tewmin riedu jwaqqfu belt. Remus ried jibniha fuq l-għolja msejħa Aventino filwaqt li Romolus riedha fuq l-għolja Palatina. L-aħwa tlewmu u tqatlu u Remus ġie maqtul u għalhekk Romolus bena l-belt fejn ried hu u semmiha għalih: Ruma.

Din hija biss leġġenda, iżda leġġenda li r-Rumani huma kburin biha.

Kapitali ta’ Imperu
Il-Kolossew
Minn din il-belt kien jitmexxa l-Imperu Ruman li taħt il-ħakma tiegħu kellu parti kbira tad-dinja ta’ dak iż-żmien. Bejn is-sena 100 q.K. u s-sena 400 w.K. Ruma kienet l-akbar belt fid-dinja. Dan l-imperu kien tant jokkupa art li llum insibu 55 nazzjon f’ dik iż-żona li xi dabra kienet tagħmel parti minnu, fosthom pajjiżna. Minn hawn ħareġ l-isem “Caput Mundi” ir-ras tad-dinja li riedet tfisser il-belt kapitali tad-dinja kollha.

Bħala belt kapitali għal tant snin, ma jistax jonqos li tkun għanja fl-arkitettura tagħha. Illum għadna nistgħu ngawdu xi bini li ġie skavat kif ukoll binjiet oħra li qatt ma kienu ntradmu. Fil-Foro Ruman u fil-qrib hemm eżempji ta’ dawn iż-żewġ każi, djar u palazzi skavati u bini li ilu wieqaf madwar elfejn sena, fosthom il-Kolossew.

Kapitali tal-Italja
Fis-17 ta’ Marzu 1861 saret l-unifikazzjoni tal-Italja. L-ewwel belt kapitali ta’ dan ir-renju ġdid kienet il-belt ta’ Turin. Madanakollu Ruma kienet meqjusa bħala l-belt morali. F’ dak iż-żmien Ruma kienet għadha ma tagħmilx parti mill-Italja magħquda iżda kienet tifforma parti mill-Istat Pontifiċju. Fl-1865 il-kapitali Taljana saret il-belt ta’ Firenze. Fl-1870 sewwasew fl-20 ta’ Settembru, seħħet dik li tissejjaħ Breccia di Porta Pia, fejn Ruma ttieħdet minn idejn l-istat tal-Knisja u għaddiet mal-kumplament tar-renju tal-Italja. Dan il-pass xellef bi kbir ir-relazzjoni bejn l-istat Taljan u s-Santa Sede, kwistjoni li ssolviet bil-patti tal-Lateran li kienu ffirmati fil-11 ta’ Frar, 1929. Intant, fl-1 ta’ Lulju tas-sena 1871 Ruma saret il-belt Kapitali tar-renju tal-Italja immexxi mill-Familja Savoia.

Altare della Patria
Minn dak iż-żmien Ruma baqgħet il-kapitali Taljana għajr għal xi perjodi qosra matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn Settembru 1943 u Frar 1944, wara l-armistizju mal-alleati, meta r-Re Vittorio Emanuele III u l-familja ħallew Ruma u sabu kenn ġewwa Brindisi, din il-belt  ġewwa l-Puglia saret kapitali tar-renju. Bejn Frar u Ġunju tas-sena 1944, billi l-familja Rjali marret tgħix Salerno, kienet iddikjarata din il-belt fir-reġjun ta’ Campania bħala kapitali. Wara l-gwerra Ruma reġgħet saret il-belt kapitali.

Tajjeb iżda nkunu nafu li minkejja dawn is-snin kollha li Ruma serviet bħala l-omm tal-bliet Taljani kollha, kien biss fis-sena 2001 li kisbet ir-rikonoxximent kostituzzjonali bħala l-belt kapitali Taljana.

Il-Belt Eterna
Il-vatikan
Ruma hija wkoll magħrufa bħala l-belt eterna. Sa mill-ewwel żmien tal-Kristjaneżmu, is-segwaċi tan-Nazzarenu fittxew li jmorru Ruma. Kien Pietru l-ewwel isqof ta’ hemmhekk, dak l-istess Pietru li kien maħtur minn Kristu stess bħala l-ewwel mexxej tal-Knisja. Pietru miet Ruma, miet u ndifen hemm ukoll. Pawlu, li nistgħu ngħidu kien dak li xandar it-tagħlim tal-fidi l-ġdida, wkoll mar Ruma, u hemm sab it-tmiem tiegħu wkoll. Minn Ruma titmexxa l-Knisja Kattolika. Ruma hija l-belt tal-Papiet. Kien hemm żminijiet fejn il-Papa ma kienx jgħix Ruma, fosthom madwar 70 sena li kien ġewwa Avignon fi Franza, biss billi l-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma, ma hijiex ħaġa prattika li mexxej imexxi d-djoċesi tiegħu mill-bogħod.

F’ Ruma insibu l-iżgħar stat fid-dinja, l-Istat tal-Vatikan, imwaqqaf bil-patti tal-Lateran li semmejt aktar qabel.  Ruma hija l-belt li fiha numru kbir ħafna ta’ knejjes, Ruma hija l-belt fejn bosta ordnijiet reliġjużi għandhom il-kurja ġenerali tagħhom. Ruma hija l-qalb tal-fidi Nisranija. Għalhekk tissejjaħ il-Belt Eterna.

Ruma hija dik il-belt li lilna l-Maltin tiftħilna t-triq għad-dinja u għalhekk kważi nħossuna obbligati li tal-inqas darba f’ ħajjitna inżuruha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Settembru 2016





mercoledì 5 marzo 2014

Imperu jew Unjoni

Kultant nisma’ xi Rumani, mkabbrin bl-istorja ta’ belthom, jgħidu l-Imperu Ruman ma waqax imma warrab biex għamel wisa’ lill-ħaddieħor.  Dawn isostnu li kieku l-Imperu waqa’ l-belt kienet tiġġarraf għal kollox minn min waqqa’ dan l-Imperu li kien jaħkem l-art ta’ madwar il-Mediterran sabiex isimha jitħassar darba għal dejjem. Hi x’inhi l-istorja, nafu li Ruma ma baqgħetx il-kapitali tad-dinja: Caput Mundi, kif kienet tissejjaħ meta l-Imperu kien fl-aqwa tiegħu. L-argument ta’ dawnn it-talin jitlef aktar mill-qawwa tiegħu meta niftakru li kien hemm min xtaq jerġa’ jwaqqaf dan l-imperu anke fuq skala iżgħar, bħal Karlu Manju u Mussolini.

Ta’ min hi l-ħtija?
Ma nistgħux ngħidu li dan l-Imperu waqa’ minħabba fattur wieħed biss. Problemi finanzjari, problemi militari, nuqqas ta’ moralità u diċenza, it-tagħlim ġdid tal-Kristjaneżmu li ftit ftit beda jieħu post l-allat Rumani, l-invażjoni tal-Goti li qasmu x-xmara Danubju li kienet fruntiera naturali tal-Imperu  kollha għenu biex jispiċċa dak li darba kellu f’idejh il-Mare Nostrum bl-artijiet ta’ madwaru.

In-nuqqas ta’ finanzi kien ta’ detriment għall-Imperu u l-istess kienu il-problemi militari fost l-armata Rumana. Il-poplu kien laħaq ċertu livell ta’ għixien imma kien waqa’ fil-livell morali u d-diċenza kienet saret xi ħaġa tal-passat, xi ħaġa tal-barbari, ta’ dawk li ma kienux jagħmlu parti mid-dinja Rumana. Ir-reliġjon kienet tgħaqqad lir-Rumani. Il-qima lejn l-allat Rumani kienet l-istess waħda fl-imperu kollu u dan kien jgħaqqad lill-kulħadd flimkien. Bit-tixrid tal-fidi Nisranija din l-għaqda intemmet.

L-4 ta’ Settembru tas-sena 476 huwa meqjus bħala l-jum li fih waqa’ l-Imperu Ruman, imma kif pruvajt infisser, ħaġa bħal din ma tistax isseħħ f’ jum wieħed. Il-problemi jkunu ilhomm jherru l-ġewwieni sakemm fl-aħħar jispiċċa u jisfaxxa kollox.

Ripetizzjoni
Jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha. L-istroja tagħti raġun lil min jgħid hekk. Bosta stejjer fil-kotba tal-istorja nsibuhom irrepetuti fis-sustanza tagħhom. Stejjer li jkollhom uċuh differenti, ilbies differenti, xenarju differenti, imma jirrakkontaw l-istess ħaġa b’ mod differenti.

Aħna
Illum ftit nisimgħu bil-klema “Imperu”. Donnha ħarġet mill-moda wara t-tieni gwerra dinjija, imma għandna istituzjonijiet politiċi li ma jissejħux imperu minkejja li għandhom setgħa ta’ imperaturi. Aħna ngħixu f’ pajjiż indipendenti u ħieles, imma nagħmlu parti wkoll minn unjoni politika kbira bħalma kien kbir l-Imperu Ruman. L-Unjoni Ewropea ma hijiex imperu imma hija għaqda li skont l-Eurostat fiha aktar minn ħames mitt miljun ċittadin. Biex nagħmlu paragun insemmu li l-Imperu Ruman fl-aqwa tiegħu kellu t-tmexxija ta’ 88 miljun ruħ.


L-istess problemi
Wisq nibża’ li din l-għaqda politika għandha xi ftit mis-sintomi li kellu l-Imperu Ruman. Problemi finanzjari, nuqqas ta’ moralità u diċenza, it-tħallija minn bosta tal-fidi tradizzjonali Ewropea u bosta problemi oħrajn simili. Forsi Malta għadna għaddejjin mhux ħażin, imma l-aħbarijiet minn pajjiżi ġirien bi problemi finanzjari enormi jaslulna. Fejn ntidħol id-diċenza, illum lanqas pajjiżna ma għadu dak li kien sa ftit snin ilu, mhux ftit deċenni imma ftit snin. U l-istess għat-twemmin; illum insibu minn kollox fejn tidhol fidi, qisna qegħdin f’ supermarket, nagħżlu li rridu aħna.

X’ jorbotna
Tasal biex bla ma trid tistaqsi: Allura x’ hemm li jżommna? Innu? Bandiera? Parlament? Qorti? Kostituzzjoni? Imma dawn biss jistgħu jżommu għaqda politika enormi bħalma hi l-U E? Nemmen li hemm bżonn inpoġġu ftit bilqegħda u naħsbu bis-serjetà.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Marzu 2014