sabato 3 settembre 2016

Caput Mundi

Ħsibijiet dwar il-belt ta’ Ruma

Minkejja li ma hijiex l-eqreb belt kapitali ta’ pajjiż ġar tagħna, Ruma hija meqjusa għalina l-Maltin bħala l-għatba tagħna għad-dinja. Fil-verità hija Tripli fil-Libja l-eqreb kapitali barranija għalina, imbegħda ftit aktar minn 350 kilometru u warajha hemm il-kapitali tat-Tuneżija, imbegħda madwar 400 kilometru. Ruma hija mbegħda minn Malta ftit anqas minn 700 kilometru, madanakollu aħna l-Maltin aktar inħossuna familjari ma’ din il-belt milli ma’ bliet kapitali oħra li huma eqreb minnha.

It-twaqqif ta’ Ruma
Il-lupa: Simbolu ta' Ruma
It-twaqqif ta’ din il-belt, skont l-istoriku Marco Terenzio Varrone li mexa fuq il-kalkoli tal-astrologo Lucio Taruzio Firmano sar fil-21 ta’ April tas-sena 723 qabel Kristu. Hemm xi kalkoli oħrajn li ma jaqblux ma’ din id-data, iżda llum dan il-jum huwa meqjus bħala t-Twelid ta’ Ruma. Il-leġġenda tgħidilna li it-tewmin Romolus u Remus fi twelidhom kienu meħudin mingħand ommhom u mitluqin fix-xatt tax-xmara Tevere sabiex imutu iżda kienu salvati b’ mod mirakoluż. Kien hemm lupa li kienet treddagħhom sakemm sabuhom koppja bdiewa u ħaduhom u rabbewhom huma sakemm kibru. Meta kibru, it-tewmin riedu jwaqqfu belt. Remus ried jibniha fuq l-għolja msejħa Aventino filwaqt li Romolus riedha fuq l-għolja Palatina. L-aħwa tlewmu u tqatlu u Remus ġie maqtul u għalhekk Romolus bena l-belt fejn ried hu u semmiha għalih: Ruma.

Din hija biss leġġenda, iżda leġġenda li r-Rumani huma kburin biha.

Kapitali ta’ Imperu
Il-Kolossew
Minn din il-belt kien jitmexxa l-Imperu Ruman li taħt il-ħakma tiegħu kellu parti kbira tad-dinja ta’ dak iż-żmien. Bejn is-sena 100 q.K. u s-sena 400 w.K. Ruma kienet l-akbar belt fid-dinja. Dan l-imperu kien tant jokkupa art li llum insibu 55 nazzjon f’ dik iż-żona li xi dabra kienet tagħmel parti minnu, fosthom pajjiżna. Minn hawn ħareġ l-isem “Caput Mundi” ir-ras tad-dinja li riedet tfisser il-belt kapitali tad-dinja kollha.

Bħala belt kapitali għal tant snin, ma jistax jonqos li tkun għanja fl-arkitettura tagħha. Illum għadna nistgħu ngawdu xi bini li ġie skavat kif ukoll binjiet oħra li qatt ma kienu ntradmu. Fil-Foro Ruman u fil-qrib hemm eżempji ta’ dawn iż-żewġ każi, djar u palazzi skavati u bini li ilu wieqaf madwar elfejn sena, fosthom il-Kolossew.

Kapitali tal-Italja
Fis-17 ta’ Marzu 1861 saret l-unifikazzjoni tal-Italja. L-ewwel belt kapitali ta’ dan ir-renju ġdid kienet il-belt ta’ Turin. Madanakollu Ruma kienet meqjusa bħala l-belt morali. F’ dak iż-żmien Ruma kienet għadha ma tagħmilx parti mill-Italja magħquda iżda kienet tifforma parti mill-Istat Pontifiċju. Fl-1865 il-kapitali Taljana saret il-belt ta’ Firenze. Fl-1870 sewwasew fl-20 ta’ Settembru, seħħet dik li tissejjaħ Breccia di Porta Pia, fejn Ruma ttieħdet minn idejn l-istat tal-Knisja u għaddiet mal-kumplament tar-renju tal-Italja. Dan il-pass xellef bi kbir ir-relazzjoni bejn l-istat Taljan u s-Santa Sede, kwistjoni li ssolviet bil-patti tal-Lateran li kienu ffirmati fil-11 ta’ Frar, 1929. Intant, fl-1 ta’ Lulju tas-sena 1871 Ruma saret il-belt Kapitali tar-renju tal-Italja immexxi mill-Familja Savoia.

Altare della Patria
Minn dak iż-żmien Ruma baqgħet il-kapitali Taljana għajr għal xi perjodi qosra matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn Settembru 1943 u Frar 1944, wara l-armistizju mal-alleati, meta r-Re Vittorio Emanuele III u l-familja ħallew Ruma u sabu kenn ġewwa Brindisi, din il-belt  ġewwa l-Puglia saret kapitali tar-renju. Bejn Frar u Ġunju tas-sena 1944, billi l-familja Rjali marret tgħix Salerno, kienet iddikjarata din il-belt fir-reġjun ta’ Campania bħala kapitali. Wara l-gwerra Ruma reġgħet saret il-belt kapitali.

Tajjeb iżda nkunu nafu li minkejja dawn is-snin kollha li Ruma serviet bħala l-omm tal-bliet Taljani kollha, kien biss fis-sena 2001 li kisbet ir-rikonoxximent kostituzzjonali bħala l-belt kapitali Taljana.

Il-Belt Eterna
Il-vatikan
Ruma hija wkoll magħrufa bħala l-belt eterna. Sa mill-ewwel żmien tal-Kristjaneżmu, is-segwaċi tan-Nazzarenu fittxew li jmorru Ruma. Kien Pietru l-ewwel isqof ta’ hemmhekk, dak l-istess Pietru li kien maħtur minn Kristu stess bħala l-ewwel mexxej tal-Knisja. Pietru miet Ruma, miet u ndifen hemm ukoll. Pawlu, li nistgħu ngħidu kien dak li xandar it-tagħlim tal-fidi l-ġdida, wkoll mar Ruma, u hemm sab it-tmiem tiegħu wkoll. Minn Ruma titmexxa l-Knisja Kattolika. Ruma hija l-belt tal-Papiet. Kien hemm żminijiet fejn il-Papa ma kienx jgħix Ruma, fosthom madwar 70 sena li kien ġewwa Avignon fi Franza, biss billi l-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma, ma hijiex ħaġa prattika li mexxej imexxi d-djoċesi tiegħu mill-bogħod.

F’ Ruma insibu l-iżgħar stat fid-dinja, l-Istat tal-Vatikan, imwaqqaf bil-patti tal-Lateran li semmejt aktar qabel.  Ruma hija l-belt li fiha numru kbir ħafna ta’ knejjes, Ruma hija l-belt fejn bosta ordnijiet reliġjużi għandhom il-kurja ġenerali tagħhom. Ruma hija l-qalb tal-fidi Nisranija. Għalhekk tissejjaħ il-Belt Eterna.

Ruma hija dik il-belt li lilna l-Maltin tiftħilna t-triq għad-dinja u għalhekk kważi nħossuna obbligati li tal-inqas darba f’ ħajjitna inżuruha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Settembru 2016





Nessun commento:

Posta un commento